Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1544022
15 kotba IL-ĦADD 22 TA' MARZU 2026 • illum Miġjuba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Michaela Pia Camilleri tkellimna dwar ktieb li ħareġ fl-2018 u rebaħ il- Premju Nazzjonali tal-Ktieb is-sena ta' wara. Erbgħin Jum ta' Antoine Cassar fih kitba vulnerabbli li tistiednek tpoġġi u tara lill-poeta jaqla' qalbu quddiemek, ipoġġiha f' idejk, u jħallik tiġġudikah, forsi tagħdru ftit ukoll. Erbgħin Jum: Ir-rifuġju għal dawk ta' qalbhom tarija Il-vjaġġ tiegħi ma' Erbgħin Jum (Ede Books) ta' Antoine Cassar beda ġewwa rifuġju li jħares fuq Lac de la Glère, ġol- Pirenej. L-ebda Malti ma kien qatt resaq hemm qabilna. It-tensjoni fil-grupp kienet qawwija. Eżatt malli lħaqna l-quċċata tal-muntanja, fejn konna ħa nqattgħu jumejn marsusin ma' xulxin f 'kabina, inqala' diżgwid bejnietna. Jien u ħabibti, eżawsti u ddiżappuntati, inġbarna fil-kamra tal-ikel, u ntfajna bilqiegħda fuq bankijiet tal-ballut, ma' mejda tal-ballut, imdawrin b'ħitan miksija bil-ballut. Ma tantx stajt tagħmel xorti, ħlief tilgħab xi logħba Jenga, jew tmur mixja fil- madwar. Riġlejna sfrakassati, ħabibti ħarġet xi kotba mill-basket. Wieħed minnhom laqatli għajnejja. Dawwartu lejja u qrajtlu l-qoxra ta' wara: "Il-mixi s-salmura tal-qalb. Mel'imxi. Jekk tibki baħar, laħlaħ saqajk fih. Jekk jaħarqu għajnejk, għaddashom fir-riħ. Ħallik minn min iċekknek biex jitkabbar. Ħallik minn min ikexkxek biex jistabar… Jekk xejn, dan l-uġigħ imexxik fi triqtek. Mel'ibki. Kun qattus tiegħek innifsek. Imxi. Kun it-trejqa li tilqa' sieqek…" Malli qrajt din il-poeżija, stabart. Tatni l-permess biex l-uġigħ li ħassejt inħallih mar-riħ, u nħallih jgħib ma' kull pass li għamilt fuq il-muntanja. Miktub f 'forma ta' poeżija twila, Erbgħin Jum huwa pelleġrinaġġ fil-psike tal-poeta, fejn jooq il-passat tiegħu biex jiem il- preżent. Il-ktieb jiaħ billi jispjega l-vjaġġ li se jterraq fuqu l-poeta, u li jistedinna nagħmlu miegħu: "Immiddu l-ewwel pass f 'dil-penitenza, Jien u dan ġismi jfur bi ħtijiet qodma. Erbgħin jum, għaxart elef pass kull għodwa Sa tmiem is-sena, jew sakemm ninfena." Il-poeta jrid jerħilha fuq vjaġġ ta' penitenza, biex jirrifletti fuq ħsibijietu u ħtijietu li qed jikluh minn ġewwa, u biex forsi xi darba jkun jista' jaħfer lilu nnifsu. Spiss juża s-simboliżmu u n-numri, biex iwassal il-messaġġ tiegħu, inkluż fit-titlu tal- istess ktieb. In-numru erbgħin ifakkarna fil- vjaġġ ta' Kristu fid-deżert, fejn mar isaffi lilu nnifsu qabel ma seta' jimxi għall-pass divin li jmiss, fejn mar jikkonfronta t-tentazzjonijiet u l-provokazzjonijiet tax-xitan. Bl-istess mod, Cassar iqatta' erbgħin jum ta' mixi u riflessjoni, biex isaffi lilu nnifsu, u biex forsi jasal li xi darba jaħfer lilu nnifsu. Minflok jittantah ix-xitan fid-deżert, Cassar jittantawh ħsibijietu. Imqassam f 'jiem u ljieli, il-ktieb huwa illustrat bi tmien 'stazzjonijiet' minn woodcuts ta' Steven Scicluna. Laqtuni s-simboli li juża Scicluna fil- quċċata ta' kull paġna biex jindika liema kapitli jirrappreżentaw il-lejl, u liema jirrappreżentaw in-nhar. Dawn is-simboli jippreparawk għall-istat psikoloġiku li se ssib lill-poeta fih. Fil-kapitli ta' binhar, il-poeta spiss jeħodna fuq xi passiġġata miegħu, f 'pajsaġġi reali jew metaforiċi. Għalih, il-mixi huwa l-mezz prinċipali tiegħu ta' katarsi, riflessjoni, tindif tad-demm, trawwim tat-tama, jew pjaċir senswali. Kif jgħid il-poeta, il-mixi huwa s-salmura tal-qalb, u jgħinek tiddiġerixxi dak li jkun qed itaqqallek qalbek: "Għada nqumu friski għal mixja ġdida bil-mappa mħażża f 'idna x-xellugija, ħa nġibu l-qalb, ir-ras u l-ħajja f 'posthom bil-pass il-pass, u b'daħqa ta' tmien snin." Bejn mixja u oħra jaqa' d-dlam, u l-poeta jeħodna f 'soddtu, bejn il-friex imqallbin bil-ħsibijiet tqal tiegħu. L-insomnja ma tħallihx bi kwietu, u ġġiegħlu jinterroga l-iħirsa ta' tfulitu u d-dellijiet li għadhom jikkundannawh sal-preżent, qishom xafra tal-giljottina mdendla fuq rasu. Kliemu jitqal, u l-paranojja u l-ansjetà tħosshom ma' kull linja u kull strofa. Wieħed mill-akbar stalletti li jniffidlu qalbu fis-sigħat imdallmin huwa r-relazzjoni tiegħu m'ommu. Cassar mgħobbi bi "ħtijiet qodma" dwar kif ġab ruħu m'ommu fi tfulitu — ommu li kienet tiġi mbenġla kemm bis- swat fiżiku u anke bil-gideb ta' missieru, sakemm missieru seraq lilu u 'l ħuh minn taħt idejha. F'lament vulnerabbli, il-poeta jokrob għall-maħfra lil ommu, talli "[baqa'] [j]ixrob mis-semm sa ma beda jogħġ[bu]" u talli "Flok [qabeż] għali[ha] [sar] ponn missier[u] f 'wiċċ[ha]". Dan jikxef l-impatt u t-trawma psikoloġika dejjiema li tħalli l-vjolenza domestika fuq it-tfal, u l-kunflitt mentali li jibqa' jqajmek billejl. Avolja bla ħtija, il-poeta xorta jħossu ħati ta' kif tratta 'l ommu meta kien għadu ma jiem xejn. Fl-istess waqt naraw il- ġlieda miegħu nnifsu biex jaħfer 'il missieru. Fil-bidu l-qarrej iħoss it-tama fil-poeta li xi darba għad ikun jista' jaħfirlu, iżda li fl- aħħar jispiċċa ma jirnexxilux. Ir-relazzjoni tiegħu m'ommu tibqa' dell fuq il-preżent tiegħu, fuq ir-relazzjonijiet tiegħu man-nisa f 'ħajtu. Lil ommu jgħidilha li "[baqa'] [j]fitt[ixha] fejn mhux suppost, f 'nisa ma jixbhu[ha] xejn." Mara partikolari, bi tmien ittri f 'isimha, tissemma matul il- poeżija. Mimli nostalġija għal dak li seħħ u dak li seta' kien, "għall-ħolm li azzard[a] [j] ħażżeż għali[hom]", il-poeta jibqa' mwaħħal fil-passat, u jibqa' jistedinha timxi miegħu fil-preżent li m'għadhiex tifforma parti minnu. Bil-kitba vulnerabbli tiegħu, Cassar ipoġġi bilqiegħda quddiemek, jaqla' qalbu minn ġo sidru, u jpoġġiha f 'idejh – iħallik tiġġudikah, u forsi tagħdru. Iġiegħlek tħoss għal dan it-tifel ta' tmien snin u "tletin sena rabja". Iġiegħlek tħoss emozzjonijiet li qatt ma ħassejt, u tgħix esperjenzi li qatt ma għext. Dan il-ktieb-poeżija, li rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2018, huwa ħafna affarijiet f 'daqqa: talba għall-maħfra, lament dwar il-passat, u xi tip ta' tama għall-futur. Iżda fl-aħħar mill-aħħar huwa stedina għall- qarrej biex jimxi, jooq ħsibijietu u biex "[i] kun it-trejqa li tilqa' sieq[u]".

