Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1544246
13 arti u kultura IL-ĦADD 5 T'APRIL 2026 • illum Il-gazzetta ILLUM hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti Għidli naqra: Saħħar F'din is-sensiela, il-gazzetta titkellem ma' bands lokali fuq ix-xena tal-mużika f'Malta u fuq l-istorja tal-band innifisha L-isem 'Saħħar' kien ispirat mill-istorja tas-Saħħar Falzun ILENIA DEBONO Minn fejn bdiet l-istorja tal-band? Għall-ħabta tal-2005, wara li sensiela ta' tentattivi biex nifforma grupp sfaxxaw fix- xejn għal bosta raġuni, għażilt li nifforma dan il-proġett waħdi u nara minn hemm. Kontu tafu lil xulxin qabel ma kontu fil-band flimkien? Il-proġett huwa ħolqien tiegħi mill-bidu sal-aħħar. Madankollu, le, il-mużiċisti li jdoqqu miegħi fuq il-palk, kollha ltqajt magħhom matul iż-żmien. Fil-fatt, kważi kollha kienu akkaniti tal-mużika ta' Saħħar qabel ma bdew idoqqu miegħi. Kif għażiltu l-isem tal-band? Fi ċkuniti, kont qrajt ktieb ċkejken fuq stejjer u leġġendi Maltin u żewġ kapitli minnhom kienet l-istorja tas-Saħħar Falzun. Ktibt silta bbażata fuq dik il-leġġenda u ftit wara għażilt l-isem Saħħar biex ikun in-nom taħt liem nikteb il-materjal tiegħi. Liema hu l-iżjed proġett għal qalbek? Kollha għandhom valur għalija li tagħmilha diffiċli, imma jekk ikolli nagħżel, naħseb 'Kliem it-Tmiem' li ħriġt fl-2017. Dan jibqa' l-ikbar proġett bħala daqs u skop, l-aktar li domt naħdem fuq ġabra, u naħseb xorta jibqa' l-aktar album li għamel suċċess. Minn hemm spiċċajt niftaħ. X'inhu l-pass li jmiss? Qed noqrob biex noħroġ ġabra/album ieħor, u kampanja ta' shows, iżda bħalissa ma nista' nikxef xejn aktar ħlief li se jkun mistħoqq tal-għoxrin sena anniversarju ta' Saħħar. Liema hi l-ikbar ispirazzjoni tiegħek? Leġġendi, primarjament Maltin, filosofija mistika, il-biżgħat u l-ħdura li kapaċi jġarrab il-bniedem fuq għajru; u l-mewt, min aspett ta' kultura, spiritwalità u anka teoloġika. Ix-xena tal-mużika lokali toffri opportunitajiet lill-artisti li għadhom jibdew? Li għadhom jibdew, ngħid li iva, kemxejn aktar minn meta bdejt jiena żgur. Il-pjattaformi diġitali jgħinu ħafna, għalkemm dan ifisser li għandhom aktar kompetizzjoni milli fi żmieni. Sejf jaqta' miż-żewġ naħat imma xorta naħseb li aħjar. Kieku tistgħu tbiddlu xi ħaġa fix- xena mużikali Maltija, xi tkun? Xejn. Ilni biżżejjed fix-xena biex nagħraf li d-dinamika tagħha hija f 'rota li tieħu bosta snin biex iddur. Apparti minn hekk, xena mhuwa xejn mingħajr udjenza għaliha, li nixtieq li tikber u ssir regolari biżżejjed li ssarraf f 'sostennibbiltà aqwa għall-impenn tal- gruppi lokali, ta' kwalunkwe stil, imma naħseb bix-xewqa se nibqa', anka għoxrin sena oħra.

