MediaToday Newspapers Latest Editions

ILLUM 28 June 2026

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1545612

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 15

15 kotba IL-ĦADD 28 TA' ĠUNJU 2026 • illum Miġjuba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal- Ktieb għal dil-ġimgħa, Christopher Cutajar jaqra l-leġġendi Għawdxin miġburin minn Ġorġ Pisani, u bejn waħda u oħra jirrifletti dwar il-valur kulturali u pajsaġġistiku tagħhom. Kull leġġenda għal postha! L-ewwel darba li ltqajt mal- kitbiet ta' Ġorġ Pisani kien fil-bidu tas-sekondarja. Fil- Liċeo ta' Raħal il-Ġdid ridt tara l-għalliem tal-Malti li kellna li bi stil uniku u b'dawk l-għajnejn ċari espressivi tiegħu qralna l-poeżija 'Suldati Maltin'. Mal-versi 'Għaddejjin, ‒ Pass wieħed mexjin, ‒ Suldati ta' Mal- ta, ‒ Suldati Maltin!' ridt tarah miexi bejn l-imwejjed fil-klassi billi jagħti ritmu lill-poeżija u fl-istess waqt iħabbat saqajh bħas-suldati nfushom. Kien mod sottili ‒ inkella ċar kris- tall ‒ biex ilaqqagħna mal-im- portanza tas-sillabi fil-kitba tal-poeżija. Imbagħad meta iżjed 'il quddiem komplejt nitgħallem il-Malti fil-Kulleġġ tal-Imsida konna studjajna poeżiji bħal 'Għar Dalam' u 'Il-Ġgantija t'Għawdex' permezz ta' antoloġija miġbura mill-Pro- fessur Oliver Friggieri taħt l-isem Il-Poeżija Maltija. Dak li se nittrattaw illum huwa ġeneru ieħor li kien tana l-poeta u kittieb Għawdxi Ġorġ Pisani (1909‒1999). Dawn iż- żewġ volumi ta' Triqat il-Ħolm jiġbru l-leġġendi kollha li ġabar u kiteb Pisani. Ġew ippubblikati fl-2020 partikolarment bis- saħħa tax-xogħol li għamel ibnu n-Nutar Dr Paul George Pisani u bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex li wassal biex din il-pubblikazzjoni ssir realtà. Il-leġġenda Kienu jgħallmuna li l-leġġen- da hija storja li tista' tkun vera u tista' ma tkunx. Li hu tassew interessanti li meta taqra dawn il-leġġendi minn Għawdex, tirrealizza li xi minn daqqiet leġġenda jkollha rabta ma' epo- ka storika partikolari, filwaqt li f 'oħrajn ma jirnexxilekx tifhem minn liema seklu jkun ilu ġej ir-rakkont. Għaldaqstant il-leġġendi jieħdu nisġa bejn re- altà u fantasija. Waqt li leġġenda tiġi rakkuntata minn ġenerazz- joni għal oħra din tieħu bixriet differenti u allura jitwieldu wkoll il-varjanti. Ġorġ Pisani nnifsu jikteb kif: "Fil-ħajja kwieta u monotona ta' dawk iż-żmenijiet imbiegħda, ir-rakkonti ta' dawn l-istejjer kienu għal bżonn psikoloġiku li jikser kemxejn ir-ritmu tal-ħajja kiebja u dejjem l-istess. Il-poplu kien iħoss il-bżonn li joħlom imqajjem, joħlom u kuljum jinsa" (Volum I p.38). Pisani jikteb ukoll dwar il-karattru Għawdxi billi jfisser kif: "Dan il-poplu min-natura tiegħu, huwa ġens ħassiebi u riflessiv u dawn il-kwalitajiet joħolqulu kundizzjonijiet mill-aħjar biex iqanqlulu l-immaġinazzjoni u jixegħlulu l-fantasija" (Volum I p.51). L-Iskoll tal-Fessej Dawn iż-żewġ volumi jof- frulna ġabra ta' 77 leġġenda. Meta tiflihom jgħinuk tifhem lil Għawdex aħjar. Jiena ġieli għodost biċ-ċilindri madwar l-Iskoll tal-Fessej 'il barra minn Imġarr ix-Xini, iżda qajla għad- dieli minn moħħi għaliex dan l-iskoll spiċċa ssemma hekk. Il-ħallelin tal-baħar kienu ta' sikwit jiżbarkaw hemmhekk bit- tir li jisirqu nies, bhejjem u ikel mill-gżira. Jingħad li żagħżugħ mix-Xewkija kien joħroġ frejgatina minn kamra li kellu fi Mġarr ix-Xini, jibqa' ħiereġ biha fejn l-iskoll u jintefa' jistad bil-qasba minn fuq il-quċċata tal-blata. Ħabat li l-furbani saru midħla ta' dan iż-żagħżugħ tant li bdew jiksbu ċerti sigrieti dwar fejn ikun jaqblilhom li jaħbtu fl-irħula fil-viċin. B'hekk l-iskoll tlaqqam 'Tal-Fessej' għaliex dak iż-żagħżugħ kien bniedem li jservihom ta' spjun u għalhekk ma setax ikun fdat min-nies tal-gżira. L-Armla minn Ta' Sannat Ġrajja oħra li serqitli qalbi kienet dik tal-armla minn Ta' Sannat, għaliex mhux biss hija leġġenda, iżda tispiċċa wkoll b'messaġġ u xi ftit fantasija. Din id-darba l-leġġenda tagħti- na perjodu ċar, dak tal-ksieħ tax-xitwa eżatt wara l-Milied, proprju f 'Jannar tal-1693. Kien hemm mara magħrufa bħala l-Waħx, bejn għax in-natura ma tantx tbissmitilha, iżda wkoll għax kienet marida bil-ġdiem. Kienet tgħix f 'għar magħluq minn quddiem fejn il-kes- ħa kienet ixxoqq il-għadam. Marret tittallab bieb bieb f 'Ta' Sannat biex xi ħadd jilqagħha ġewwa daru jew imqar fi stalla biex ma tgħaddix ix-xitwa f 'dik il-kesħa kiefra. Kellha tkun armla li tilqagħha fl-għorfa li kellha fuq. Ġara li fil-11 ta' Jannar tal-istess sena seħħet theżżiża li nħasset mal-gżejjer kollha. Id-djar u l-irziezet f 'Ta' Sannat ġarrbu ħsarat kbar, iżda d-dar tal-armla hija mifhuma li baqgħet intatta. Iżda l-leġġenda ma tiqafx biss billi turina kif dan tqies bħala "grazzja mis-se- ma għall-karità" li wriet l-armla. Tkompli tgħid kif xi sena wara, il-mara magħrufa bħala l-Waħx mietet fid-dar tal-armla stess u wara mewtha "għebu għalkollox it-tbajja' tal-ġdiem"! L-Għaġuża s-Saħħara Il-Wied tax-Xlendi għandu x'jirrakkuntalna wkoll, hekk kif mix-xaqliba li tagħti mill-Munx- ar hemm tiġbida 'l barra ta' blat li fiha toqba hekk imsejħa "Infetaħ! Ingħalaq!". Jekk tkun sejjer mix-Xlendi għar-Rabat din tistħajjilha miuħa filwaqt li jekk tieħu d-direzzjoni opposta taħsibha li tkun magħluqa. Din is-saħħara xiħa kellha l-ħila tagħmel xorb li jfejjaq, tant li meta ħadd ma sab irkaptu biex ifejjaq lil bint ir-rajjes, kellha tkun hi li tfejjaqha. Xi wħud, inkluż xi tobba, ma ħamlux jarawha tieħu fama tajba tant li għassuha u baqgħu baqgħu sakemm serqulha dik it-taħlita li kienet taħbi f 'dik it-toqba fil- blat. L-għaġuża ħaditha ġewwa u minn dakinhar ma dehritx iżjed il-Munxar! Ir-rakkont Ir-rakkont permezz tal-leġġen- di jaffaxxinani. Lill-qarrej adult jerġa' jġibu tfal u lit-tfal jinż- lulhom għasel. Stejjer qosra mimlija stħajjil. Il-fatt li dawn il-leġġendi jfissru ġrajjiet mar- buta ma' postijiet partikolari, jagħtu valur akbar lill-gżejjer tagħna. Filwaqt li nagħmlu sew li nirrakkuntaw ġrajjietna billi nibbażaw fuq l-evidenza storika, l-istejjer li għandna x'nirrak- kuntaw bis-saħħa tal-leġġendi jagħtu valur akbar lill-kappelli, lill-widien u lit-toroq fl-irħula u l-ibliet tagħna. Għaldaqstant l-isforzi tal-mibki Ġorġ Pisani biex jiġbor dawn il-leġġendi għandna nqisuhom bħala teżor imprezzabbli.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of MediaToday Newspapers Latest Editions - ILLUM 28 June 2026