Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1545897
10 aħbarijiet IL-ĦADD 19 TA' LULJU 2026 • illum opinjoni Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għat-Turiżmu ALEX PERICI CALASCIONE I lni nsegwi mill-qrib l-in- dustrija tat-turiżmu mindu ppreżentajt it-Teżi tiegħi dwar il-Leġiżlazzjoni tat-Turiżmu lura fl-1986. Inbidel ħafna, iżda l-impatt determinanti baqa' konsistenti tul is-snin. It-turiżmu poġġa lil Malta u lil Għawdex b'mod sod fuq il-mappa internazzjonali bħala destinazzjonijiet rinomati għall-istorja, l-ospitalità, il-klima, il-kultura u l-identità Mediterranja unika tagħhom. Għal bosta snin, is-suċċess kien jitkejjel kważi esklussivament permezz ta' indikatur wieħed biss: in-numru ta' turisti li jaslu xtutna. Kull rekord ġdid kien jiġi ċċelebrat bħala tragward ieħor milħuq. Madankollu, is-snin reċenti wrew biċ-ċar li t-tkabbir mingħajr ippjanar serju jġib miegħu konsegwenzi. Il-konġestjoni tat-traffiku; il-pressjoni kbira fuq l-infrastruttura; l-ispazji pubbliċi ffullati żżejjed; iż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-iskart u l-frustrazzjoni dejjem tikber fost ir-residenti llum saru kollha parti mid-diskussjoni nazzjonali tagħna. Għalhekk, l-isfida llum mhijiex sempliċement kif se nattiraw aktar viżitaturi. Hija dwar kif se nrawmu industrija tat-turiżmu li tkun ta' suċċess ekonomikament, sostenibbli ambjentalment, responsabbli soċjalment, u kapaċi ttejjeb il-kwalità tal-ħajja, kemm għar-residenti, kif ukoll għat-turisti nfushom. Il-Partit Nazzjonalista jagħfas fuq ir-ripożizzjonar tal-prodott turistiku Malti lejn kwalità ogħla minflok kwantità akbar. Nemmnu li Malta tabilħaqq għandha l-kredenzjali u l-kapaċitajiet kollha meħtieġa biex tikkompeti permezz tal-eċċellenza, l-awtentiċità, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà, minflok ma tiddependi primarjament fuq iż-żieda kontinwa fin-numru ta' viżitaturi. It-turiżmu m'għandu qatt isir kwistjoni partiġjana. Għalhekk se nappoġġjaw b'responsabbiltà l-inizjattivi li jsaħħu l-kompetittività ta' Malta, itejbu l-esperjenza tal-viżitaturi u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna, filwaqt li nressqu ideat kostruttivi u innovattivi kull meta nemmnu li nistgħu nagħmlu aħjar. Fejn wasalna sal-lum huwa xhieda tal-viżjoni, tar-reżiljenza u tal-ħidma ta' gvernijiet suċċessivi, tas-settur privat u ta' kull min jaħdem fl-industrija tal-ospitalità lokali. L-aspirazzjoni tagħna m'għandhiex tkun sempliċement li nibqgħu fost id-destinazzjonijiet ewlenin tal-Mediterran, iżda li nkomplu nissettjaw l-istandard biex oħrajn isegwuna. Dan jeħtieġ viżjoni, konsistenza, innovazzjoni u impenn kollettiv għall-eċċellenza f 'kull livell. Għalhekk aħna pproponejna investiment aktar b'saħħtu fil- ġestjoni tad-destinazzjoni, titjib fl- infrastruttura pubblika u fl-ambjenti urbani, protezzjoni akbar tal-wirt kulturali u naturali, esperjenzi aħjar għall-viżitaturi, appoġġ għal postijiet li huma frekwentati sew mit-turistiċi, taħriġ imtejjeb għall- ħaddiema fl-ospitalità, u t-tisħiħ tar-reputazzjoni internazzjonali ta' Malta bħala destinazzjoni ta' kwalità għolja. L-għan ġenerali huwa li tiżdied in-nefqa tat-turiżmu għal kull viżitatur filwaqt li titnaqqas il- pressjoni maħluqa minn volumi ta' turisti li dejjem qed jikbru. Jekk nibqgħu niġru biss wara numri dejjem ogħla, nirriskjaw li nnaqqru propju dak l-istess prodott li jkun attira t-turisti fl-ewwel lok. Dan iwassalna għal waħda mill-aktar kwistjonijiet diskussi fil-politika tat-turiżmu llum: l-overtourism, jew it-turiżmu tal- massa li jifga l-pajjiż. L-overtourism ma jfissirx sempliċement li jkollok ħafna turisti. Dan iseħħ meta n-numru ta' viżitaturi jaqbeż il-carrying capacity nazzjonali u b'hekk jinħolqu impatti inaċċettabbli fuq ir-residenti, l-infrastruttura, is-siti tal-wirt storiku, jew l-esperjenza nnifisha tat-turist. Madwar l-Ewropa kollha rajna protesti kontra dan il-fenomenu f 'diversi postijiet. Ir-residenti qed jistaqsu dejjem aktar jekk it-turiżmu huwiex iservi lill-komunitajiet tagħhom jew jekk hux qed jifgahom u jaħkimhom. Malta mhijiex immuni għal dan. Anzi, kif rajna anke f 'dawn l-aħħar ġimgħat f 'żoni ewlenin bħas-Swieqi, Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Belt Valletta, dan m'għadux biss tħassib — huwa realtà ħarxa li tant residenti jridu jaffaċċjaw kuljum lejl u nhar. Kif jista' xi ħadd iħares f 'għajnejn dawn ir-residenti u jsemmilhom il-kwalità tal-ħajja? Hawnhekk, is-sinjali ta' twissija m'għadhomx oranġjo imma saru ħomor nirien. Il-gżejjer tagħna għandhom art limitata, riżorsi tal-ilma limitati, infrastruttura finita, u assi ambjentali delikati ħafna. Matul ix-xhur tas-sajf, il-bajjiet isiru ffullati żżejjed, it-toroq jesperjenzaw konġestjoni serja, il-volumi tal- iskart jiżdiedu u bosta residenti jħossu li l-kwalità tal-ħajja tagħhom ta' kuljum qed tiddeterjora b'mod drastiku. It-turisti jinnotaw dawn il- problemi wkoll u jikkritikawhom. Huwa għalhekk li d-dibattitu nazzjonali nbidel minn kwantità għal valur. Mhijiex kwistjoni li neskludu t-turisti jew li niħu Malta biss għal vjaġġaturi sinjuri. Pjuttost, hija dwar li nattiraw viżitaturi li joqogħdu aktar żmien, jesploraw aktar, japprezzaw il-kultura lokali, jirrispettaw l-ambjent tagħna, u jikkontribwixxu b'mod aktar sostanzjali għall-ekonomija lokali tagħna. Din l-industrija, li hija reżiljenti f 'ħafna aspetti, hija wkoll sensittiva ħafna f 'oħrajn. Kwalunkwe bidla fl-istrateġija trid tkun ippjanata tajjeb u mwettqa b'attenzjoni kbira, bl-għan li jiġu evitati skossi f 'daqqa li jħallu impatt negattiv. Malta għandha opportunitajiet eċċezzjonali fit-turiżmu kulturali; dak reliġjuż; fil-qasam tal- konferenzi u l-inċentivi u f 'ħafna oqsma oħra. Huwa essenzjali żgur illi r-retorika politika fuq dil-kwalità ma tkunx imbagħad imxejna minn aġir politiku li jimxi kontriha. Ma nistgħux nippromovu l-attrazzjoni tas-siti storiċi tagħna b'id waħda, u mbagħad noħorġu permessi ta' żvilupp indiskriminat eżatt maġenbhom bl-id l-oħra! It-turiżmu jibqa' fundamentalment industrija ċċentrata fuq il-bniedem. Dan huwa minnu tul il-katina kollha tal-valur tal-industrija. It-taħriġ, l-iżvilupp professjonali, il- ħiliet lingwistiċi, is-servizz tal- konsumatur, il-kompetenza diġitali u l-opportunitajiet ta' karriera attraenti għandhom kollha jibqgħu prijoritajiet ewlenin jekk Malta tixtieq issaħħaħ ir-reputazzjoni internazzjonali tagħha. Bl-istess mod, l-investiment fl-infrastruttura jrid jimxi id f 'id mal-iżvilupp turistiku. Jekk l-ibliet u l-irħula tagħna jsiru aktar nodfa, aktar sikuri, aktar ħodor u aktar aċċessibbli għar-residenti, huma naturalment isiru destinazzjonijiet ħafna aktar attraenti għall-viżitaturi li jiġu minn barra. It-turiżmu m'għandux jiġi kkunsidrat b'mod iżolat. Huwa jorbot direttament ma' ħafna oqsma oħra. Dan kollu jeħtieġ ippjanar fit- tul li jmur lil hinn miċ-ċikli elettorali tradizzjonali. Jien nemmen li r-risposta tinsab fl-għażla tal-kwalità. Destinazzjonijiet ta' kwalità jgawdu minn rispett akbar. Viżitaturi ta' kwalità jiġġeneraw valur akbar għall-ekonomija. Esperjenzi ta' kwalità joħolqu memorji li jdumu tul il-ħajja. Malta u Għawdex għandhom ġmiel naturali straordinarju, storja notevoli, tradizzjonijiet kulturali uniċi u ospitalità magħrufa mad- dinja kollha. Id-dover tagħna mhuwiex biss li nippreservaw imma li ntejbu l-kwalità tagħhom, nipproteġuhom, u ngħadduhom lil dawk warajna aktar b'saħħithom milli sibniehom. Jekk nirnexxu f 'dan l-isforz kollettiv li għalih aħna lkoll imsejħin, it-turiżmu jkompli jkun wieħed mill-akbar suċċessi ta' Malta — mhux għax inkunu lqajna l-akbar numru ta' viżitaturi, iżda għax inkunu offrejna waħda mill-aqwa esperjenzi turistiċi fil-Mediterran kollu. Tkabbir mingħajr ippjanar serju jġib miegħu konsegwenzi It-turiżmu m'għandu qatt isir kwistjoni partiġġjana

