Illum previous editions

illum 1 December 2013

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/219726

Contents of this Issue

Navigation

Page 19 of 35

20 illum | Il-Ħadd 01 ta' Diċembru 2013 EMIGRANTI MALTIN IMMANUEL MIFSUD ILTQAJT ma' tnejn min-nies xi ġimgħa ilu li ma kontx ili ħafna ħafna ma narahom. Għalkemm iltqajt magħhom separatament it-tnejn laqgħuni blistess espressjoni: "Inżilt s'hawn." 'Hawn' hija Malta; 'inżilt' għax ġew minn post ieħor fl-Ewropa, u allura, ovvjament, xi mkien ogħla minn hawn ġaladarba aħna d-down under Ewropew; u dik is-'sa' mqassra tixhed l-ispirtu każwali tal-vjaġġ lejn Malta. Dakinhar stess fit-tard, rajthom fuq wieħed mis-siti soċjali u komplejna d-diskursata li konna qbadna xi ġimgħat qabel, qisu qatt ma kien xejn; attwalment qisna lanqas konna rajna lil xulxin sagħtejn qabel. Kollox normali u xejn ta' barra minn hawn. Din hija l-istorja talemigranti l-ġodda, tal-membri tad-diaspora Maltija lejn l-Ewropa ċentrali, aktar emanċipata, aktar miftuħa, aktar Ewropea. Ma kienx il- ġuħ u l-qgħad li inkoraġġixxa din l-emigrazzjoni. Il-ġuħ u l-qgħad kienu stejjer talimgħoddi, ta' diaspori oħrajn li llum saru biss memorja, storja, letteratura. Il-motivazzjoni, issa, hija l-avventura, ixxewqa għal ħajja alternattiva, it-twessigħ ta' orizzonti li millBlata jidhru tant 'il bogħod jekk mhux ukoll impossibbli, u l-ħarba mhux biss lejn ftuħ kbir daqskemm mill-għeluq li b'xi mod ma nistgħux neħilsu minnu. Fiċ-ċokon ta' pajjiż bħal Malta diffiċli ssib familja li m'għandhiex storja ta' tluq x'tirrakkonta. Meta kont għadni żgħir ħafna kont nisma' ismijiet strambi bħal l-Alġier, jew Lixandra, fejn toqgħod xi sekonda kuġina tal-pa u darba f 'ħajjitha 'waslet wasla s'hawn,' tara dak li seta' kien pajjiżha u lil dawk li setgħu kienu niesha. Jew iz-zija li qatt ma rat, li żżewġet u sabet ruħha Londra u qatt ħadd ma sema' biha ħlief b'telegramma tħabbar mewtha. Jew ħuha, f 'parti oħra tal-metropoli Ingliża li 'jinżel s'hawn' kull tant żmien, bil-ġiżirana ħoxna bis-Salib ta' Malta mdendel fuq sidru, biċ-ċurkett bis-Salib ta' Malta f 'sebgħu ż-żgħir, bil-beritta bis-Salib ta' Malta mgħaddsa fuq rasu. Hemm xeni ta' niket marbutin mal-emigrazzjoni. Pereżempju niftakar, erbgħin sena ilu, kaxxa kbira ħafna tal-injam, tieħu nofs kamra, mimlija b'kull tip ta' oġġett, tingħalaq bl-imsiemer u titlaq fuq container lejn l-Awstralja. Niftakar il-biki, ix-xegħir, l-għajjat u l-ħass ħażinijiet. Imbagħad ritwali regolari: Grupp ta' Maltin qabel irħewlha għall-Awstralja ittri fuq karti blu ċar li kienu jintwew b'mod stramb, li fihom aktarx tkun diġà għidt kulma kellek x'tgħid sakemm tkun għadek wasalt biss fin-nofs. Jew l-irrekordjar fuq il-cassette tapes, b'ilħna miksura jirrepetu l-istess ħsieb fi kliem differenti biex jimtela t-tejp, u bejn monologu u ieħor, biex b'xi mod dat-tejp verament jimtela, l-aħħar suċċess tal-Bamboċċu jew tan-New Cuorey. U l-pakketti kbar ġejjin Malta minn hemm isfel, mimlija b'kull tip ta' mbarazz – srievet bilkangarù, ahstrays bil-kangarù, flokkijiet bil-kangarù, arloġġi ta' mal-ħajt bil-kangarù – l-aqwa li l-imħuħ jisserrħu li hemmhekk kollox sejjer tajjeb. Jew it-telefonati ta' darba f 'mitt qamar, għand il-ġara għax xi ħadd kien iddeċieda li f 'dak l-indirizz ma jingħatax is-servizz tat-telefon, u nofs il-ħin tat-telefonata qasira (u għalja) kien jinħela fil-biki u l-ilfiq mill-ġdid, u malbiki tal-omm kien jiżdied saħansitra tal-ġara. L-ilħna ta' fuq it-telefon kienu jagħtu ħjiel tad-distanza. Dejjem kienu jinstemgħu 'l bogħod, mhux minħabba l-volum baxx, imma għax is-sett tat-telefon kien, b'xi mod, iżid il-perċezzjoni tad-distanza: it-textix ta' fuq il-linja, il-pawsa bejn sentenza u oħra, is-skiet. U llum bdilna n-niket f 'nostalġija, issa li l-karti blu m'għadhomx jeżistu, li l-cassette tapes m'għadhomx jidhru u t-telefon sirt iġġorru miegħek kull fejn trid. L-istess ix-xbihat: dawk il-ġranet tistenna meta tieħu l-film mill-kamera għal għand il- Anke l-Maltin kienu emigranti fotografu, u l-eċitament int u tiftaħ il-pakkett bir-ritratti żviluppati u tagħmel il-kopji minn fuq in-negattivi biex tibgħathom 'il bogħod u fuq wara tniżżel id-data u l-post u forsi xi nota qasira oħra. Erbgħin sena ilu. In-niket bdilnieh f 'nostalġija. Huwa rrakkontat li f 'era aktar bikrija, l-emigranti Maltin fi triqthom lejn id-dinja l-ġdida, fuq ix-xatt kienu jkunu akkumpanjati bid-daqq talbaned. Ħafna kienu jemmnu li min kien se jitlaq ma kien se jirritorna qatt. L-ittri (min kien jaf jiktibhom), ir-ritratti (min kellu biex jiġbidhom), kienu jibqgħu l-uniċi fili ta' kuntatt. Għalhekk, meta l-ġimgħa l-oħra ltqajt ma' dawk iżżewġ persuni li niżlu 'waħda s'hawn,' l-istess tnejn li kont qed niddjaloga magħhom u nħarsilhom lejn s-salott flisfond wara daharhom fuq ilwebcam, ma stajtx ma nerġax intella', b'kuntrast, il-memorji tan-niket. Iżda d-diskors fuq l-emigrazzjoni ridt indawru ma' kantuniera oħra minbarra dan l-istagħġib b'kif anki t-tluq inbidel mal-bidliet tat-teknoġija u d-distanza donnha saret tal-plastik. Il-premju nazzjonali għallaħjar rumanz, li tħabbar proprju din il-ġimgħa, jitratta perjodu partikolari fl-istorja politika ta' Malta. Min kitbu ma jgħixx aktar hawn u kitbu wara li telaq. Ix-xogħol rebbieħ tal-konkors imniedi mill-Pubblikaturi Merlin dan l-aħħar ukoll jittratta perjodu politiku partikolari f 'Malta, u min kitbu wkoll ma jgħixx hawnhekk. Żewġ emigranti, żewġ awturi li qegħdin jiktbu lil Malta minn barra. U dawn mhumiex l-uniċi tnejn. Huwa mument interessanti, jidhirli, meta l-letteratura bil-Malti qiegħda titħażżeż fuq paġni li m'għandhomx ir-ramel u t-trubien tal-Blata fuqhom, u minflok għandhom marki li mhumiex Mediterranji. Iżda hemm fenomenu ieħor, marbut mal-emigrazzjoni, li qiegħed iseħħ u li ma nistgħux inħalluh f 'ġenb: il-letteratura bil-Malti miktuba mhux minn Malti. M'għandi ebda dubju li l-barrani – u qiegħed nuża dilkelma b'responsabbiltà kbira – li b'xorti tajba għalina jagħżel li jikteb bil-lingwa t'hawn, ma jista' jagħmel xejn aktar għajr jarrikkixxi dak li għandna. Il-barrani għandu dimensjoni oħra li hija barranija daqsu, bħalma l-Malti ta' barra kiseb dimensjoni li hija differenti minn t'hawn. Għandu l-isbaħ passaport li stajna nagħtuh, li bih se jivvjaġġa f 'wesgħat akbar minn t'hawn u bih se jivvjaġġana miegħu. Persważ li l-letteratura lokali tista' biss issir aktar sinjura bil-kontribut tal-barrani. Jien għandi ħolma li ma tridx wisq biex isseħħ: li għada pitgħada jkollna awturi jiktbu bl-istess lingwa tiegħi li joħorġu minn xi rokna klandestina fil-Marsa jew Ħal Balzan jew Ħal Far, li jgħinuni nifhem id-dinja bil-lingwa li jkunu serquli u għamluha tagħhom daqskemm s'issa kienet tiegħi biss. Għandi dix-xewqa li ma tridx wisq biex isseħħ li għada pitgħada r-realtà tiegħi tiġi mittiefsa b'kuluri li mhumiex tiegħi. Dakinhar li jiġri hekk pajjiżi jsir jixbah lil dawk il-pajjiżi li tant inħarsu b'rispett lejn il-kultura tagħhom: l-Italja li laqgħet b'entużjażmu kbir l-eżordju ta' kittieba li jużaw il-lingwa ta' Dante, li rifsu fuqha mill-Afrika, l-Ingilterra, il-Ġermanja u Franza li għandhom storja twila ħafna ta' kittieba minn inħawi tant imbiegħda; u ħafna pajjiżi Ewropej oħrajn li għandhom din it-tradizzjoni. Fl-2011 fi Brussell, jirċievi l-premju letterarju Ewropew għar-Repubblika Ċeka kien hemm kittieb ta' dixxendenza Kongoliża, u l-Olanda kienet irrappreżentata minn kittieb emigrat mill-Iran.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 1 December 2013