Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/249730
20 illum | Il-Ħadd 26 ta' Jannar 2014 STESSI U RITRATTI OĦRAJN IMMANUEL MIFSUD MILL-FUNERAL ta' Mandela 'l hawn, dakinhar li Obama u Cameron inqabdu jieħdu stessu ma' Helle Thorning Schmidt, il-fenomenu ta'nies li jiġbdu ritratt tagħhom infushom biċ-ċellulari jew xi apparat diġitali ieħor beda jiġi diskuss ħafna aktar minn qabel, anki jekk mhuwiex fenomenu hekk fjamant. Lokalment dan is-suġġett spiċċa fuq fomm kulħadd wara l-każ reċenti ta' blogg li tella' numru ta' stessi li kienu juru nisa mneżżgħa, ritratti miġbudin minn dawn in-nisa stess li mbagħad, b'xi mod, spiċċaw imxandra fil-pubbliku anki jekk oriġinarjament aktarx li kienu prodotti għal konsum privat. Inkiteb u ntqal ħafna dwar il-fatt li xi wħud itellgħu dawn l-istessi fid-dinja virtwali bħala att vendikattiv, jew bħala rikatt jew inkella sempliċiment bħala att ta' bulliżmu kontra min ġibed ir-ritratti. Ir-raġunijiet għala rġiel jew nisa jiġbdu ritratt tagħhom imneżżgħin jistgħu jkunu varji: solitudni, għatx għall-attenzjoni, turija ta' fiduċja jew imħabba lejn min huma indirizzati dawn ir-ritratti, imitazzjoni ta' idoli popolari, jew fantasiji sesswali. Inkella jistgħu jiġu spjegati bħala żvilupp reċenti ieħor f 'sensiela ta' metodi li l-bniedem ħoloq ġaladarba ra l-importanza tax-xbieha. L-istorja ta' Narċissu diġà tpoġġi fid-deher il-faxxinu li l-bniedem għandu bix-xbieha tiegħu stess. Narċissu jilmaħ id-dehra tiegħu f 'għadira ilma u jintilef warajha. Anki jekk dik ix-xbieha hija tiegħu, hija x-xbieha nfisha li Narċissu jagħmel minn kollox biex jippreserva għaliex hija x-xbieha li jsir iħobb. U minn tant xbihat li bniedem jista' jħares lejhom, hija l-awtoxbieha li l-aktar li huwa miġbud lejha. Poġġi bniedem ħdejn mera u tarah, B'dan tkun tista' tara x'qed tara l-persuna li qed tagħmel is-sess miegħu. U tiġbidlek il-filmat kollu wkoll! immedjatament, iħares lejha, iħares lejn ix-xbieha tiegħu u jifliha. Dan il-faxxinu, wara kollox, mhuwiex fenomenu adult: tfal ta' ħmistax-il xahar diġà jħarsu lejn il-mera b'ċertu gost għaliex jitnebbħu li dik ix-xbieha ta' faċċata hija tagħhom, hija huma. Minn dak il-mument maġiku, li ħassieba bħal Lacan iqisuh bħala kardinali fl-iżvilupp psikoloġiku, il-bniedem iqatta' ħajtu jħares lejn ixxbieha tiegħu kull darba li jsibha possibbli. Wieħed irid iqis li l-ħars huwa l-iktar ħaġa minn ewl id-dinja għall-bnedmin: ilkoll iħobbu jħarsu u jagħmlu dan bl-aktar mod awtomatiku, ħafna drabi anki inkonxjament. U aktarx li l-aktar ħaġa li l-bnedmin iħobbu jħarsu lejha hija bnedmin oħra. Dan l-atteġġjament, ikolli ngħid passatemp, jispjega għala ġeneri artistiċi bħall-pittura, il-fotografija u l-iskultura, juru tant xbihat ta' persuni. Imma ironikament, l-aktar bniedem li wieħed jixtieq jara lanqas biss jista' jħares lejh: hu nnifsu; u huwa għalhekk li l-iskoperta tax-xbieha fil-mera (irrelevanti jekk din tkunx tal-ħġieġ jew talilma bħal dik ta' Narċissu) hija fundamentali, għaliex tissodisfa bżonn li nissuspetta li huwa innat. L-istessu, mela, huwa mera li biha, aktar milli persuna tesponi lilha nfisha lil ħaddieħor, qiegħda tikxef lilha nifsha lilha nfisha, tissodisfa l-bżonn li tħares lejha nifsha, li tara lilha nfisha bħal donnha biex tiftakar jew tikkonferma li hija qiegħda hemm, b'laħamha u xaħamha. Qabel il-kamera tar-ritratti, iċ-ċellulari u t-tablets kien hemm l-awtoritratt li tista' tgħid il-pitturi kollha, minn żmien żemżem, xi darba jew oħra, ipproduċew: Fidja, aktarx Da Vinci, Durer, Gentileschi, Hokusai, Cassatt, Kahlo, Warhol u ħafna oħrajn, biex ma nsemmux dawk l-awtoritratti fejn l-artist ilibbes lilu nnifsu ta' persunaġġ bħalma jagħmlu fost l-oħrajn Caravaggio, Orlan u Antoine Camilleri, u l-artist li jpoġġi lilu nnifsu 'aċċidentalment' bħala parti minn xena bħalma jagħmel Botticelli (mossa li aktar tard kellha ssib xorti fil-cameos ta' Hitchcock). L-istessu jisraq l-esklussività tal-awtoritratt mingħand l-artisti u jagħtiha lil kulħadd, lil kull min għandu apparat sempliċi bħalma hu ċellulari. In-namra bix-xbieha u l-awtoxbieha tibda b'Narċissu, titkompla bil-pittura u tasal sal-istessu. Hija namra naturali din, espressa mill-artisti, mitteenagers li jiġbdu ritratt lilhom infushom f 'postijiet u qagħdiet differenti (inklużi bla ħwejjeġ) u, kif rajna, saħansitra lil politiċi ta' statura dinjija. Meta wieħed iqis li ngħixu f 'soċjetà ipersesswali, qajla għandna nissorprendu rwieħna b'dawn l-awtoritratti bla ħwejjeġ. Is-sess huwa stampat għalina kullimkien: fil-preżentaturi (xi darba dawk femminili imma issa anki l-irġiel) tat-televixin, fil-mudelli, fl-innuwendi li jġorru magħhom ħafna messaġġi pubbliċitarji, saħansitra fis-slogans politiċi. U allura mhijiex ilpornografija biss li qiegħda tippreżentalna sess b'xejn (jew kważi), għalkemm din tibqa' l-akbar sors ta' wiri tas-sess. Bis-saħħa talinternet anki l-pornografija ġiet iddemokratizzata; xhieda ta' dan huma l-ħafna siti XXX li fihom jittellgħu volontarjament ritratti u filmati ta' nies komuni li jieħdu gost jaraw ixxbieha tagħhom tintwera lil ħaddieħor. Fil-fatt, skont ilġurnalista Emily Dubberley, il-fundatriċi tas-sit cliterati. co.uk – is-sit pornografiku mmirat lejn in-nisa – waħda mill-fantasiji sesswali l-aktar rikorrenti fost ilklijentela femminili tas-sit hija li jipparteċipaw f 'film pornografiku. Imbagħad hemm ilkaż (reċenti wkoll) talapplikazzjoni għall-Google Glass jisimha Sex With Glass. Din l-applikazzjoni tiffaċilita lil dawk li jkunu qegħdin jagħmlu s-sess biex, permezz tal-aġġeġġ Google Glass, ikunu jistgħu jaraw dak li qiegħda tara l-persuna li qed jagħmlu s-sess magħha; bażikament ikunu jistgħu jaraw lilhom infushom jagħmlu s-sess. Sex With Glass huwa eżempju tajjeb tal-faxxinu bix-xbieha flimkien mal-faxxinu tan-nies bihom infushom. Ix-xbieha, għaldaqstant, issir importanti aktar mill-ħaġa nfisha, u Sex With Glass tieħu ħsieb dan billi, m'għandniex xi ngħidu, tiġbed filmat tal-proċess kollu. Ix-xbieha hija punt ta' riferiment. Fis-seklu wieħed u għoxrin hija x-xbieha li dak li jkun jieħu tiegħu nnifsu l-aktar li hija topika. Attwalment m'hemm xejn ta' barra minn hawn f 'li wieħed jieħu gost bih innifsu għarwien. Kien aktar stramb, għallinqas fil-ħarsa tagħna llum, li malli ġiet żviluppata l-kamera tar-ritratti ħafna kienu jiġbdu ritratt ta' qrabat tagħhom ftit mumenti wara li jmutu. Dawk li jissejħu ritratti postmortem kienu verament invoga fis-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin: katavri għadhom qegħdin jibirdu kienu s-suġġett ta' eluf ta' ritratti u dawn il-katavri, minn trabi sa xjuħ saħansitra annimali, kienu jitpoġġew f 'kull pożizzjoni li wieħed jista' jqiegħed katavru: mimdudin, imħaddna, bilqiegħda, bl-għajnejn magħluqin, imbexxqin jekk mhux ukoll miftuħin. U l-ħajjin jippużaw maġenbhom, iħarsu lejhom jew fi ħdanhom biex ikollhom tifkira, memento mori, stampata għall-posterità. F'għajnejna dan jidher stramb jekk mhux ukoll makabru, imma fil-fond nett, il-prinċipju tar-ritratt postmortem u l-istessu, ixxbieha ta' katavru ftit wara l-mewt jew qabel id-difna u x-xbieha għarwiena titbissem jew mitlufa fil-gost, huwa wieħed komuni: il-faxxinu bix-xbieha, bir-reġistrazzjoni u l-ġibda lejn l-innifsi.

