Illum previous editions

ILLUM 30 MARCH 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/286278

Contents of this Issue

Navigation

Page 9 of 39

10 illum | Il-Ħadd 30 ta' Marzu 2014 MARTHESE hi mara li qatt ma qatgħet qalbha meta ġiet mgħarrfa li kellha żewġ kanċers tas-sider fl-istess sider. Immotivat ruħha billi ħarset lejn uliedha u riedet tibqa' tgħix għalihom, baqgħet tidħak u baqgħet tgħix ħajja mill-aktar normali. Issieltet kontra ż-żewġ mostri qerrieda u rebħitilhom. Illum, 13-il sena wara din il-battalja, Marthese tħoss li kull ġurnata hi mislufa lilha u tgħixha bl-iktar mod kuntent kemm tista'. Mort min għalija se nsib mara teqred bl-isfortuna li messitha iżda minflok sibt mara ferrieħa mimlija stejjer u rakkonti dwar il- ħajja sempliċi u sabiħa kif taf tgħixha hi. Iltqajt ma' Marthese Farrugia fil- kafetterija u pizzerija 'De Malte' ta' San Ġwann fid-9.30am, siegħa qabel l-istess kafetterija fetħet għal pubbliku. Ilmaħna xi mwejjed u siġġijiet barra l-kafetterija u poġġejna fuqhom. Waslet bid-daħka xi ħames minuti tard u bdejna nitkellmu. Ngħid il-verità rbaħt xi punti magħha meta ppruvajt naqta' l-età tagħha u qtajtilha xi disa' snin mill-54 sena li għandha. Marthese twieldet l-Imsida fl-14 ta' Marzu 1960, separata għal dawn l-aħħar 15-il sena u omm Steve Micallef ta' 24 sena u Krysta Maria Micallef ta' 20 sena u toqgħod San Ġwann. Tfulitha qattgħetha man-nanniet tagħha l-Belt u tiftakar trobbija ferrieħa, tiġġerra u tilgħab fit- toroq tal-Belt u tal-Imsida. "Konna avventurużi ħafna fejn anke niftakar lil missieri kultant jilgħab magħna fit-triq il-logħba li tissejjaħ "il-ġirja". Din kienet logħba ta' grupp kontra grupp wieħed jagħti ħjiel ta kelma u jekk taqtagħha trid tiġri fuq il- grupp l-ieħor u lil min taqbad jinqala' mil-logħba sa ma jirbaħ dak li jibqa' bl-iżjed membri. Niftakar lil missieri li kien magħruf l-Imsida bħala Johnny l-Ginger jew ir-raġel ta' Mary tal- Belt, qatt ma jiġri wara ħadd u meta jiġi biex jaqbduh tgħidx kemm kien ilebbet biex ma jinqabadx. Marthese hi t-tieni wild tal-familja, bil-kbir Joe u erbat ibniet. "Trabbejna mingħajr lussu u niftakar li kull nhar ta' Ħadd konna nistennew kollha lil missierna jiġi d-dar bil-kannoli tal- Busy Bee. Konna ngħidulu li sejrin il- quddies il-Ħadd u nidħlu minn bieb u noħorġu mill-ieħor, iżda hu kien ikun jistad u jarana u kien jistaqsina x'kien il-vanġelu u konna ninqabdu." Meta bdiet tikber Marthese kienet anke żeffiena ma' Louis Darmanin u kienet tħobb tmur id-dances u discos tal-Polytechnic, Tigulio, l-Axis u r-Raffles. Konna diġà ilna siegħa nparlaw (għax it-tnejn meta nibdew diffiċli twaqqafna) u l-kafetterija fetħet għan-negozju fejn ordnajna kafè (Marthese ordnat kafè kbir ħafna) u toast. U minn hawn Marthese bdiet bir-rakkont tal-ġlieda tagħha kontra l-kanċer u l-burokrazija tal-isptar. "Sena wara li sseparajt għal ħabta ta' Settembru kont qed niksi l-kotba tat-tfal u ħassejt ħoss ġo fija jfaqqa', ħarist 'l isfel u nilmaħ boċċa kbira li feġġet f 'daqqa waħda fuq sidri, li kienet daqs ta' ballun tat-table-tennis. Mort biex nagħmel mammogram l-isptar u tawni appuntament għal tliet xhur wara. Il-mara ta' ħija qaltli biex nagħmilha privat iżda talbuni Lm75 u jien kont separata u naħdem part time Issieltet u rebħet kontra żewġ kanċers fl-istess sider Bħalissa fuq Facebook ħafna huma n-nisa li qed ipoġġu stessi mingħajr make-up biex iqajmu l-għarfien għal kanċer tas-sider. Iżda Marthese ma kellhiex għalfejn tpoġġi stessu fuq Facebook, lanqas tisma' jew taqra dwar il-kanċer tas-sider. Marthese iffaċċjat lil dan il-mostru, anzi żewġ mostri u ġġilditilhom bla ħniena u rebħitilhom. Marthese kienet u għadha tħobb il-ħajja u hi mara mill-aktar pożittiva fejn it-tbissima tagħha ma terħi qatt. Marthese hi gladjatura ta' vera. Marthese Farrugia - għelbet żewġ kanċers u qatt ma ħasbet fil-mewt "Kont qed niksi l-kotba tat-tfal u ħassejt ħoss ġo fija jfaqqa', ħarist 'l isfel u nilmaħ boċċa kbira f 'sidri" "Miet missieri b'kanċer fil- pulmun u fil-ġurnata tad- difna kelli l-preċett tat-tifla" John Busuttil jbusuttil@mediatoday.com.mt

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 MARCH 2014