Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/286278
Il-Ħadd 30 ta' Marzu 2014 | illum 11 cleaner fi skola tal-gvern u ma stajtx naffordjaha. Għalhekk stennejt it-tliet xhur u fil-21 ta' Diċembru mort l-isptar. Tabib barrani ġie jinvistani fuq fuq u qalli biex ma ninkwetax għax m'għandi xejn ta' periklu u tani appuntament għal xahar wara. Mort f 'Jannar, għamilt il-mammogram u qaluli biex immur għar-riżultat xahar wara fi Frar. Mort l-isptar fid-9 ta' Frar u qaluli li r-riżultat ma nstabx fil-file. Kien hemm infermiera qalbha tajba li daħlitni għand tabiba oħra u din ħaditli xi samples minn sidri u qaltli biex immur għar-riżultat tal-biopsy fit-8 ta' Marzu, għal Jum il-Mara." S'hawn Marthese kienet diġà qatgħetli nifsi. "U dan għadni ma bdejtx John" qaltli Marthese, "il-biċċa hi li meta mort qaluli li sabu xi growths f 'sidri u jien staqsejtha dwar il-boċċa u dawn qaluli li dik ma dehritx fil-mammogram u qas kienu taw kasha. Tajjeb mela l-boċċa kienet viżibbli iżda fil-mammogram ma dehritx! Wara li għidtilhom dan il-kliem qaluli li se jneħħuli l-boċċa wkoll u fit-30 ta' Marzu kienu se jagħtuni r-riżultat ta' kollox, jiġifieri tal-boċċa u tal-growths. " "Sadattant jien bqajt għaddejja bil-ħajja normali mingħajr ma kont qed ninkwieta wisq għax kont qed nemmen li dak id-dewmien kollu kien għax ma kelli xejn gravi. Kienu ċempluli biex immur ġimgħa qabel u hemm ħadt l-ewwel qatgħa meta smajt dawn il-kliem, 'għandek kanċer'. Anzi flok wieħed kelli tnejn, għax mhux biss il-growths kienu kanċerużi iżda anke l-boċċa. In-nuċċali mtlieli kollu dmugħ u ma bdejt nara xejn, kif ġejt f 'tiegħi ċempilt lil ommi u lil mara ta' ħija u mingħajr tlaqliq ta' xejn għidtilhom li għandi kanċer." "Sadattant meta staqsejt x'se jiġri qaluli li se joperawni u jneħħuli l-partijiet infettati u kienu se jħalluli anke n-nipple. Mingħajr ma ħsibtha xejn qbadt u għidtlu, neħħili kollox, ħa nnaqqas ir-riskju. Għidtlu 'jien irrid ngħix għat-tfal.'" Sadattant hi u ħierġa mill- isptar lemħet lit-tabib barrani li kien qalilha li m'għandha xejn daret lejh u qaltlu, "You were right I had nothing to worry about, it's only cancer." Qaltli li dan baqa' ssummat mingħajr ma lissen kelma. Kif waslet id-dar sabet lil missierha li kien għaddej bit-trattament tal-kanċer fil- pulmun u qaltlu "pa issa jien bħalek." Sitt xhur wara li tfaċċat din l-imbierka boċċa Marthese neħħewlha sidirha. Għażlet li tagħmilha fis-27 ta' Marzu biex tilħaq torganizza l-birthday parties taż-żewġ uliedha fl-24 ta' binha li kien se jagħlaq 11-il sena u fis-26 ta' Marzu meta bintha għalqet seba' snin. "Fil-ġurnata tal-operazzjoni mort l-isptar ma' ħabib tiegħi li kien psikologu u minħabba xi traffiku wasalt sagħtejn tard u bdejt anke niċċajta mal-infermiera meta din qaltli li ilhom mis-7am jgħajtuli, poġġietni fuq wheelchair u daħħlitni mill-ewwel għall- operazzjoni. Qatt u qatt ma ħsibt fil-mewt. Imbagħad fis-7 ta' Mejju waslet l-ewwel ġurnata tal-chemo fejn qabel mort anke nordna parrokka għax kont naf li issa se jaqagħli xagħri." Marthese hawnhekk bdiet tispjegali l-uġigħ insapportibbli li ħasset meta daħħlulha s-siringa tal-chemo, "l-ewwel sirt vampa mbagħad ħassejt bħal miljuni ta' labar ħerġin minni." Iżda qas dan ma qatagħlha qalbha għax meta marret id-dar marret tgħin lill-mara ta' ħuha fil- party li kellha għal uliedha, "bqajt qisni mhux jien. Ma nistax nifhem minfejn ġibt din is-saħħa ġewwinija." Fil-21 ta' Mejju miet missierha u fil-ġurnata tad-difna kellha l-preċett ta' bintha. Xi ħaġa li impressjonatni hi li kull data ta' niket dejjem ħabtet ma' data li tiċċelebra xi okkażjoni ta' ferħ. Sadattant din il-mara mimlija kuraġġ straordinarju qaltli li l-fatt li spiċċat bla sider ma affetwahiex filwaqt li kienet dejjem tistenna wkoll li jibda jaqa' xagħarha. "Darba minnhom indunajt rasi saret mimlija dbabar bla xagħar għalhekk qabbadt in-neputi jġib magna li tqaxxar ix- xagħar u għidtlu jqaxxaruli. Wara għajjat lil binti u għidtilha li issa sirt tal-moda, qaltli li għoġobha. Ibni li hu sensittiv ħafna qalli li kien jippreferini bix-xagħar." Sa ma waslet il-parrokka kienet tilbes xi kappell jew velu ma' rasha u ħafna drabi kienu jaħsbuha li hi xi turista. "Mill-operazzjoni sal-lum dejjem ħassejt li kull ġurnata li ngħix hi double bonus għax jien iġġelidt żewġ kanċers u mhux wieħed. Għaddejt minn tmien xhur ta' kimoterapija u f 'Jannar tal-2002 kelli bżonn tliet ġimgħat ta' raġġi u mbagħad ħames snin ta' kura bil-pilloli, tamofixen. Meta ħadt il-clearance għamilt implant ta' sidri għax kont għadni żgħira biex ngħix mingħajr sider." Marthese qaltli li l-aktar ħaġa li żammitha tiġġieled kontrih kien li ma riditx tmut u tħalli lit-tfal warajha. Qaltli wkoll li dejjem sabet kuraġġ kbir mill-familja tagħha bl-aktar waħda li semmiet kienet il-mara ta' ħuha Anna Farrugia. Tlabtha tagħti messaġġ lil dawk li qed jaffaċċjaw din il- marda qerrieda. "Fejn hemm il-ħajja dejjem hemm it-tama u fejn jidher id-dlam dejjem hemm possibbiltà għad-dawl. Importanti li titkellmu u ma tinqatgħux waħedkom. Il- Hospice Movement sibtu ta' għajnuna kbira speċjalment Benna Chase, għax tajjeb li titkellem fuq kollox u mhux fuq il-mard biss." Jibqa' fatt li din il-mara affaxxinatni bil-mod pożittiv kif iffaċċjat marda daqshekk kiefra. "Nemmen li l-fatt li fl-istess żmien li kont qed niġġieled il-kanċer kien hemm missieri jiġġilidlu għeni għax meta rajt lil missieri jċedi għal marda ġejt motivata biex nagħmel bil-maqlub tiegħu." Intervista li stennejt li se tnissilli dieqa spiċċat bija u Marthese nitkellmu fuq il- ħajja, fuq l-annimali, politika, futbol, tfal u anke fuq il-bikers għax hi mejta biex tibda ssuq il-mutur. Għannaqtha miegħi filwaqt li qaltli 'jalla din l-esperjenza tiegħi tgħin lil ħaddieħor jiġġieled u jirbaħ fuq din il-marda permezz ta' din l-intervista. Grazzi John talli tajtni din l-opportunità." Grazzi lilek Marthese tal-mod kif għallimtni niffaċċja kull ħaġa li twerwirna. Gladjaturi tal-Ħajja Issieltet u rebħet kontra żewġ kanċers fl-istess sider "Fejn hemm il-ħajja dejjem hemm it- tama u fejn jidher id-dlam dejjem hemm possibbiltà għad-dawl"