Illum previous editions

ILLUM 30 MARCH 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/286278

Contents of this Issue

Navigation

Page 11 of 39

12 illum | Il-Ħadd 30 ta' Marzu 2014 35 sena minn Jum il-Ħelsien GĦADA niċċelebraw il-35 sena mill-kisba tal-Ħelsien. Jum il-Ħelsien hija festa nazzjonali li tfakkar il-31 ta' Marzu, 1979, ġurnata li mmarkat il-ħelsien tal-gżejjer Maltin minn kull qawwa barranija għall-ewwel darba fl-istorja tagħha. Minn dakinhar 'l hawn ma kien hawn ebda bażi militari ta' xi nazzjon ieħor f 'Malta, u b'hekk wara eluf ta' snin bħala bażi militari u navali, il-Maltin kellhom fl-aħħar is-sovranità totali ta' arthom. Dan l-avveniment seħħ meta l-bażi militari Ingliża ngħalqet wara li r-Renju Unit irrifjuta li jħallas iċ-ċens dovut lil Malta fl-1979, u peress li l-kuntratt kien jagħlaq fl-1 ta' April, il-forzi Ingliżi telqu minn Malta ġurnata qabel. Jum il-Ħelsien huwa wieħed mill-ħames Festi Nazzjonali li għandha Malta, flimkien ma' Jum l-Indipendenza, Is-Sette Giugno, il-Vitorja u Jum ir- Repubblika. Il-Prim Ministru ta' Malta Dom Mintoff, fil-lejl tal-31 ta' Marzu 1979 xegħel it-torċa tal-Ħelsien fuq il-monument tal-Ħelsien, xogħol tal-iskultur Anton Agius, quddiem il-Knisja ta' San Lawrenz il- Birgu, fost il-ferħ u l-għajjat tal-pubbliku preżenti, l-isparar tal-murtali, id-daqq tal- marċi mill-baned u d-daqq ta' qniepen tal-knejjes kollha ta' Malta. Flimkien mal-Prim Ministru Mintoff, xegħel id- dawl tal-ħelsien George Agius, Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union. Ftit qabel, il-bandiera Ingliża tniżżlet bil-mod il-mod u flokha telgħet il-bandiera Maltija għad-daqq tal-Innu Malti u l-għajjat ta' ferħ tal- Maltin miġburin fit-toroq u fuq is-swar tal-Kottonera u, fuq in- naħa l-oħra, tal-Belt Valletta. Il-bandiera Ingliża tniżżlet mill-baħri Ingliż David Gilchrist ta' 23 sena, signal man fuq l-HMS London wara li l-pulizija Malti Richard Cauchi ta' 28 sena mill-Ħamrun ta s-salut. Il-baħri Ingliż imbagħad geżwer il-bandiera u ħa b'idejn il-ħaddiem Malti Carmel Boxall ta' 22 sena mill-Birgu, li kien impjegat mad-Dipartiment tax- Xogħlijiet Pubbliċi. Imbagħad il-bandiera Maltija ttellgħet minn Alfred Xuereb ta' 45 sena minn Bormla, li kien welder it-tarzna, fost ċapċip kbir, kaxxi infernali u daqq tal-qniepen tal-knejjes. Fost il-ħafna ċelebrazzjonijiet organizzati mill-Gvern Soċjalista ta' dak iż-żmien, l-uniku mexxej ta' pajjiż li kien preżenti għal dawn l-attivitajiet, b'delegazzjoni kbira ħafna, kien il-mexxej Libjan il-Kurunell Muammar Gaddafi. Gaddafi, li dakinhar kien il-mistieden speċjali tal-Gvern tal-Perit Mintoff, kien għamel tlett ijiem f 'Malta u miegħu kienu ġew 500 Libjan bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet - kollha fuq stedina ta' Mintoff. Waqt iż-żjara tiegħu f 'Malta għaċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum il-Ħelsien, Gaddafi kien indirizza lill-pubbliku f 'Dar il-Mediterran u kien wiegħed appoġġ sħiħ lill-Gvern ta' Mintoff. Dakinhar il-poplu Malti ċċelebra t-tmiem tal-kera tal-bażi militari Ingliża f 'Malta. Jum il-Ħelsien kien ħoloq kontroversja sħiħa fil-pajjiż hekk kif il-Gvern Soċjalista ta' dak iż-żmien elimina għal kollox iċ-ċelebrazzjoni tal- kisba tal-Indipendenza vera ta' pajjiżna miksuba minn Ġorġ Borg Olivier fl-1964. Mill-1980 'l quddiem il-Partit Laburista dejjem fakkar din il-ġrajja b'kommemorazzjoni fuq l-Għolja tal-Ħelsien. Mill- 1989 sal-1995 iċ-ċerimonja uffiċjali tal-Gvern ma baqgħetx issir fuq l-Għolja tal-Ħelsien il- Birgu wara xi inċidenti li kienu nqalgħu fl-1988. Mill-1996 iċ-ċerimonja uffiċjali tal-Gvern reġgħet bdiet issir fuq l-Għolja tal-Ħelsien. "Il-bandiera ttellgħet fost ċapċip kbir, kaxxi infernali u daqq tal-qniepen"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 MARCH 2014