Illum previous editions

ILLUM 30 MARCH 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/286278

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 39

18 illum | Il-Ħadd 30 ta' Marzu 2014 18 illum | Il-Ħ Ħames Minuti ma' Rosabelle Bianchi Rosabelle Bianchi hija sopran li m'għandha bżonn l-ebda introduzzjoni. Ittella' kunċerti fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann, fil-Katidral tal-Imdina u fil-Kavallier ta' San Ġakbu fost l-oħrajn. Gradwata fil-Mużika mill- Università ta' Malta u kienet parti mill-Mediterranean Youth Choir and Orchestra f 'tour ta' xahar fi Franza u l-Italja. Kelma waħda li tispjega ħajtek? Mużikali. X'inhi l-attitudni tiegħek lejn il-ħajja? Ngħix il-ħajja ġurnata b'ġurnata bi tbissima jiġri x'jiġri biex nagħmel kuraġġ lili nnfisi u lil ta' madwari iżda ma ninjorax li rrid inkun jiena li nirsisti u nħabbrek biex inwettaq dak li nkun ipprefissajt u naħsad fit-tajjeb dak li nkun żrajt. Kif tħajjart tidħol fix-xena tal-kant? Sibt ruħi fix-xena mużikali min età żgħira bis-sehem tiegħi fil-kor tal-parroċċa bla ma sfurzani ħadd iżda l-għatx għat-tagħlim kompla jikber fija matul is-snin u għadni s'issa nistudja t-teknika tal-kant b'dedikazzjoni, passjoni u perseveranza. Esperjenza partikolari li kellek waqt festival u li se tibqa' tiftakar… Fil-qasam operistiku biex tippartecipa f 'konkorsi jew 'festivals' trid ssiefer barra minn xtutna u għad ma kelliex l-opportunità li nwettaq din il-ħolma. Iżda kull 'recital' jew sehem f 'opri, stediniet f 'avvenimenti ta' ċertu kalibru kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna ħallew fija tifkira fejn ngħożż l-emozzjonijiet memorabbli li għaddejt minnhom u li għadni ngħaddi minnhom. Xi tfisser tissejjaħ sopran? Sopran hija terminoloġija mużikali li tindika r-reġistru u timbru vokali ta' kantanta femminili. Hija definizzjoni li tinfirex fuq tliet tipi ta' reġistri u timbri: koloratura, lirika u drammatika. Kuntenta bir-reġistru u timbru ta' sopran lirika li għoġbu jżejjinni bih il- Mulej għax jiddeskrivi perfettament l-imħabba u l-passjoni li nesprimi bil- vuċi lejn il-mużika u dak kollu li jinvolviha. F'pajjiżna hawn interess fil-qasam operistiku? Hawn interess iżda mhux biżżejjed għax m'hawnx biżżejjed għarfien fost il-Maltin. Il-mużika mhix biss espressjoni personali ta' talent fil-bniedem iżda teduka lil bniedem biex tgħallmu jisma', jagħżel u japprezza. L-opra u l-kant operistiku huwa qasam partikolari fejn wieħed jista' jitgħallem japrezza abbiltà fl-użu vokali, drama, żfin, xenarju u aktar taħt saqaf wieħed. Kantant/a li tammira? Wieħed jew waħda? Ma rridx ninstema' retorika iżda verament insibha diffiċli nillimita l-għażla tiegħi, il-vuċijiet huma uniċi għax individwali. Kull vuċi tgħaddilek partikolarità differenti skont dak li qed tisma' u l-mument li tkun qed tisma'. X'jiffrustrak? Niffrustra ruħi quddiem l-indifferenza lejn l-batut u l-emarġinat, quddiem l-egoist li jpoġġi ħtiġijietu l-ewwel, fuq kollox u fuq kulħadd, quddiem min jikklassifika l-bniedem b'ġudizzji azzardati li jwasslu għal ħsara irreparabbli. X'ibeżżgħek? Ibeżżagħni ħafna dan il-ġenn sfrenat lejn il- konsumeriżmu li qed jisraq mill-kommunikazzjoni ġenwina bejnietna fejn kollox sar jinvolvi biss 'gajets'u 'passwords' – ħbieb virtwali ma' min nillaxkaw id-diskors u fejn ħafna drabi npoġġu fir-riskju r-relazzjonijiet, konsumeriżmu li jokkupa l-ħin li għandna naqsmu mal-għeżież tagħna bħal ulied, meta anke kisra fl- għajnejn li tqanqal turija t'affezzjoni ma għadhiex timpressjona, m'għadniex niggustawha għax aljenati wara affarijiet oħra. Kemm hi importanti r-reliġjon f 'ħajtek u għalfejn? Ma nistax ngħid li nħobb il- ħajja jekk ma nirrikonoxxix b'fidi u konvinzjoni lil hemm Alla. L-eżistenza tiegħi hija ħolqien tiegħu, mingħajru ngħix mitlufa, bla direzzjoni, mingħajr l-imħabba infinita li jurina hu biss li hija l-unika u l-akbar għajnuna ċerta quddiem l-għawġ kollu li ngħaddi minnu. Kemm hi moħħha miftuħ Malta fejn tidħol moda? Il-moda togħġobni u nsegwiha biex inżomm ruħi aġġornata iżda ma tiddettalix il-gosti jew l-għażliet personali tiegħi anqas ma jiena skjava ta' dak li jkun tendenza jintlibes jew isir. Il-Maltin naħseb li jikkonċentraw wisq f 'tellieqa ta' limitazzjoni aktar milli oriġinalità għax konvinti li aħna żgħar wisq, b'konsegwenza li ftit ftit qed nitilfu l-identità tagħna xi ftit jew wisq meta gżiritna mimlija talent u kreattività. Kemm tħobb lil pajjiżek? Jekk niċħad lil pajjiżi daqs li kieku ċħadt il-familja tiegħi, lil demmi stess, l-għeruq li ġejja minnhom, lil ġensi li tħabat qatigħ biex din il-gżira żgħira fid- daqs imma kbira fil-qalb jkollha l-identità u l-ġieħ li jistħoqqilha. Inkun qed inkasbar dak li missirijietna xerrdu demmhom għalih. Fit-tajjeb u fil-ħażin kburija li jiena Maltija. L-aħħar safra li kellek fejn mort? L-aħħar safra ta' pjaċir kienet Pariġi, ħarba ħelwa ta' erbat ijiem b'laqta ta' divertiment u doża abbundanti ta' edukazzjoni kulturali. X'inhu s-suċċess fil-ħajja għalik? Dak mużikali nagħtih l-importanza mistħoqqha iżda l-akbar suċċess għalija huwa meta b'ħilti jirnexxieli ma nitkaxkarx mal-kurrent u nagħmel bħan-nagħaġ ta' Bendu bl-iskuża li 'għax hekk jagħmel kulħadd' iżda jirnexxieli nibqa' napprezza dak li verament għandu valur minkejja d-diffikultajiet li niltaqa' magħhom. L-aktar darba li stħajt f 'ħajtek? Il-mistħija ilha miegħi mit-tfulija u li l-palk ftit ftit jgħini negħlibha mingħajr ma ninsa l-prudenza. Iżda episodju li għadni niftakar bi tbissima kien meta kien mingħalija li rbaħt bambin fiż-żmien li kont nattendi d-duttrina u wara li tlajt ferħana għall-premju rrealizzajt li kelli n-numru bil-maqlub ta' dak li vera kien tela'. Il-Futur ta' Rosabelle Bianchi… Nixtieq futur ta' saħħa sa fejn hu possibbli sabiex inkompli ngawdi l-mużika min kull lat speċjalment li nkompli ngawdi l-vuċi li silifni l-Mulej fit-tul kemm jista' jkun u li nibqa' nħoss sodisfazzjon interjuri daqs li kieku dejjem l-ewwel darba.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 30 MARCH 2014