Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/290778
20 illum | Il-Ħadd 06 ta' April 2014 MATUL din il-ġimgħa li għadha kemm għaddiet fil- Kulleġġ tal-Università kien hemm il-Festival Ewropew tat-Teatru taż-Żgħażagħ li fih ipparteċipaw ħames kulleġġi Ewropej. Ma naħsibx li kienet kumbinazzjoni li ż-żewġ rappreżentazzjonijiet li spikkaw, waħda mill- Irlanda u l-oħra min- Norveġja, trattaw b'maturità u libertà kbira t-tema tas-suwiċidju fost il- ġenerazzjoni żagħżugħa u l-impatt li l-mezzi soċjali għandhom fuq l-individwi żgħażagħ. Permezz ta' skripts b'saħħithom ħafna, miktuba wara diskussjonijiet twal fost dawn iż-żgħażagħ ta' xi sittax, sbatax-il sena, intwera b'mod ċar u drammatiku ħafna li din hija waħda mit-temi li qiegħda tippreokkupa ħafna lil din il-ġenerazzjoni. Mhuwiex daqstant magħruf x'inhi r-rata ta' suwiċidju f 'Malta, wisq inqas kemm hemm żgħażagħ li jaslu jieħdu deċiżjoni hekk terribbli bħal din, imma ħafna kienu dawk li dawn l-aħħar ġimgħat kellhom jaħsbu dwar din il-problema minħabba dak li ġara fuq l-irdumijiet ta' Ħad-Dingli. L-interess tiegħi hawnhekk, iżda, mhuwiex daqstant ir-rata ta' suwiċidju daqskemm il-fatt li, aktarx għax il-każi ma jiġux irrappurtati, din il-kwistjoni delikata ħafna ma tiġix diskussa. Minn dak li deher f 'xi gazzetti seta' kien hemm rabta, anke f 'dan il-każ li seħħ, bejn fenomeni li qegħdin iseħħu fil- ħajja virtwali ta' fuq l-internet, l-istat mentali u emozzjonali tal-persuna involuta, u d-deċiżjoni aħħarija. Dehru rapporti ta' bulliżmu fuq is-sit virtwali ask.fm, li setgħu jew ma setgħux kellhom effett fuq il-persuna involuta. Żgur li dan il-każ għandu jittieħed b'serjetà kbira mill- awtoritajiet edukattivi f 'Malta, mhux biss direttament, iżda anki b'mod indirett. Il-fatt li jeżistu fenomeni soċjali li, iżda, ma jiġux diskussi fost l-istudenti żgħażagħ minnu nnifsu huwa inkwetanti. L-awtoritajiet edukattivi jridu jaħsbu b'serjetà kbira kif se jibdew joħolqu okkażjonijiet u sistemi edukattivi li jinkoraġġixxu lill-istudenti biex jaħsbu u jitkellmu, jiddjalogaw u, aktar minn kollox, ikunu kritiċi. Is-sitwazzjoni attwali mhix waħda konduċenti għal demokrazija bbażata fuq il-prinċipju ta' dibattitu u kontestazzjoni. Ix-xeni li dehru sena ilu fl-eqqel tal- kampanja elettorali (u anki dik tal-elezzjoni ta' qabel) ma tantx jawguraw tajjeb. Dakinhar rajna lill-istudenti jinqasmu f 'żewġ blokok jgħajtu u jwerżqu l-appoġġ tagħhom lill-kapijiet tal- partiti u jkomplu jfakkru li dan huwa pajjiż li l-poplu tiegħu għadu maqsum bħalma kien għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Min għandu esperjenza fil-qasam edukattiv jista' jixhed li fl-aħħar mill- aħħar meta (jekk) titqajjem diskussjoni ta' natura politika l-istudenti, kif darrewhom jagħmlu tad-dar u l-mezzi tax-xandir, iridu jappoġġjaw naħa u jiddemonizzaw oħra; għandhom iġorru l-istess spettri partiġġjani li ġarrew ta' qabilhom. X'jgħidu l-istudenti dwar ħajjithom: dwar l-inkubi, il-pressjonijiet enormi li għandhom? X'inhuma r-realtajiet li qegħdin jigirfu l-personalitajiet tagħhom? Imbagħad hemm il-mezzi differenti tax-xandir. Jekk is-sistema edukattiva qiegħda tfalli lill-pajjiż billi tonqos milli tipproduċi mħuħ li jaħsbu liberament u ħluq li jitkellmu apertament, il-mezzi tax-xandir għandhom ukoll parti sostanzjali minn dan in-nuqqas. Il-ġurnaliżmu 'cute', dak li jġegħelna niggustaw minflok naħsbu, ukoll sar invoga ħafna. Forsi aktar milli jistaqsu lill-istudenti fuq il-kampus tal-Qroqq (dan donnu l-uniku kampus li jeżisti f 'Malta) il-ġurnalisti għandhom jistaqsuhom mistoqsijiet aktar pertinenti, aktar veri u responsabbli. Xi ħadd kellu xi dubju li l-maġġoranza tal-istudenti se jibdew ilaqalqu meta nistaqsuhom min kienu l-presidenti ta' Malta? U billi sirna nafu dak li ormaj konna diġà nafu, x'ħadna b'daqshekk? Jew billi nippruvaw noħolqu sensazzjoni b'mistoqsija tat-tip "Għalik Erin Tanti Diġà Ħati?" kif se nkunu qegħdin ninfetħu aktar fl-ideat tagħna? Din hi l-kuntradizzjoni li nħoss li trid ukoll tiġi indirizzata: minn banda rridu nagħtu l-impressjoni ta' soċjetà miftuħa li tiddiskuti kull nitfa li tinqala', u minn oħra ninnutaw li dak li niddiskutu mhuwiex il-pern imma l-gossip, il-li- smajthom-jgħidu, il-punti li joħolqu s-sensazzjoni minflok ir-riflessjoni. Bħal Pastor Gordon Manche. Halleluiah! Din il-ġimgħa Gordon John Manche daħal il-Belt flimkien ma' erbgħin dixxiplu minn tiegħu biex jippreżenta petizzjoni lill- membri tal-kamra tad- deputati, iffirmata minn għaxart elef ruħ li huma kontra l-unjoni ċivili ta' nies omosesswali, u qiegħed saħansitra jsostni li jista' jiġbor ħafna aktar firem biex jinżamm referendum kontra din l-unjoni. Is-Sur Manche jaf li qiegħed jgħix f 'pajjiż li fih, minkejja l-ħafna preġudizzji ta' kull tip li jikkaratterizzawh, mhuwiex juri ostilità għall- knisja tiegħu. Is-Sur Manche immarċja lejn il-kapitali mad-dixxipli tiegħu, għamel hekk bil-libertà kollha, l-istess kif bil-libertà kollha qiegħed jgħallem il-prinċipji tal-knisja tiegħu lid-dixxipli mingħajr ħadd m'huwa jwaqqfu. Mhux talli hekk, talli l-protesta li Manche u d-dixxipli tar-River of Love fi Pjazza San Ġorġ inbidlet f 'ritwal reliġjuż, b'invokazzjonijet spontanji u mqanqla lill-Mulej Qaddis biex idawwal l-imħuħ tal-parlamentari Maltin. Halleluiah! Tajjeb, u dan huwa xieraq li jseħħ f 'pajjiż li fih uffiċjalment hemm iggarantita l-libertà tal-espressjoni inkluża dik reliġjuża, anki jekk kostituzzjonalment jiskjera ruħu favur twemmin partikolari. Halleluiah! Madankollu Gordon John Manche mhuwiex lest li jittollera din l-istess libertà ggarantita lill-Knisja tiegħu ma' nies li l-espressjoni ta' mħabba tagħhom jixtiequ jaqsmuha ma' nies oħrajn tal-istess sess tagħhom. Ix-xmara ta' mħabba donnha ħalfet li tagħmel kruċjata kontrihom anki permezz ta' mirakli meraviljużi li bihom 'tfejjaq' is-sesswalità ta' dawk l-individwi 'mgħawġa', tan-ngħaġ il-mitlufin li l-missjunarju jrid ireġġa' lura lejn il-merħla. Liema huma l-prinċipji li Manche qiegħed jippriedka lill-fidili tiegħu? Liema huwa t-tir, l-għan ta' din il-Knisja li Manche wiret minn xi mkien f 'Oklahoma, l-Istati Uniti? X'nafu dwar din il- Knisja u oħrajn li qegħdin jiġu impurtati minn barra bħall- ħafna prodotti li nikkunsmaw il-ġurnata kollha? X'inhuwa l-effett li qiegħed jitħalla fuq nies – ħafna drabi vulnerabbli – minn persuni li jsostnu li tkellimhom il-Madonna fuq xi għolja, jew li jippriedkaw bil-ġlekk u l-ingravata waqt li jħabbru d-data ta' meta se tispiċċa d-dinja? Fil-każ ta' Manche, minflok mistoqsija dwar x'messaġġi qiegħed jgħaddi lil ta' madwaru, jew x'effett qiegħed iħalli fuq l-imħuħ ta' dawk li jwieġbu Halleluiah għal kull ħaġa li jgħid (imqar xi ċajta pwerili) qiegħda ddur oħra (m'għandniex xi ngħidu fuq Facebook) li tesprimi dubji fuq is-sesswalità tiegħu stess. Bħall- mistoqsijiet tal-ġurnaliżmu 'cute' jew sensazzjonali, jekk mhux minħabba t-tradizzjoni li qiegħed iħalli, id-diskussjonijiet jieqfu f 'dak il-livell u sadattant m'aħniex qegħdin ninvestigaw ħwejjeġ ta' natura iktar importanti. Żewġ kulleġġi min-naħa ta' fuq tal-Ewropa, żewġ settijiet ta' atturi żgħażagħ, jaħsbuha mod ieħor dwar x'għandhom ikunu l-livell u n-natura tad- diskussjoni. IMMANUEL MIFSUD CUTE "Liema huwa t-tir, l-għan ta' din il-Knisja li Manche wiret minn xi mkien f 'Oklahoma?"