Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/290778
Il-Ħadd 06 ta' April 2014 | illum 31 SPORTSillum Meta Tevez tħalla barra mit-Tazza tad-Dinja JGĦIDU li fil-ħajja inkluż fil-futbol ħadd mhu indispensabbli. Dan jista' jixhdu l-attakkant prolifiku Arġentin ta' Juventus Carlos Tevez li tħalla barra mil-lista ta' plejers għat-Tazza tad- Dinja fil-Brażil fejn kollox jindika li dan ġara minħabba r-relazzjoni xejn tajba li teżisti bejnu u bejn il-kowċ tat-tim nazzjonali Arġentin Alejandro Sabella. Sa issa Tevez kellu kampjonat mill- aqwa mal-ġganti Taljani u leaders tas-Serie A, Juventus fejn skorja xejn inqas minn 18-il gowl u jinsab fil- quċċata tal-lista tal-aqwa skorers fil-Kampjonat Taljan Serie A TIM fejn l-attakkant prolifiku Arġentin magħruf bħala l-Apache għandu ċans kbir li jirbaħ din il-klassifika fl-aħħar tal-istaġun jekk jibqa' għaddej mill-forma li għaddej minnha bħalissa. Fil-fatt flimkien mal- attakkant Spanjol Fernando Llorente, huwa pprovda u għadu qed jipprovdi magna ta' gowls għat-tim bi storja glorjuża minn Turin imlaqqam bħala 'La Vecchia Signora.' Dan huwa l-ewwel staġun ta' Tevez ma' Juventus iżda huwa ssorprenda bil-kbir u qed jgħin lill- Juventini biex jerġgħu jiksbu l-Kampjonat Taljan fi tmiem l-istaġun għat-tielet darba konsekuttiva. Bħalissa huma l-favoriti netti li jagħmlu dan għalkemm bħal-lum ġimgħa, barra minn darhom, tilfu bl-iskor ta' 2-0 kontra r-rivali Napoli. F'din il-logħba Tevez ma kienx inkluż fiha minħabba li kien sospiż u kienet ir-raba' logħba li huwa kien qed jitlef matul dan l-istaġun mal-Bianconeri. B'hekk nistgħu ngħidu li Tevez matul dan l-istaġun sar l-eroj ta' Juventus. Biex Tevez ingħaqad ma' Juventus mingħand Manchester City tħallset is-somma ta' madwar €10 miljun u l-€4.5 miljun li se jkun qed idaħħal matul kull wieħed mit-tliet staġuni li ġejjin qed jidhru bħala investiment siewi għall- Bianconeri. Flimkien mat-18-il gowl li rnexxielu jiskorja sa issa, Tevez pprovda sitt assists lil sħabu l-plejers. Barra li Tevez qed jittama bis-sħiħ li jirbaħ il-Kampjonat Taljan tas-Serie A kif ukoll l-unur personali tal-aqwa skorer għal dan l-istaġun, huwa jinsab ħerqan ukoll li jerfa' t-trofew prestiġjuż tal-UEFA Europa League dejjem jekk il-Bianconeri jirnexxielhom jagħmluha sal-finali li se tkun qed tintlagħab propju f 'Turin u għalhekk Juventus se jkunu qed jilagħbu ġewwa darhom nhar l-14 ta' Mejju. Tajjeb ngħidu li din hija l-unika kompetizzjoni li Tevez għadu qatt ma rebaħ fil-karriera mill-aqwa tiegħu fil-futbol. Huwa rebaħ l-ewwel titlu domestiku tiegħu ma' Boca Juniors fl-2003, imbagħad rebaħ kampjonati ma' Corinthians fil-Brażil, u maż-żewġ timijiet ta' Manchester, Manchester United u Manchester City fil-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra. Flimkien ma' ħames titli fi tliet pajjiżi differenti, Tevez rebaħ ukoll il-Copa Libertadores u l-UEFA Champions League ma' Boca Juniors u Manchester United rispettivament. Il-lista ta' unuri konsiderevoli li rebaħ fil- karriera tiegħu u li ġġiblu rispett liema bħalu, il-forma fiżika tiegħu ta' bħalissa, u t-13-il gowl li skorja f '64 logħba mat-tim nazzjonali Arġentin, madankollu jidhru li ma tantx impressjonaw lill-kowċ tat-tim nazzjonali Arġentin, Alejandro Sabella. Fil-fatt dan il-kowċ għadu qatt ma sejjaħ lil Apache sa minn meta huwa ħa t-tmun tal-Albiceleste, kif inhuma magħrufa l-Arġentina. Kollox jindika li Tevez ma jinsabx fil-pjanijiet tal-kowċ Arġentin għat-Tazza tad- Dinja fil-Brażil li se tibda fit-12 ta' Ġunju li ġej. Spjegazzjoni sempliċi għal dan in-nuqqas ta' Tevez fit- tim nazzjonali Arġentin tista' tkun dik tal-abbundanza u l-kwalità ta' attakkanti prolifiċi Arġentini, fosthom attakkant partikolari Lionel Messi li huwa wkoll il-captain tat-tim nazzjonali Arġentin. Però barra minn hekk fit- tim nazzjonali Arġentin insibu plejers li jiġu msejħa b'mod regolari fl-istess tim fosthom Sergio Aguero, Gonzalo Higuain u Ezequiel Lavezzi. Iżda jidher li Sabella mhux qed isejjaħ lil Tevez minħabba aspetti u fatturi oħra personali fosthom raġunijiet politiċi. Rimarkabbli huwa l-fatt li Tevez f 'pajjiżu l-Arġentina fil-fatt huwa iktar popolari minn Messi, li qatta' l-karriera professjonali kollha tiegħu jilgħab fi Spanja, fejn mar jgħix u jilgħab f 'Barcelona meta kellu biss 13-il sena. B'hekk kien hemm spekulazzjonijiet li jekk Sabella jsejjaħ lil Tevez għat- Tazza tad-Dinja kien ikollu pressjoni kbira biex jinkludih f 'kull logħba minħabba l-popolarità massiva tiegħu f 'dan il-pajjiż kbir mill- Amerika Latina. Iżda jidher li Tevez ma tantx ħadha bi kbira li huwa ma jinsabx fil-pjanijiet ta' Sabella għat-Tazza tad-Dinja fil-Brażil hekk kif fil-fatt huwa lanqas biss ċempel lill-kowċ nazzjonali Arġentin biex jitolbu li jilgħab mal- Arġentina fit-Tazza tad- Dinja. F'kummenti li ta lill-media fil-jiem li għaddew huwa qal li ma jridx jitkellem rigward dan il-fatt u fil-fatt lanqas semma xejn f 'intervisti li ta lill-ġurnalisti Arġentini. Huwa afferma li minflok imur il-Brażil għat-Tazza tad- Dinja huwa se jkun qed jieħu vaganza mal-familja tiegħu fejn se jkun qed jilgħab ħafna l-isport li tant iħobb, il-golf. U meta l-kowċ ta' Juventus, Antonio Conte, ukoll ġie mistoqsi rigward dan il-fatt ma wera l-ebda interess partikolari li jċempel lil Sabella rigward l-esklużjoni ta' Tevez. Il-ġganti Taljani diġà għandhom bosta plejers inklużi ma' diversi timijiet nazzjonali li se jkunu qed jipparteċipaw fit-Tazza tad- Dinja. Conte kkonkluda billi qal li jekk iċempel lil Sabella jkun biss biex jinfurmah biex ma jsejjaħx lil Tevez mal-Arġentina, u dan biex jevita li l-attakkant prolifiku Arġentin ikollu xi injury li mbagħad tispiċċa biex tkun ta' detriment għal Juventus u għal ħadd iktar! Tevez imħolli barra mit-Tazza tad-Dinja l-Brażil