Illum previous editions

illum 18 may 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/313773

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 43

Il-Ħadd 18 ta' Mejju 2014 | illum 21 HEKK kif il-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew tibda tirranka sew, hija ħaġa naturali illi l-votant jibda jgħarbel l-għażliet li għandu quddiemu f 'termini ta' kandidati, u jippretendi li dawn jibdew jiċċaraw il- pożizzjoni tagħhom fuq dak li beħsiebhom iwettqu jekk jiġu eletti. Peress li l-esperjenza tiegħi hi bbażata fuq il-kummerċ u l-importanza li dejjem tajt lit-trawwim tar-riżorsi umani, mill-bidu nett kont għamiltha ċara li l-preżenza tiegħi fil-Parlament Ewropew kienet se tkun waħda ffukata fuq dawk l-oqsma fejn inħoss li nista' nikkontribwixxi l-aktar. Għalhekk se nkun qed niddedika l-isforzi tiegħi lejn il-ħidma tal-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, partikolarment kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-ħaddiema, it-taħriġ, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; lejn dik tal-Kumitat tas-Suq Intern, fejn l-esperjenza tiegħi fin-negozju tista' tkun utli; u dik tal-Ambjent u s-Saħħa Pubblika, fejn inkun nista' nikkontribwixxi lejn id- diskussjoni dwar kwistjonijiet ta' saħħa mentali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-post tax-xogħol. Kieku kelli nagħżel kwistjoni waħda ta' tħassib għall-futur ġejjieni ta' Malta, din tkun bla dubju ta' xejn l-ekonomija. L-ekonomija hija l-pedament għall-għixien ta' kull pajjiż. Din tipprovdi l-impjiegi u d-dħul tat- taxxa, li jsostnu l-istruttura ta' servizzi tas-saħħa b'xejn, kif ukoll l-edukazzjoni. Din tippermettilna wkoll li nkomplu ngawdu l-pensjonijiet, peress li s-sistema tagħna 'pay-as- you-go' tiddependi fuq dak li jiġi mħallas mill-impjegati llum. S'issa, l-ekonomija Maltija u l-finanzi pubbliċi baqgħu reżiljenti u nżammu fit-triq ta' titjib gradwali. Iżda dan l-aħħar bdejna nisimgħu bi problemi fil- qasam tal-impjiegi kif ukoll fil-produzzjoni industrijali. Għadu kmieni wisq biex wieħed jallarma ruħu, u nisperaw li dawn l-indikaturi negattivi mhumiex sinjal ta' tendenza negattiva għall- futur. Madankollu, in- nuqqas evidenti ta' ppjanar proattiv sabiex tiġi stimulata l-industrija u jissaħħu l-intrapriżi, jinkwetani mhux ftit. M'hemmx dubju li f 'livell Ewropew, il-leġislatura li jmiss jeħtieġ li tkompli tibni fuq inizjattivi maħsuba biex isaħħu s-Suq Intern. Filwaqt li huwa veru li l-ekonomija Ewropea qiegħda tirkupra, hemm bżonn illi din ir- rankatura tinżamm. Fuq livell nazzjonali, hemm bżonn illi nżommu għajnejna fuq il-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern, partikolarment fejn tikkonċerna lil SMEs u l-mikrointrapriżi, sabiex in-negozji Maltin ikunu f 'pożizzjoni li jisfruttaw il-benefiċċji tas-Suq Uniku Ewropew. Barra minn hekk, nixtieq nara kwistjonijiet marbuta mas-saħħa mentali jitressqu aktar lejn iċ-ċentru tal-aġenda tal-UE. Jekk jirnexxielna li jkollna Rakkomandazzjoni tal-Kunsill matul il-kors tal- leġiżlatura li jmiss, dan ikun pass importanti ħafna. Spiss isaqsuni jekk il- komunità kummerċjali Maltija hijiex rappreżentata b'mod adegwat fil-Parlament Ewropew. Sfortunatament, naħseb li għad hemm kunċett żbaljat dwar kif Membru tal-Parlament Ewropew jista' jgħin liċ-ċittadin u lin-negozju. Ħafna jaħsbu li l-Parlament Ewropew qiegħed hemm sabiex jindirizza l-ilmenti taċ-ċittadini jew jippromwovi l-interessi tal- 'lobbies' kbar. Bħala riżultat ta' dan, in-negozji Maltin spiss jibqgħu fil-periferija tal-prijoritajiet u d-dibattiti ta' qabel l-elezzjonijiet tal- Parlament Ewropew. Dan m'għandux ikun il-każ, peress li ħafna mil-liġijiet li jinħmew fi Brussell ikollhom impatt sinifikanti fuq l-intrapriżi żgħar, medji u mikro f 'Malta. Dan ma jfissirx li s'issa ma sar xejn. Matul l-aħħar żewġ leġiżlaturi, il-mexxej tagħna, Simon Busuttil, ħadem bla heda kontra kumpaniji ta' direttorji kummerċjali li ppruvaw idaħħlu lil diversi kumpaniji Maltin fin-nasba ta' 'scams' kummerċjali. Naħseb li flimkien, b'ħidma id f 'id, nistgħu nkomplu nibnu fuq dak li sar fil-passat u nagħtu aktar attenzjoni għall-bżonnijiet tan-negozju. Għax fl-aħħar mill-aħħar, in- negozju jġib l-impjiegi, iħallas it-taxxi, u jsostni l-ekonomija tagħna u l-kwalità ta' ħajja li ngawdu. Helga Ellul hija kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f 'isem il-Partit Nazzjonalista F'ATTIVITÀ tal-Partit Laburista fl-Imqabba, il-Prim Ministru Joseph Muscat għammed lill- bijografu tiegħu Cyrus Engerer bħala "suldat tal-azzar". Dr Muscat għamel din id-dikjarazzjoni l-għada li l-istess Cyrus Engerer instab ħati ta' reat kriminali u għalih ingħata sentenza ta' sentejn ħabs sospiżi. L-ewwel darba li ntużat il-frażi "suldati tal-azzar" kien fis-snin sittin. Il-Perit Duminku Mintoff, dak iż-żmien mexxej tal-Partit Laburista, kien sejjaħ hekk lil dawk li vvotaw lill- partit tiegħu minkejja li l-Arċisqof kien qalilhom li jekk jagħmlu hekk ikunu qed jagħmlu dnub. Il-ġlieda politiko-reliġjuża tas-snin sittin seħħet f 'Malta ferm differenti minn dik li qed ngħixu fiha llum. Biżżejjed ngħidu li dak iż- żmien pajjiżna kien għadu kolonja tar-Renju Unit u li l-influwenza tal-Knisja fuq il-poplu kienet bil-qabda ikbar milli hi llum. Mhux l-iskop ta' dan l-artiklu li niddiskuti l-istorja li seħħet fis-snin sittin jew li ngħid min kellu l-aktar raġun u min kellu l-aktar tort. Li hu żgur hu li dawk li Mintoff iddeskriva bħala suldati tal-azzar kienu nies li emmnu f 'ideal u ġġieldu għalih. Is-suldati tal-azzar ma kinux nies misjuba ħatja ta' reati kriminali. Għaldaqstant inħoss li din id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tinsulenta bil-kbir lil dawn in-nies, lil dak li rrappreżentaw, lil dak li emmnu u li ġġieldu għalih tul ħajjithom. Dan il-Prim Ministru għandu ħabta jinsulenta l-memorja storika tagħna. Bid-dikjarazzjonijiet li jagħmel inħoss li qisu jrid jikteb l-istorja ta' pajjiżna mill-ġdid, biex jagħmilha ddoqq iktar għal widnejh. F'din il-kampanja elettorali qalilna li l-ħamsa u għoxrin sena li matulhom il-poplu tagħna għażel gvernijiet Nazzjonalisti kienu snin ta' "kastig". Għall-preċiżjoni, il- Prim Ministru Muscat kien qed jgħid lil-Laburisti li min minnhom ma jmurx jivvota fl-elezzjoni ta' nhar is-Sibt se jkun qed "jagħmel pjaċir lil min ikkastigah għal 25 sena sħaħ." B'dan id-diskors lil Dr Muscat waqgħetlu għal kollox il-maskra ta' politiku moderat u nkixef il-politiku estremist li tassew hu. Il-Prim Ministru kixef ukoll dwar kif tassew jaħsibha fuq l-isħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Qalilna bla tlaqliq li jqis il-frott tal-isħubija bħala "kastig". Bi kliemu Joseph Muscat ikkonferma li għadu jaħsibha l-istess bħal meta kien qalilna li l-isħubija fl-Unjoni Ewropea se tkun "is-salib tal-millennju". Għadu jaħsibha l-istess bħal meta ftaħar li l-vot tiegħu għar-referendum dwar sħubija fl-Unjoni Ewropea poġġih f 'inkwatru. Għadu jaħsibha bħal meta kien jippreżenta l-programm "Made in Bussels." Bil-maqlub, il-Partit Nazzjonalista jemmen bis- serjetà li Malta hija aħjar fl-Unjoni Ewropea. Aħna nemmnu li Malta tkun aħjar jekk int u familtek, bi dritt, tiġu l-ewwel u mhux tal-familja, tal-billboards u tal-qalba. Malta aħjar hija Malta fejn l-opportunitajiet ikunu hemm għal kulħadd, fejn ix-xogħol ikun hemm għal kulħadd. Malta aħjar hija Malta mibnija fuq is-serjetà u mhux fuq il-gimmicks u l-konferenzi stampi ta' żewġ ċenteżmi. F'Malta aħjar il-libertà u d-diversità fl- opinjonijiet politiċi tkun iċċelebrata u mhux imkasbra bi transfers, diskriminazzjoni u vendikazzjonijiet. Malta aħjar hija Malta mibnija fuq ir-rispett u t-tħaris tas-sewwa u tal- verità. Jien irrid inkun suldat tal-azzar li naħdem għal Malta Aħjar. Norman Vella hu kandidat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f 'isem il-Partit Nazzjonalista HELGA ELLUL NORMAN VELLA Kontribut iffukat fuq ix-xogħol Is-Suldati tal-Azzar "Kwistjoni waħda ta' tħassib għall-futur ġejjieni ta' Malta, hi bla dubju ta' xejn l-ekonomija" "Dawk li Mintoff iddeskriva bħala suldati tal-azzar kienu nies li emmnu f 'ideal u ġġieldu għalih. Is- suldati tal-azzar ma kinux nies misjuba ħatja ta' reati kriminali"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 18 may 2014