Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/318024
Il-Ħadd 25 ta' Mejju 2014 | illum 27 SPORTSillum "Se nagħti l-100% biex inżomm il- bandiera Maltija 'l fuq" – Andrè Schembri M'HEMMX dubju li l-istilla tal-futbol Malti fil-preżent mhuwa ħadd ħlief l-attakkant prolifiku Andrè Schembri. Ftit tal-jiem ilu huwa ħalla lit-tim Ċiprijott Omonia Nicosia wara esperjenza mill-aqwa ta' sentejn fejn fis-17 ta' Ġunju se jkun qed jingħaqad b'mod uffiċjali mat-tim mit-Tieni Diviżjoni Ġermaniża FSV Frankfurt. Tajjeb ngħidu li din it-Tieni Diviżjoni tirrappreżenta l-ogħla livell ta' futbol f 'din il-kategorija fid- dinja u għalhekk huwa ta' prestiġju kbir li Schembri se jkun qed jilgħab f 'dan il-livell. Dan il-ġurnal għamel kuntatt mal-plejer internazzjonali Malti fejn talbu jagħtina l-kummenti tiegħu rigward kif qed iħares lejn il-futur tiegħu fil-Ġermanja fejn niftakru li fil-passat kien diġà lagħab ma' Eintracht Braunschweig. "Dawn l-aħħar sentejn kienu l-isbaħ mumenti fil-karriera tiegħi. Irbaħt ir-rispett tal-partitarji u tal-poplu ġenerali ġewwa Ċipru. Inħossni sodisfatt ħafna bil-prestazzjoni tiegħi matul dan l-istaġun u se nagħmel minn kollox biex inkompli ntejjeb il-prestazzjoni tiegħi fl-istaġun il-ġdid ġewwa l-Ġermanja. Mhux se tkun faċli però ninsab ottimist dwar l-istaġun li ġej. It-Tieni Diviżjoni tal- Bundesliga huwa meqjus bħala l-aqwa Tieni Diviżjoni fid-dinja u se nagħti l-100% biex inżomm il-bandiera Maltija 'l fuq," temm jgħid Andrè Schembri. Suċċess għat-turnament internazzjonali tal-UEFA ta' taħt is-17-il sena HEKK kif nhar l-Erbgħa ntemm il-Kampjonat Internazzjonali ta' taħt is-17- il sena organizzat mill-UEFA u li ntrebaħ mill-Ingilterra, żgur li dan it-turnament għamel reklam kbir għal pajjiżna grazzi għal ħidma sfieqa ta' diversi nies fosthom tal-MFA mmexxija mid-duo ħabrieki Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo. Dan kollu ġie rifless fi kliem Bjorn Vassallo, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Football Association, u ċ-Ċermen tal- Kumitat Lokali Organizzattiv, li wera sodisfazzjon kbir bl-attendenzi li kellu l-UEFA Under-17 Championship li sar f 'pajjiżna, waqt konferenza stampa li saret ftit tal-jiem ilu. Vassallo żvela kif il-kampanja 'Reach Out' irnexxiet bil- kbir u żvela li n-numru ta' spettaturi li żaru l-istadiums miss l-40,000, li jfissru 10 % tal-poplu Malti bil-partiti li l-aktar kellhom nies kienu dawk meta lagħab it-tim nazzjonali Malti. "In-numri kienu eċċezzjonali. Qatt ma kellna kampanja li rnexxiet daqshekk. Dan kien mod eżemplari ta' kif l-MFA qiegħda tibni kuntatt bejn il- futbol u ż-żgħażagħ f 'pajjiżna biex dawn tal-aħħar isaħħu s-sens ta' mħabba lejn il-kuluri nazzjonali tagħna. Il-kburija lejn it-tim nazzjonali tagħna qiegħda tikber ta' kuljum. Ħadt gost nara tfal ixejru l-bnadar ta' Malta. Kien ta' reklam pożittiv għal pajjiżna." Joe Cassar, id-Direttur tat-Tournament, spjega kif l-uffiċjali tal-UEFA wrew sodisfazzjon kbir bl-andament tat-turnament. Qal li kollox mexa għall-perfezzjoni u kif kien ippjanat anki jekk għall- ewwel darba f 'Malta saru żewġ partiti internazzjonali fl-istess ħin. Norman Saliba, Kap tat- Taqsima Marketing tal-MFA, ukoll wera sodisfazzjon kbir f 'dan is-suċċess. "Kellna 82 skola, 46 nursery tal-futbol u 25 kunsill lokali li organizzaw gruppi ta' spettaturi għal dawn il- partiti. 54 skola pparteċipaw fil-proġett edukattiv. Aktar minn 400 resident taċ-ċentri miftuħa bbenefikaw minn din il-kampanja, kif ukoll għamlu 'l fuq minn 1,100 student mill- Università ta' Malta, tal-Junior College u mill-MCAST." Saliba żied li "kienet ix-xewqa li naraw aktar konkorrenza minn għaqdiet sportivi oħra mhux relatati mal-futbol, għaqdiet tal-lajċi u għaqdiet filantropiċi oħra, kif ukoll mill-pubbliku inġenerali, l-aktar fil-logħbiet li fihom ma kienx involut it-tim Malti." Finalment Saliba għalaq billi qal li "apparti mill-inċentivi li kellna biex nilħqu dawn il-figuri, naħseb illi l-akbar benefiċċju li se nieħdu minn din huwa l-fatt illi tajna togħma lil ħafna żgħażagħ Maltin, li għalihom din probabbli kienet l-ewwel esperjenza tagħhom, ta' xi tfisser atmosfera waqt festa tal-futbol. Atmosfera li jkunu parteċipi fiha u li jkunu ħolquha huma stess." Plejers u diriġenti tat-tim nazzjonali tal-Ingilterra ta' taħt is-17-il sena jiċċelebraw bil-kbir wara li rebħu t-turnament tal-UEFA organizzat f 'Malta Andrè Schembri għall-ewwel darba bil-faxxa ta' captain ta' Omonia Nicosia ftit tal-ġimgħat ilu