Illum previous editions

illum 13 July 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/345569

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

18 illum | Il-Ħadd 13 ta' Lulju 2014 Il-Punt Għaldaqstant jiena nemmen li depenalizzazzjoni... DAN l-aħħar kont mistieden fil- programm 'Reporter' immexxi minn Saviour Balzan fuq TVM għal diskussjoni dwar ir-Riforma tal- Liġijiet dwar id-Drogi tal-Abbuż. Nammetti li ma kellix kopja tal- "White Paper" minħabba li din kienet ippubblikata ftit ħin qabel beda l-programm u allura ma stajtx nikkummenta faċilment. Issa ladarba din ġiet ippubblikata allura nista' nagħmel ir-riflessjoni tiegħi fuq id-dokument. Biex ir-Riforma fil-Ġustizzja tkun waħda verament rivoluzzjonarja għandha toffri liġijiet li ma jmorrux kontra d-dritt u għaldaqstant l-obbligu tal-ħarsien tal-ħajja personali, familjari, soċjali u r-rispett lejn l-ordni ċivili. Riforma denja ta' dan l-isem għandha toffri soluzzjonijiet varji li jagħtu opportunità lil min irid verament jinbidel u jtejjeb ħajtu biex ikun jista' jagħmel dan mingħajr biża' jew diffikultà. Jien inħares lejn il-"White Paper" tar-Riforma bħala pass 'il quddiem fil-qasam tal-Ġustizzja fir-rigward ta' każijiet relatati mad-droga. Naraha azzjoni li taf tagħmel ġustizzja maċ-ċittadini taħt il- morsa tad-dipendenza u nittama li tiġġenera wkoll aktar fiduċja fil- Qrati u l-Ġustizzja mill-membri kollha tas-soċjetà Maltija. Imma nħoss li xorta hemm dettalji li fil- fehma tiegħi jeħtieġu kjarifikazzjoni. Kien ikun wisq aktar għaqli kieku r-riforma nbniet fuq il-kunċett tad-depenalizzazzjoni. B'hekk l-użu u l-pussess tad-droga jibqa' kkunsidrat bħala offiża legali imma mhux reat kriminali li ħaqqu piena ta' ħabs jew telf tal-kondotta. Hawn jinżamm l-element deterrenti li bih is-soċjetà tħossha protetta u moħħha mistrieħ li saret xi ħaġa biex l-iżball ma jirrepetix ruħu u fl-istess waqt tkun tista' toffri ta' lanqas minimu ta' għajnuna terapewtika jew servizz ta' riparazzjoni lis-soċjetà. F'każi ta' dipendenza akuta u pussess aggravat, meta l-individwu jaċċetta l-għajnuna medika u terapewtika u wara perjodu ta' żmien jirkupra, imbagħad tista' tkun ikkunsidrata wkoll il-maħfra sħiħa jew parzjali ta' offiżi kollaterali sakemm dawn twettqu konsegwenza tad- droga. Fil-każ tal-aħħar dak li jkun jista' jingħatalu multa jew xogħol volontarju fil-komunità. Jekk individwu jirrifjuta, jew ma jikkoperax mal-għajnuna offruta, inkella jinstab li r-reat ikun wieħed ta' traffikar pur, allura hemm jiskatta l-proċess ġudizzjarju fil-qorti kriminali. Il-ksur ta' liġi huwa nuqqas ta' responsabbiltà u jitlob ammissjoni u rieda ta' bidla għas-sewwa biex isir l-irkupru mixtieq. Allura r-riforma għandha tkun indirizzata lejn soluzzjonijiet li jimmiraw lejn il-kura tal-għeruq imħassra li jkunu l-kawża tad-diżordni fil-bniedem li jirrikorri għal azzjonijiet antisoċjali u perikolużi għas-saħħa tiegħu. Hija t-terapija li toffrilu din l-għajnuna biex jakkwista bidla personali ta' ġid għalih u għall-komunità li fiha jgħix u li huwa jkun weġġa' bl-għemejjel tiegħu. Għalhekk, l-użu tal-kunċett dikriminalizzazzjoni jinkwetani għax dan ifisser ċediment tal-ispirtu ta' ġustizzja, fejn il-manifattura, pussess, bejgħ u użu ta' droga - li fl-istess dokument paġna 10 huma meqjusa "illegali" u "xi ħaġa essenzjalment ħażina" - ma jibqgħux meqjusa bħala reati quddiem il-liġi imma jsiru atti permessi. Nittama li Malta, talanqas għall-ġid ta' wliedha, tirrispetta l-opinjoni tal- professjonisti tagħha f 'dan il-qasam, għax il-qagħda kulturali u soċjali tagħna hija ferm differenti minn dik ta' pajjiżi oħra huma liema huma. Naħseb li ma nkunx qed niżbalja jekk ngħid li d-droga hija sintomu ta' soċjetà marida. Il-vjolenza u l-kriminalità f 'Malta, bħal f 'kull parti oħra tad-dinja, kibru mhux għax hawn id-droga, iżda minħabba kultura fejn kollox sar jgħaddi "la jaqbel lili." Nemmen li l-abbuż tad-droga żdied għax żdiedet l-inġustizzja soċjali minħabba l-evażjoni tat-taxxa, kollużjoni u korruzzjoni. B'dan kollu ma jfissirx li ma hawnx nies tajba u li kollox sar ħażin. Imma attenti, għax il-kriminalità li qed naraw isseħħ fostna ma tawgurax tajjeb! L-istat huwa obbligat li ma jagħmel xejn li jista' jtellef dak it- tajjeb li baqagħlna. Ikun messaġġ irresponsabbli li nħallu l-pussess u l-użu personali bla deterrent sempliċiment għax persuna tinqabad l-ewwel darba. Min qal li meta tinqabad l-ewwel darba tkun użajt darba biss!? X'aktarx li l-proċess tad- dipendenza jkun diġà beda. Allura nibgħatuhom jitkissru qabel ma nwissuhom!? Dun Manwel Cordina huwa d-Direttur tal-Fondazzjoni OASI DUN MANWEL CORDINA F i żminijiet meta kont naqra l-kitbiet Klassiċi, huma x'inhuma, iltqajt ma' dikjarazzjoni li baqgħet għal tul ħajti ankra waħda mill-ankri ta' prinċipji. "Il-libsa titfassal għal bniedem u mhux il-bniedem għal-libsa." Kont sibtha f 'waħda mill-kitbiet ta' Karl Marx. Fir-realtà, fi kliem sempliċi hija l-filosofija politika u ekonomika tiegħu magħrufa bħala materjaliżmu storiku. Kienet frażi li influwenzat li dawk kollha li ġew wara. Ibda minn Max Webber sa Maynard Keynes. Frażi li influwenzat il-metodu ta' ħsieb anke ta' dawk li ma kinux jaqblu miegħu. Li ried jgħid kien sempliċi. Jekk l-abbitudni tal-bniedem tinbidel, iridu jinbidlu wkoll ir-regoli, liġijiet u kultura ta' kif naħsbu. Jekk ma jsirx hekk ikollok ħabta jew aħjar kolliżjoni ta' kulturi u valuri bejn dawk tal-bieraħ u dawk tal-lum. Jekk ma jsirx hekk jista' jkollok konsegwenzi gravi. L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet b'konsegwenza ta' dan. L-Imperu Awstri-Ungeriku li kien inħoloq biex jilqa' għall-Imperu Ottoman żmienu kien għamlu. Is-soċjetà industrijali u kapitalista li ssawret lejn l-aħħar tas-seklu tmintax u bidu tad-dsatax, daħlet f 'kolliżjoni mal- monarkiji u sistemi kważi fewdali. Ma kienx żmien aktar tal-monarkiji iżda tar-Repubbliki. Mal-waqgħa tal-Imperu Ottoman waqgħet għal kollox is-saltna tar-rejiet u l-irġejjen. Għalhekk spiċċa l-Kaiser, it-Tzar, il-Prinċpijiet u Renjanti. Kellha tkun waqgħa vjolenti. Din it-tensjoni tinbet mhux biss fuq skala globali, iżda anke fuq livell ta' relazzjonijiet umani. Fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-komunikazzjoni u bil-mod kif nagħmlu l-politika. Rajna xi ħaġa simili f 'pajjiżna fil-każ tad-dritt tad-divorzju u tal-unjoni ċivili. B'dawk li kienu kontra jew aħjar ambaxxaturi tal-bieraħ li ma jistgħux jifhmu li s-soċjetà kienet ħarġet mil-libsa. Ma setgħux jifhmu li ma setgħux ifasslu lill-bniedem biex jidħol fil-libsa fl-immaġini ta' kif xtaqu jarawh. L-istess qiegħed jiġri llum fid-diskussjoni dwar id- dekriminalizzazzjoni ta' reati għal dawk li jkunu vittmi tad-droga. Iżda din ir-reżistenza għall-bidla ma tiġix mill-istituzzjonijiet biss iżda anke minn ħafna persuni fis- soċjetà li huma stess ikunu ħolqu sitwazzjonijiet li ma mhumiex tradizzjonali. Bħala avukat niltaqa' ma' ħafna li għażlu li jgħixu f 'relazzjoni barra ż-żwieġ. Ikunu huma stess b'għażla u ġieli anke b'mod mhux pjanat, li jġibu tfal fid-dinja barra ż-żwieġ. Għalkemm ikunu għażlu li jkollhom relazzjonijiet u familji li mhumiex "main stream", u minn dawn illum hawn eluf, xorta jibqgħu jaħsbu fuq linji u attitudni li tkun tradizzjonali. L-aktar li nara minn dawn din it-tip ta' attitudni fejn ikun hemm it-tfal. Ġuvni u xebba li għandhom tarbija jinsistu li ħadd minnhom ma għandu jieħu lit-tfal fil-preżenza ta' mara jew raġel ieħor! Li hija ħaġa impossibbli. Dan l-aħħar kont qiegħed nispjega lil wieħed li ma jistax jippretendi li jżomm lill-eks tfajla tiegħu milli jkollha sieħeb ieħor jew li eventwalment tiżżewġu u li anke tieħu magħha l-wild tagħhom fiż-żwieġ ma' dak ir-raġel. Spjegajtlu li anke hu, meta jkollu sieħba tiegħu u forsi jiżżewweġ, omm it-tifel ma tistax tippretendi li ma jiħux lit-tifel tagħhom fil-preżenza tal-oħra. Għidtlu, biex iħejji ruħu għaż-żmien meta jwassal lit-tifel id- dar t'ommu u jkun is-sieħeb tagħha li jiftaħlu l-bieb. Ma setax ikompli jilbes libsa li ma tiġihx! Dawn huma kollha argumenti li jinqalgħu fejn hemm drittijiet, li għalkemm huma simili għal dawk tal-bieraħ mhumiex eżattament bħal dawk tal-lum. F'Malta, aktar minn pajjiżi oħrajn, din it-tip ta' tensjoni qiegħda tinħass aktar. F'pajjiżi oħrajn, bħal ma ngħidu aħna dawk Skandinavi u tal-Ewropa ta' Fuq, din il-bidla ġiet b'mod gradwali u għalhekk kellhom iċ-ċans kollu jaddattaw irwieħhom għaliha. Biżżejjed ngħid li f 'ċertu pajjiżi d-divorzju ilu li daħal 'il fuq minn mitejn sena ilu meta aħna skoprejnieh tliet snin ilu biss! F'Malta l-ħtieġa tal-bidla ilha tinħass, iżda ġiet fuqna f 'daqqa f 'kull qasam. Kif jgħidu, ġiet fuqna "with a big bang." Pajjiżna, f 'xi ħin qabeż stadju ta' żvilupp. Dan mhux naturali bħalma mhux naturali li l-bniedem minn tifel isir raġel mingħajr ma jgħaddi miż-żmien taż-żgħożija. F'Malta dħalna fid-dinja post moderna mingħajr qabel ma konna moderni. Il-parti l-kbira tal-ħtija hija ta' dawk li ma ridux jagħrfu l-isfida tal-mument. Baqgħu jaħsbu b'mod konfessjonali u antik, b'mod li l-intrasiġenza tagħhom għamlet ħsara kbira fuq livell anke inter- personali bejn iċ-ċittadini. Din l-intransiġenza ilha teżisti sa minn wara l-aħħar Gwerra. Jiena m'għandi ebda dubju li xi żmien jew ieħor il-livell tal-ilma soċjali jsib il-kejl tiegħu. Iżda sakemm jasal dak il-mument se ngħaddu minn mumenti diffiċli u dan il-mument se jkun twil. Għad fadal wisq nies, li għalkemm kibru fil-persuna għadhom ma jistgħux jaċċettaw li ħarġu mil-libsa. TONI ABELA Il-libsa

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 13 July 2014