Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/361049
Il-Ħadd 10 ta' Awwissu 2014 | illum 23 ma' Daniel Muscat DANIEL MUSCAT - żagħżugħ ta' 23 sena, minn Ħal Balzan. Iqis lilu nnifsu bħala persuna attiva l-komunità ta' dan ir-raħal, għaliex jemmen li s-sens ta' familja u s-sens ta' komunità -irħula tagħna hija aspett sabiħ immens tal-kultura Maltija. Bniedem determinat u meta jdaħħal xi ħaġa f 'moħħu, jaħdem bla waq en sabiex dik il-ħolma jagħmilha realtà. FREDERICK AT TARD fattard@mediatoday.com.mt Meta twelidt u taħt liema stilla? Jiena twelidt fis-7 ta' Lulju 1991 taħt l-istilla Kankru. Liema kienu l-isbaħ mumenti ta' tfulitek? L-isbaħ mumenti ta' tfuliti qattajthom ġewwa l-għalqa tal-familja fis-Siġġiewi, kuljum konna naraw x'se nivvintaw. Daqqa nibnu dar ġo siġra, daqqa naħdmu xi karru b'pallet tal-injam, daqqa nagħmlu dgħajsa għal ġol-ġiebja. Insomma kull meta kont immur, avventura ġdida! Kont tifel kwiet jew imqarqaċ? Kont tifel kwiet u bilgħaqal, imma skont ma tgħid ommi, kont inparla u nistaqsi ħafna. Kif bdejt il-karriera tal- kant? Bdejt il-karriera tal-kant minn ġewwa ċ-ċentru taż- żgħażagħ ta' Ħal Balzan meta bdejt inkanta ġo band waqt il-quddies. Minn hemm ġewni opportunitajiet biex nieħu sehem f 'kompetizzjonijiet, u dejjem bdejt nagħmel kuntatti ġodda u bdiet titwitta t-triq li wasalt fiha llum il-ġurnata. Lejn xiex qed taspira bħala kantant? Bħala kantant naspira li t-talent tiegħi jkun apprezzat, u li b'dak li nagħmel inkun qiegħed inferraħ lin-nies. Iżjed ma jkunu jafu bija nies, iżjed hemm ċans li dan jirnexxieli nagħmlu. X'tikkummenta fuq Conchita Wurst? Ngħid il-verità, fil-bidu ma stajtx nifhem x'kien il- kunċett, iżda fl-aħħar mill- aħħar fhimt li l-messaġġ kien sabiex kulħadd iħossu komdu bih innifsu u li ma hemm bżonn tinbidel għal ħadd. Nemmen li d-dehra ta' persuna ma tiddeterminax il-kapaċitajiet u l-kwalitajiet tal-individwu. Imma int ukoll perit hux hekk? Hekk hu. Għadni kif spiċċajt il-kors tal-Università u jekk Alla jrid inkun nista' nibda nipprattika din il-professjoni sabiex inkun nista' nġib il-warrant. Nittama f 'din il-professjoni nkun ta' ġid għall-ambjent mibni ta' Malta. Kumment bħala perit fuq id-daħla tal-Belt . . . Jiena nemmen li kull ġenerazzjoni għandha tħalli l-marka tagħha fl-Istorja. Il-proġett tad-daħla tal- Belt huwa l-marka tagħna fl-Istorja. Min jaħseb li l-Belt Valletta hija biss Belt Barokka sejjer żbaljat. Il-Belt hija li hi llum wara żvilupp li seħħ minn żmien il-Kavallieri saż-żmien tal- lum. Meta Belt tieqaf tevolvi, jfisser li din tkun saret biss mużew u ma jkun fadlilha ħajja ta' xejn. Int żagħżugħ b'ħajja mħawra sew meta wieħed iqis li int ukoll President tal-Każin tal-Banda ta' Ħal Balzan . . . Ftit huwa l-ħin li fih ma nsibx x'nagħmel. Inħobb ninvolvi ruħi fil-ħajja soċjali u kulturali tar-raħal tiegħi. Nemmen li l-każini huma dawk l-entitajiet li fl-irħula tagħna jżommu s-sens ta' komunità ħajja. Mhux biss permezz tal-festa, iżda permezz tal-attivitajiet li jiġu organizzati matul is- sena kollha. Inħoss li din il-kariga għallmitni ħafna sabiex inkun iżjed matur u iżjed responsabbli. Kif tlaħħaq ma' dawn l-impenji kollha? "Where there is a will, there is a way" Nemmen li jekk tqassam il-ħin sew, kapaċi tlaħħaq ma' kollox. Kollox għandu l-ħin tiegħu, u importanti li tkun taf tagħti prijorità lill-aktar affarijiet importanti f 'ħajtek. Jien il-prijorità ta' ħajti hi li nkun għixt sal-massimu, u għalhekk nagħmel li nista' biex inżomm ruħi attiv. Hemm xi delizzji wkoll? Apparti l-kant, jiena wkoll inpinġi, għalkemm nammetti li ma tantx għadni nsib ħin biex nipprattika dan id-delizzju. F'dawn l-aħħar snin bdejt ukoll naħdem l-armar għall-festa ta' Ħal Balzan bħal pavaljuni u rħamar. Xi tfisser għalik li tkun kuntent fil-ħajja? Jien nemmen li biex tkun kuntent fil-ħajja trid taprezza dak kollu li għandek, u tifraħ bl-affarijiet l-aktar sempliċi. Iktar ma tfittex biex takkwista, u iktar ma tkun moħħok biex tilħaq dak li m'għandekx, nemmen li diffiċli sabiex tkun kuntent fil-ħajja. Iddeskrivi d-dinja li ngħixu fiha f 'sentenza waħda . . . Sfortunatament nibża' li llum qed ngħixu f 'dinja materjalista u egoista, li qed inwasslu biex neqirdu lilna nfusna. Ħames Minuti