Illum previous editions

illum 10 August 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/361049

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

18 illum | Il-Ħadd 10 ta' Awwissu 2014 Q egħdin ngħixu żminijiet strambi ħafna. Żminijiet fejn kulħadd jipprova jagħsar lil kulħadd. Meta ngħid kulħadd infisser kulħadd. Anke fil-kamp industrijali qiegħed jiġri dan, b'mod speċjali fejn jeżisti l-prekarju. Fejn hemm ħaddiema li mhumiex kuntenti fuq ix-xogħol għaliex mhux jieħdu dak li talinqas tagħtihom il-liġi, ix-xogħol u l-produzzjoni qatt ma jsiru sewwa. Il-proposti li ħarġet bihom l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA) ġabu magħhom reazzjonijiet qawwija minn unjins tal-ħaddiema u għaqdiet oħrajn. Fil-fehma tiegħi dawn il-proposti mhux biss ma naqbilx magħhom iżda lanqas biss messhom saru mill-bidu nett. Qiegħed ngħid dan għaliex din l-assoċjazzjoni issa se tibqa' mċappsa bihom anke jekk ma jkunux implimentati. Kelma barra minn fommok, ilsir tagħha int. Qabel xejn ngħid bil-quddiem, li allaħares ikunu implimentati fil- liġijiet industrijali. Qiegħed ngħid hekk mhux biss għaliex fil-fehma tiegħi huma għal kollox irraġonevoli, iżda għaliex lanqas jaqbel lil min iħaddem. Ma tagħmilx sens li tgħid li persuna ma titħallasx għaliex ħadet xemxata għax messha evitat il- qawwa tax-xemx. Jew li jekk l-għada tal-festa tqum ma tiflaħx, għaliex tassew tkun ħadet grokk żejjed ma tħallashiex. Pajjiżna huwa wieħed xemxi x-xhur kollha u l-istaġun tal-festi ilu jkun magħna għal mijiet tas- snin. Huwa fil-kors ta' kull ħajja ta' bniedem li hemm sitwazzjonijiet li nġibuhom b'idejna okkażjonalment. Il-proposti li għamlet l-MEA jitfgħuna lura għaż-żmien l-era tar- Reġina Vittorja meta min iħaddem kien hu li jistabilixxi x'inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fil- fehma tiegħi l-MEA għamlet aktar ħsara milli ġid lil min tirrappreżenta jiġifieri lil min iħaddem. Li kieku kellhom jintlaqgħu l-proposti tal-MEA, inkluża dik li tirreferi għal vaganzi pubbliċi u leave tal-maternità, min iħaddem ikun qiegħed jara sa mnieħru. Ma jaqbilx lil min iħaddem li jkollu ħaddiema li ma jkunux kuntenti fuq il-bank tax-xogħol. Billi jipprova jagħsar kemm jiflaħ mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema biex jiffranka ma jkunx qiegħed jagħmel xejn ħlief jispara għal siequ. Kulħadd jaf li fejn il-ħaddiema huma rrispettati l-produzzjoni hija aktar effettiva. Nista' nobsor kemm taħdem din it-teorija fejn għandek ħaddiema bil- paga minima! Jekk imbagħad irridu nitkellmu fuq min għandu jħallas xiex, nagħmlu tajjeb li nitkellmu wkoll fuq il- kumpens li jkun ħaqqu min iweġġa' fuq ix-xogħol. L-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem qed tipproponi sistema rapida li biha dak li jkun titnaqqaslu l-paga jekk jieħu xemxata. Iżda meta ħaddiem iweġġa' fuq ix-xogħol jew imut, se jkun hemm sistema rapida biex isir il-ħlas. Hemm min ilu s-snin ikarkar il- Qorti biex jieħu dak li ħaqqu anke jekk ikun ċar li jekk weġġa' jew miet ma kienx tort tiegħu. L-eredi tal-vittmi tal-Um El Faroud snin damu jistennew biex ħadu xi xorta ta' kumpens. Bl-istess mod rapidu li min iħaddem irid jitqanqaċ fil-paga, għandu jkun hemm mezz rapidu li jsir il-ħlas lil min jaħdem meta jkun ħaqqu kumpens. Min-naħa l-oħra min jaħdem irid jifhem li ma jistax jabbuża mill- impjieg tiegħu. Fejn jidħol "sick leave" għandhom ikunu responsabbli dawk li joħorġu ċ-ċertifikati. Min taparsi jkun ma jiflaħx, għaliex pereżempju jkun wasal l-istaġun tal-kaċċa jew għaliex b'kaptriċċ m'għandux aptit imur għax-xogħol, għandhom iwieġbu għal għemilhom. Il-liġi diġà tipprovdi għal dawn is-sitwazzjonijiet, iżda naħseb li għandha tkun aktar effettiva. Bħalma min iħaddem m'għandux jagħsar lil min jaħdem, bil-kuntrarju, min jaħdem irid jagħti l-ġimgħa kollha tax-xogħol tiegħu. Iżda nagħmel osservazzjoni waħda. Li jinkwetani mhux wisq li saru dawn il-proposti iżda li l-MEA ma ddejqitx tagħmilhom. Dawn ix-xorta ta' proposti żgur ma kinux isiru fi żmien meta mpjieg kien impjieg. F'dawn l-aħħar għaxar snin daħlu prattiċi tax-xogħol, ġieli anke bil- barka tal-Gvern, li neħħew u naqqru ħafna mid-drittijiet tal-ħaddiema. Dawn il-proposti bħal donnhom huma parti minn din l-attitudni neoliberali fejn min jaħdem qiegħed ikun ikkunsidrat li huwa biss biċċa għodda f 'id l-ekonomija. Kieku wieħed kellu jistaqsini liema għandha tkun l-aktar proposta importanti fil-liġijiet industrijali, jiena nwieġeb il-ftehim kollettiv. Jiena nemmen li meta jkun hemm unjin partikolari rikonoxxuta, dan ir-rikonoxximent għandu jibqa' hekk għal medda kollha tal-ftehim li ħafna drabi jkun ta' tliet snin. Li qiegħed jiġri hu li kull meta l-maġġoranza tinqaleb bi ftit jew tiċċaqqam ikun hemm l-inkwiet bejn l-unjins. Dan ikun inkwiet inutli u bla bżonn għax iġib miegħu instabbiltà u nuqqas ta' serenità industrijali bejn il-ħaddiema u anke fit-tmexxija. Dan huwa fattur li jrid ikun indirizzat mill-aktar fis possibbli, mhux biss fl- interess tal-ħaddiema iżda wkoll ta' min iħaddem. Mill-proposti kollha li għamlet il-MEA proposta bħal din ma jidhirlix li rajtha. TONI ABELA Żminijiet Vittorjani Kulħadd jaf li fejn il-ħaddiema huma rispettati l-produzzjoni hija aktar effettiva

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 10 August 2014