Illum previous editions

illum 10 August 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/361049

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

Il-Ħadd 10 ta' Awwissu 2014 | illum 19 Ż ewġt iĦdud ilu kien imissni nkun l-avukat tal-għajnuna legali tal- għassa. Fid-9am bumm ċempilli spettur mit- Taqsima tal-Immigrazzjoni biex jgħidli li fil-11.30am kien se jippreżenta tliet Vjetnamiżi taħt arrest. Immaġinajt li kienu persuni li daħlu Malta illegalment imma meta wasalt il- Qorti sibt sitwazzjoni kompletament differenti. Sirt naf li dawn it-tliet Vjetnamiżi kienu impjegati minn fabbrika Ċiniża li taħdem Ħal Far fil- qasam tat-tessuti li kienu jaħdmu tnax- il siegħa kuljum, sitt ijiem fil-ġimgħa. Minkejja li kellhom jieħdu elfejn ewro f 'pagi, ippruvaw jaħarbu lejn l-Italja imma nqabdu b'dokumenti foloz xħin kienu se jaqbdu l-katamaran. Ir-raġuni li ppruvaw jużaw dokumenti foloz kienet sempliċi: min kien iħaddimhom kien żammilhom il-passaport u prattikament kien qed iżommhom ostaġġi. Il-Pulizija ressqu lil dawn il-povri talin u verament ammirajt lill- Maġistrata li minkejja li għandha l-fama li hija severa (u fil-fatt spiss hekk hi), irrifjutat li tibgħat lil dawn il-Vjetnamiżi l-ħabs u qalet li ma tħobbx issawwat aktar lill-ħmar il-magħkus. Tagħthom sentenza ta' ħabs sospiża. Madankollu, minkejja dan, xorta nżammu taħt arrest peress li l-liġi tal-immigrazzjoni tagħti poter lill-Kummissarju tal-Pulizija li jiddeporta lil kull min jinstab ħati ta' reat li jaqbeż piena ta' sentejn ħabs, anke jekk fil-fatt ma jintbagħatx il-ħabs għal tali perjodu. Għaldaqstant, dawn il-povri Vjetnamiżi, li magħhom kien ferm diffiċli tikkommunika għaliex anke l-interpreta ftit li xejn kienet titkellem Ingliż, kienu se jinżammu mill-Pulizija sakemm il-Pulizija jirkuprawlhom il-passaporti, u forsi l-pagi mhux imħallsa, u jibgħatuhom lura l-Vjetnam. Skont il-Pulizija, huma stess esprimew ix-xewqa li jmorru lura l-Vjetnam meta ġew interrogati. Ma nafx kemm dan hu minnu imma ftit li xejn kellhom għażla. Mill-banda l-oħra, mhuwiex magħruf x'passi ħadu l-awtoritajiet kontra s-sidien u d-diretturi ta' dik il-fabbrika Ċiniża ta' Ħal Far. Ma niskantax li fil-fatt, il-Pulizija kienu kuntenti li ġabru l-passaporti ta' dawn it-talin u forsi l-"pagi" li kienu għadhom dovuti u ħallew kollox kif inhu. Din il-ġimgħa smajna wkoll dwar dik l-Indoneżjana li ħadet €6 fil-ġimgħa u li min kien iħaddimha kien ibellagħlha l-magħref tal-melħ sabiex tkun taf kif ittiegħem l-ikel li kienet issajjar lil missieru. Ħadilha anke l-passaport biex ma jkollhiex fejn tmur. Ġie akkużat bi traffikar ta' bnedmin imma niddubita kemm tali akkuża tista' tiġi sostnuta f 'awla kriminali. Ikun aktar f 'postu li min ma josservax il-kundizzjonijiet minimi ta' mpjieg jaffaċċja pieni aktar ħorox. F'oqsma oħra, niltaqgħu mal-istess problema ta' liġijiet li ma jindirizzawx id-dinamiċi attwali tas-suq tax-xogħol. Qed isiru aktar u aktar spiss il- każijiet fejn min iħaddem jikkonfiska l-passaport tal-ħaddiem barrani sabiex iżommu kkakmat miegħu. Dan l-aħħar il-GWU ipproponiet soluzzjoni għal din il-problema u talbet li l-permess tal-impjieg lill-barranin jingħata direttament lill-barranin u mhux lil min iħaddem. Hemm ħafna xi tgħid fuq din il-proposta u forsi anke wasal iż-żmien li titneħħa l-ħtieġa għall- permessi tal-impjieg f 'ċerti kategoriji ta' xogħol li l-Maltin ma jridux jaħdmu aktar. Imma li huwa żgur hu li min iżomm dokument uffiċjali bħal passaport kontra r-rieda tad-detentur tiegħu għandu jaffaċċja l-mużika anke fl-awla kriminali. Nerġa' lura għall-każ tal-Vjetnamiżi. Ma nimmaġinax li din l-fabbrika Ċiniża ilha topera b'dawn il- kundizzjonijiet għal snin sħaħ bla l-beneplaċitu, taċitu jew le, tal- awtoritajiet. Altrimenti kif wieħed jispjega dawn il-Vjetnamiżi ngħataw permess tal-impjieg u anke viża ta' Schengen sabiex iwettqu xogħol li żgur mhuwiex speċjalizzat. Possibbli li l-awtoritajiet qatt ma semgħu b'dawn il-kundizzjonijiet ta' xogħol xejn diċenti jew inkella għażlu li jagħlqu għajnejhom it-tnejn peress li l-ħaddiema involuti mhumiex Maltin? Ikolli ngħid li esperjenza oħra riċenti ħallietni ferm diżappuntat bl-operat tad-Dipartiment tax-Xogħol jew kif inhu magħruf illum id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. Kelli klijenta li kienet impjegata ma' lukanda l-Qawra. Din is-sinjura Bulgara ta' mezz'età kienet uffiċjalment impjegata bħala "part- timer" u suppost ma kinitx taħdem aktar minn għoxrin siegħa fil-ġimgħa. Madankollu kienet taħdem medja ta' tmien sigħat kuljum, sitt ijiem fil- ġimgħa, u ġieli anke sebat ijiem infila. Minkejja dan, din il-lukanda li tiftaħar li hija waħda mill-akbar fil-gzira kienet tħallasha rata fissa ta' €4.08 fis-siegħa. Qatt ma ħallsitha "overtime" jew "sick leave" u ma kinitx tingħata "leave" jew xi wieħed mill-bonuses statutorji u "allowances" oħra. L-anqas ingħatat iż-żieda tal-għoli tal-ħajja matul is- sentejn li kienet impjegata ma' din il-lukanda. Meta telqet l-impjieg u marret taħdem ma' kumpanija tat- tindif fejn ħassitha trattata aħjar minkejja l-allegazzjonijiet kollha dwar kundizzjonijiet "prekarji" li allegatament jiġu prattikati f 'dawn il-kumpaniji, fittxet lil-lukanda fit- Tribunal għal Talbiet Żgħar. Ma riditx tieħu passi kriminali u għalhekk għażlet triq li kienet tiswielha lanqas minkejja li ma setgħetx tieħu aktar minn €3,500 f 'kumpens. Eventwalment, it-Tribunal qatagħha li din is-sinjura Bulgara ġiet misruqa mil-lukanda €9,160 fuq perjodu ta' sentejn imma ma kinitx se tieħu aktar minn €3,500. Il-mistoqsija li nixtieq insaqsi f 'dan l-istadju hija simili għal dik li diġà staqsejt. Possibli ħadd mid-dipartiment tax-xogħol jew sejjaħlu li trid ma kien jaf b'dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol f 'dawn il-lukandi li huma l-pedament tal-industrija tat-turiżmu li tikkontribwixxi tant għall-ġid f 'dan il- pajjiż? Meta mort f 'dan id-dipartiment sabiex ningħata tagħrif dwar il- kundizzjonijiet ta' mpjieg fil-lukandi, ħassejt li ma kontx qed ningħata informazzjoni preċiża u kelli naqdef jien fil-pataflun ta' leġislazzjoni sabiex nirrikostruwixxi l-ammont li kien dovut lil din is-sinjura Bulgara. Proċess li ħadli ħafna u ħafna ħin bħalma ħadli l-proċess sabiex naħdem l-ammont ta' "overtime" dovut mill-informazzjoni dwar il-ħinijiet li ħadmet is-sinjura. Madankollu, kienet sfida li aċċettajt bil- qalb tant ħassejt li twettqet inġustizzja ma' din is-sinjura u tant kemm din il- lukanda adottat atteġjament prepotenti waqt il-kawża. Il-professjoni tiegħi xi kultant tagħtini s-sodisfazzjon li nirrimedja għal xi inġustizzja, anke jekk il-proċess invarjabbilment jirrikjedi ħafna ħin u paċenzja. Qed ngħid dan kollu fl-isfond tal- kontroversja li qamet din il-ġimgħa dwar il-proposti tal-Għaqda ta' Min Iħaddem li min jipprovoka l-mard tiegħu stess billi pereżempju, jisker jew jieħu xi xemxata, m'għandux ikun intitolat għall-ħlas tas-"sick leave". M'hemmx dubju li f 'dan il-qasam, jeżistu abbużi kbar u bosta huma dawk l-impjegati, speċjalment fis-settur pubbliku, li jikkunsidraw dan is-"sick leave" bħala estensjoni tal-"vacation leave" tagħhom. Bħalma huma ferm kundannabbli l-prattiċi ta' sfruttament li semmejt qabel, anke l-abbużi da parti tal-impjegati, speċjalment dawk fis-setturi l-aktar protetti bħal dak pubbliku, huma deplorevoli. Niddubita kemm il-proposta tal-Għaqda ta' Min Iħaddem hija prattikabbli. Naħseb soluzzjoni aħjar tkun li l-ewwel tliet ijiem ta' mard ma jibqgħux jitħallsu esklussivament minn min iħaddem imma minn min jaħdem jibda jikkontribwixxi wkoll. Bħalma l-kunċett ta' "excess" jintuża mill- assiguraturi privati sabiex jiskoraġixxu l-abbużi, l-istess għandu jiġi pprattikat fil-qasam tal-assigurazzjoni pubblika. Illum ftit għadna nisimgħu dwar ġustizzja soċjali. Imma ċertament is-soċjetà ma tistax tinjora l-boxxla morali tagħha għax tispiċċa f 'deżert spiritwali li qed iħossu soċjetajiet oħra. Huwa r-rwol tal-Istat li jiġġieled l-abbużi, jiġu mnejn jiġu. Mhux biss l-abbużi ta' min iħaddem imma anke tal-ħaddiema li ma jagħtux il-ġurnata tax-xogħol jew agħar minn hekk, ta' dawk li jabbużaw mis-servizzi soċjali. Sfortunatament, ix-xibka ta' servizzi soċjali toħloq kultura ta' dipendenza għal bosta li jippreferu ma jaħdmux, jew tal-anqas mhux uffiċjalment, ħalli jieħdu l-għajnuna governattiva. Barra r-"relief ", il-benefiċċjarji spiss jibbenefikaw ukoll minn għajnuniet oħra bħalma hi dik għall-ommijiet "singoli" li spiss m'huma "singoli" xejn jew għal min jissepara imma biss sabiex jieħu l-għajnuna tal-Gvern. Tali abbużi, isiru minn min isiru, iwettqu inġustizzja għas-soċjetà inġenerali u barra minn hekk, jikkompromettu l-kompetittività ta' pajjiżna. Il-klassi politika ma tistax tagħlaq għajnejha jew forsi anke tinkoraġixxi tali abbużi sabiex tikkonsolida l-popularità tagħha. Dan l-aħħar il-Kamra tal-Kummerċ ippubblikat dokument li fih osservat li rridu noqogħdu attenti li ma nitilfux il-vantaġġ kompetittiv li għandna fir-rigward ta' dawk il-pajjiżi tal- ewrożona li għaddejjin mill-proċess magħruf bħala "żvalutazzjoni interna". Osservazzjoni f 'waqtha li din l-kolonna għamlet fil-passat. Madankollu, il-kompetittività ma tistax tissejjes fuq inġustizzji minn min iħaddem. Mill-banda l-oħra, l-inġustizzji ta' min jaħdem jew ta' min forsi ma jridx jaħdem joħolqu piż fuq is-settur pubbliku u anke dak privat li jikkomprometti tali kompetittività. L-unjins huma fid-dmir li ma jiddefendux l-interessi ta' min irid jabbuża imma kollox ma' kollox, ir-rwol tal-gvern f 'dan ir-rigward huwa ċar: kemm qiegħed jaqdih b'mod efffikaċi? Segwini fuq Twitter @ellisjoseph biex tiġi aġġornat b'bosta artikli minn sorsi differenti dwar dak li jkun qed jiġri fid-dinja. JOE ELLIS Bejn abbuż u ieħor Ħaddiema qed jiġu abbużati iżda llum ftit għadna nisimgħu dwar ġustizzja soċjali

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 10 August 2014