Illum previous editions

illum 10 August 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/361049

Contents of this Issue

Navigation

Page 2 of 35

Il-Ħadd 10 ta' Awwissu 2014 | illum 3 Ir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta Applikazzjonijiet biex binjiet eżistenti jinbidlu f 'lukandi boutique FREDERICK ATTARD fattard@mediatoday.com.mt KMIENI din il-ġimgħa, waqt il-programm Reporter fuq TVM ippreżentat minn Saviour Balzan, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ħabbar li preżentament hemm numru ta' applikazzjonijiet biex binjiet eżistenti fil-Belt Valletta jinbidlu f 'lukandi żgħar ta' kwalità, magħrufa aħjar fis-settur turistiku bħala Boutique Hotels. Dawn il-lukandi, li diġà jeżistu ħafna bħalhom f 'diversi bliet Ewropej, jattiraw niċeċ partikolari ta' turisti li jkunu interessati fl-istorja u l-kultura tal-pajjiż aktar milli l-baħar u x-xemx li joffri pajjiżna. Ġeneralment, dan it-tip ta' turiżmu hu popolari matul is-sena kollha u għalhekk jikkumplimenta sew mal- objettiv tal-awtorità Maltija tat-Turiżmu, dik li jiżdiedu t-turisti f 'pajjiżna fix-xhur li normalment huma meqjusa bħala staġun kwiet. ILLUM tkellmet aktar fid- dettall mal-Ministru Zammit Lewis, fejn staqsejnieh kif jara dan l-iżvilupp fil-Belt Valletta. "Malta, għal dawn l-aħħar snin, qed tesperjenza tkabbir fis-settur tal-lukandi boutique fi ħdan l-industrija tal-ospitalità u li dan l-istess tkabbir huwa fenomenu globali. Din in-niċċa qed tattira interess kbir f 'pajjiżna, li b'kunċett ta' wirt kulturali, bla dubju huwa wieħed mill-aktar popolari u ta' suċċess" qal Zammit Lewis. Hu semma kif qed naraw li s-settur turistiku qed jieħu xejra differenti u li l-vjaġġaturi jridu jesperjenzaw il-kultura tal-lokalità u xi affarijiet uniċi tal-pajjiż. Dan iwassal li l-viżitaturi qed jiġu attirati għall-propjetajiet iżgħar fuq l-istess stil tal-lukandi boutique. "Riċentament rajna żieda fl-interess minn investituri li jfittxu li jixtru proprjetà fil-Belt Valletta u lokalitajiet oħra biex jikkonvertuha f 'akkomodazzjoni turistika jew aħjar f 'boutique hotels. Din hija xejra b'konformità mal- Politika tat-Turiżmu tal-Gvern, li tattira lejn il-gżejjer tagħna niċeċ ta' turisti differenti. F'dan ir-rigward Malta għandha lok li żżid it-turisti fis-shoulder months, ix-xhur batuti fit-turiżmu. Id-dħul finanzjajru minn dan is-settur huwa kruċjali u r-ristrutturar ta' dawn il-propjetajiet fil- Belt Valletta jkomplu jtejbu l-kwalità tal-prodott turistiku tagħna" qal il-Ministru. Tkellem ukoll dwar il-fatt li l-Belt Valletta se tkun il-kapitali Ewropea tal-kultura fl-2018 u li dan huwa ta' inċentiv sabiex inkomplu nagħtu l-ħajja lill-belt kapitali ta' Malta li għandha wirt storiku kbir. Spjega li r-ristrutturar u t-tisbiħ ta' propjetà fil-Belt f 'boutique hotels huma parti minn katina sħiħa ta' proġetti ta' riġenerazzjoni. "Ta' min jinnota li ż-żieda fl-infiq u l-investiment li qed isir mill-Gvern fil-belt kapitali u inizjattivi bħal V18 qed iwasslu biex din il-lokalità tkun iktar attraenti u mfittxija mhux biss mill-Maltin iżda wkoll mit-turisti li jżuru lil xtutna. Dan l-iżvilupp ċertament li se jgħin biex ikollna firxa ġeografika aħjar tat-turiżmu tagħna li minnu jibbenefika ekonomikament kulħadd. Apparti minn hekk, dan se jwassal biex il-Belt Valletta ssir bħal bliet importanti oħra Ewropej destinazzjoni għal city breaks li tattira turiżmu ta' kwalità u tkun belt b'potenzjal kulturali kbir" temm jgħid Zammit Lewis. Tkellimna wkoll mad- Deputat Nazzjonalista u kelliem għat-turiżmu Robert Arrigo fejn qal li l-fenomenu ta' boutique hotels fil-Belt Valletta huwa żvilupp pożittiv. "Hemm numru t'applikazzjonijiet diġà u dan ifisser investiment kbir għall-belt tagħna" qal Arrigo. Qal ukoll li dan l-iżvilupp ifisser li bosta postijiet li, uħud minnhom ilhom mitluqin, jerġgħu jieħdu r-ruħ u minflok żdingar se jkollna faċċata u propjetà miżmuma sew f 'belt li minnha nfisha hi belt storika u li t-turisti dejjem jaffaxxinaw ruħhom biha. "Se npoġġu fuq is-suq turistiku prodott aħjar u uniku. B'hekk se nkunu f 'qagħda ferm aħjar biex nattiraw klijenti ta' kwalità u li jonfqu iżjed. Dan kollu jista' jixpruna lill-gvern sabiex jagħti mbuttatura tajba fuq il-prodott Malti" saħaq Arrigo. Hu insista li l-prodott tal- madwar, irid jilħaq il-kwalità li se jkun hemm ġo dawn it-tip ta' lukandi. "Il-Belt Valletta hija unika u b'għaqal u ħsieb nistgħu nkomplu ntejbu kemm il-prodott Valletta u kemm il-prodott Malta" temm jgħid Robert Arrigo. Kamra tas-sodda f 'residenza lussuża għat-turisti fil-Belt Valletta Għafsa fuq l-ekonomija u tnaqqis fl-esportazzjoni WARA li fl-aħħar jiem, statistika uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kkonfermat tnaqqis fil-bejgħ min- negozji f 'pajjiżna, frott ukoll l-għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin, din il-ġimgħa, il-Gvern permezz tal-NSO, ikkonferma wkoll tnaqqis sostanzjali fl-importazzjoni u l-esportazzjoni fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2014. Dan qaluh fi stqarrija konġunta d-Deputati Nazzjonalisti Mario de Marco Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar, Tonio Fenech Kelliem għall-Finanzi u Kristy Debono Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittività. Il-kelliema qalu li t-tnaqqis fl-importazzjoni jkompli jikkonferma l-inċertezza ekonomika f 'pajjiżna, u li qed tirriżulta f 'konsum domestiku batut. Dan minkejja li fl-2013 l-importazzjoni kienet diġà naqset sostanzjalment meta mqabbla mas-sena ta' qabel. Żiedu jgħidu li fl-istess ħin, it-tnaqqis ta' aktar minn 10% fl-esportazzjoni jkompli jikkonferma l-isfidi kbar li hemm fil-qasam tal-industrija, speċjalment il-manifattura, u l-intrapriżi li jiddependu mill- esportazzjoni. Spjegaw li dan kollu jħalli impatt fuq il-prospetti ta' mpjiegi u l-kundizzjonijiet tal- ħaddiema, fosthom l-overtime u allowances għax-xiftijiet. Għaldaqstant, dan it-tnaqqis, ikompli jxellef il-pagi tal- ħaddiema u allura l-infiq tal-familji Maltin u Għawdxin. Qalu wkoll li dan qed ipoġġi wkoll pressjoni fuq is-suq tax-xogħol, problemi li fl- aħħar sena l-Gvern irnexxielu jgħatti biss billi daħħal aktar minn 2,000 persuna jaħdmu miegħu bi spiża dejjem tikber għal dak li jħallas it-taxxa. Din hija soluzzjoni li Gvernijiet Laburisti pruvaw iħaddmu, mingħajr suċċess, kemm-il darba fil-passat. Huma kkonkludew l-istqarrija billi qalu li l-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex minnufih jidentifika kif se jagħti l-appoġġ meħtieġ lis-setturi f 'diffikultà, biex b'hekk jassisti s-sostenibbiltà ta' dawn l-intrapriżi fuq medda itwal ta' żmien filwaqt li jrattab ir-riperkussjonijiet li dawn id-diffikultajiet qed ikollhom fuq il-pagi u l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 10 August 2014