Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/380560
4 illum | Il-Ħadd 14 ta' Settembru 2014 ILMINISTRU għall- Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar li, kif sar is-sena li għaddiet, l-allowance tat- tfal se terġa' tingħata qabel jiftħu l-iskejjel, u dan se jibqa' jsir ukoll fis-snin li ġejjin. Huwa qal li bħalissa għandna 'l fuq minn 43,000 familja jirċievu din l-allowance li allura jfisser li qed igawdu minnha madwar 68,110 tifel u tifla. In-nefqa annwali f 'Children's Allowance bħalissa tlaħħaq madwar €43.5 miljun. "L-iskop ta' dan il-Gvern huwa li jkompli jaħdem biex isib metodi aħjar ta' kif nistgħu ntejbu l-Allowance tat-Tfal biex b'hekk dawk l-aktar fil-bżonn jintlaqtu aħjar" qal Farrugia. Huwa qal ukoll li kien għalhekk li l-Gvern ħabbar li, minbarra l-Allowance tat-Tfal se jibda jagħti wkoll Supplimentari għat-Tfal, fejn l-ewwel żewġ ulied jirċievu €400 kull wieħed kull sena, waqt li għal kull wild ieħor joħroġ ħlas ta' €200 fis-sena. Huwa stmat li n-nefqa totali fuq is- supplimentari tat-tfal tista' titla' sa €9 miljuni. "Bi ftehim mal-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jiġi stabbilit li dan il-ħlas jitħallas fuq dawk l-ulied li jkunu attendew mhux inqas minn 95% tal-ġranet tal-iskola u fejn il-familja ma jkollhiex dħul ta' aktar minn €11,000 fis-sena" qal Farrugia. Żied jgħid li ma' dan qed jintrabat ukoll il-fattur li t-tfal ikunu qed jingħataw il-kura meħtieġa b'mod speċjali t-tilqim, kif suppost u fil-ħin. Il-Ministru spjega li l-intenzjoni tal-Gvern hija l-ħarsien tat-tfal u l-futur tagħhom. "Fejn qabel it- tfal setgħu jfallu tlitt ijiem skola fix-xahar mingħajr ma jagħmlu ċertifikat mediku, issa dan se jispiċċa, għaliex b'dik is-sistema tifel jew tifla setgħu jfallu madwar 27 ġurnata skola. Dawn il- benefiċċji u miżuri qed isiru ħalli nevitaw milli naraw familji u tfal jaqgħu fir- riskju tal-faqar." Farrugia kompla jgħid li fl-aħħar tliet snin tal- amministrazzjoni preċedenti r-rata ta' persuni fir-riskju tal-faqar telgħet minn 20.3% għal 23.1%, waqt li l-ammont ta' persuni fir- riskju ta' faqar tela' minn 82,000 għal 94,000 jew żieda ta' 4,000 persuna fis-sena. "Bin-numru kbir ta' miżuri li ttieħdu minn dan il-Gvern, fosthom ir-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma, childcare b'xejn, ħlas ta' stipendji anke lil dawk li jirrepetu għall-ewwel darba u għadd ta' miżuri oħrajn, se jibdew joħorġu mir-riskju tal-faqar għadd ta' familji oħrajn." Il-Ministru Farrugia temm jgħid li l-aħħar statistika tal-NSO turi li f 'ċerti setturi diġà kien hemm titjib. "Fost dawn, mill-2012 għall- 2013 insibu li l-ġenituri waħedhom niżlu minn 48% għal 41%, l-anzjani romol minn 18% niżlu għal 16%, kif ukoll il-pensjonanti li minn 17% niżlu għal 15%. Iżda l-aktar ħaġa li turi kemm familji qed joħorġu mir-riskju tal-faqar huwa dak tad-dħul medju għal kull membru tal-familja Maltija li tela' b'5.6% jew kważi €650 fis-sena, imqabbel mat-tliet snin ta' qabel, meta ż-żieda kienet biss ta' €315." Intant din il-gazzetta tkellmet ukoll mad-deputat Nazzjonalista u kelliem għall-Familja u Qasam Soċjali Clyde Puli li meta mistoqsi jekk jaqbilx ma' dan il-ħlas li għat-tieni sena qed jinħareġ qabel jiftħu l-iskejjel qal li l-ħlas tal-pagament taċ-children's allowance ftit qabel il- bidu tal-iskola minflok ftit wara hija miżura żgħira iżda pożittiva. Żied jgħid li ħafna familji ftit li xejn tagħmlilhom differenza madankollu hemm familji bi dħul baxx li tgħinhom li jirċievu dan il-pagament ftit qabel. Mistoqsi dwar l-irbit tal- għajnuna supplimentari mal-attendenza tat-tfal fl-iskejjel, Puli qal li jidher li ċ-ċifri negattivi dwar iż-żieda tal-faqar f 'Malta ppubblikati ftit tal-ġranet ilu ġiegħlu lill-Gvern jgħaġġel u jħabbar skema nofsha nejja. "Kemm il-unjin tal-għalliema u anke ġenituri esprimew it- tħassib tagħhom dwar kif se jitħaddem dan il-benefiċċju soċjali. Aktar minn hekk il-Ministru tal-Edukazzjoni donnu qed imeri dak li qed jgħid il-Ministru Farrugia. Min-naħa l-oħra l-Ministru Farrugia ma żammx mal-wegħda li għamlet il-Ministru ta' qablu ftit tax- xhur ilu u l-benefiċċju mhux se jkompli jingħata sħiħ wara t-tieni wild" sostna Puli. Mitlub jikkummenta dwar il-fatt li skont il-Ministru Farrugia l-familji fir-riskju tal-faqar naqas hekk kif id-dħul medju tagħhom żdied b'5.6%, Puli qal li din mhux falza stikka iżda sempliċiment propoganda qarrieqa. "Il-Ministru qed jipprova jieħu l-mertu taż- żidiet fil-pagi tal-2012 meta hu la kien Ministru u lanqas kien fil-Gvern. Il-Labour Force Survey juri biċ-ċar li fl-ewwel sena ta' gvern Laburista l-paga medja għoliet biss b'€96 meta fil- ħames snin ta' qabel żdiedet b'medja ta' €500 fis-sena. Fl-istess waqt qed jipprova jitfa' t-tort taż-żieda fil-faqar fuq ta' qablu meta fl-2013 kien hemm Partit Laburista fil-Gvern. L-għafsa fuq il-pagi qed tinħass tant li Malta kienet l-aktar pajjiż fl- Ewropa fejn naqas il-bejgħ mill-ħwienet." Il-kelliem Nazzjonalista saħaq li skont l-aħħar stħarriġ qed jirriżulta li fl-ewwel sena ta' Gvern Laburista, f 'Malta hawn 99,000 persuna f 'faqar, f 'riskju ta' faqar jew f 'esklużjoni soċjali. "Dan ifisser żieda ta' madwar 6,000 ruħ fuq is-sena ta' qabel. L-istħarriġ xjentifiku ppubblikat juri li dawk severament imċaħħda, fl- 2013 żdiedu bil-qawwi wkoll hekk kif 6,283 persuna aktar mis-sena ta' qabel ma kinux jaffordjaw li jżommu d-dar f 'temperatura sura u 8,081 aktar ma kinux jaffordjaw li jieklu ikla sustanzjuża ta' lanqas darba kull jumejn." Puli temm jgħid li sfortunatament il-Ministru Farrugia qiegħed ikompli jgħaddas rasu fir-ramel u b'hekk jiċħad ir-realtà li qed iħoss min hu materjalment imċaħħad. "L-istrument li jkejjel il-faqar li qed jintuża llum huwa l-istess kejl li ilu jintuża mill-UE għall- aħħar snin u li r-riżultati tiegħu ilhom jiġu mtambra mill-Partit Laburista sa minn dakinhar. Iċ-ċifri ppubblikati jagħtu lok għal tħassib serju. Il-faqar minkejja l-wegħdi elettorali żdied u mhux naqas. Nerġa' ntenni d-dispożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jaħdem mal-Gvern biex tittaffa din il-pjaga li tnawwar id-dinjità umana." In-nefqa annwali f 'Children's Allowance bħalissa tlaħħaq madwar €43.5 miljun Children's Allowance qabel Frederick Attard fattard@mediatoday.com.mt

