Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/380560
6 illum | Il-Ħadd 14 ta' Settembru 2014 Dimech poeta: mill-ħabs għall-eżilju GĦADNA kif fakkarna l-100 sena mill-eżilju ta' Manwel Dimech li miet fl-1921 f 'Lixandra l-Eġittu. Jessica Micallef, tfajla ta' 22 sena li ġabret il-poeżiji ta' Manwel Dimech ispirat ruħha li tippubblika dan il-ktieb waqt li kienet qed taħdem fuq it-teżi tal-Baċċellerat tagħha wara li qrat il-ktieb Ivan u Praskovja u kitbiet oħra. Jessica intebhet li Manwel Dimech mhux sempliċiment bniedem politiku fiċ-ċentru tal-kontroversja kif hu magħruf ma' ħafna u b'hekk ħadmet qatigħ sabiex illum għandna l-ewwel ġabra ta' poeżiji ta' persuna Maltija li ġiet eżiljata fil-passat. Micallef irnexxielha tiġbor 'il fuq minn 100 poeżija minn għadd ta' sorsi u manuskritti differenti u żammet dejjem mal-verżjoni oriġinali ta' Dimech. "Dimech għallimni biex qatt ma ninsa minn fejn ġejt. Kemm ħadmu għal pajjiżna missirijietna u għal-lingwa tagħna. Naħseb li minkejja li għaddew 100 sena mill-eżilju tiegħu u mill-ġlieda tiegħu biex ikollna soċjetà ġusta għal kulħadd, l-argumenti u l-fehmiet tiegħu għadhom relevanti għall-ġurnata tal- lum" qalet Jessica f 'intervista esklussiva mal-ġurnal ILLUM. Jessica tgħid li kienet iltaqgħet ma' Fr. Mark Montebello u dan kien esprima x-xewqa li dawn il-poeżiji jiġu ppubblikati. Minn dakinhar, bdiet il-ħidma kontinwa ta' Fr. Mark sabiex din il-pubblikazzjoni sseħħ. Il-ktieb fih ġabra sħiħa tal-poeżiji ta' Dimech u huma maqsumin f 'seba' taqsimiet: il-poeżiji ta' sentiment liriku, poeżiji ta' sentiment uman, poeżiji ta' sentiment didattiku, poeżiji ta' sentiment reliġjuż, poeżiji ta' sentiment soċjali, poeżiji ta' sentiment politiku u poeżiji ta' sentiment nazzjonali. Il-ktieb jinkludi wkoll analiżi kritika tal-poeżiji bl-isem "Manwel Dimech: l-Għannej tal-Poplu mjassar" miktuba minn Jessica Micallef stess u anke kitbiet minn Adrian Grima u Oliver Friggieri. Il-ktieb għandu erba' lingwi, il-Malti, it-Taljan, l-Ingliż u l-Franċiż. Manwel Dimech kien ukoll jaqbeż għad-drittijiet tan-nisa, kien wieħed mill-ewwel nies hawn Malta li poġġa lin-nisa fis-soċjetà. Ma baqax iħares lejn il-mara bħala sempliċiment mara tad-dar. Kienu dawn il-ħsibijiet li wassluh sabiex safa skumnikat mill-Knisja. Il-fatt li qabeż għad-drittijiet tan-nisa iktar minn 100 sena ilu juri kemm Dimech kellu ideat progressivi. "Li kieku ma kinux għal nies bħalu li ħadmu għalihom, illum jien bħala mara ma kienx ikolli l-opportunitajiet li għandi llum" saħqet Jessica. "Il-fehmiet tiegħi dwar il-femminiżmu huma sempliċi, il-mara għandha jkollha l-istess opportunitajiet li għandu raġel, imma bl-ebda mod mhu qed ngħid li mara għandha tingħata xi preferenza sempliċiment għax hija mara." Jessica tkellmet mal-ILLUM fuq is-sodisfazzjon tagħha wara r-rispons li rċeviet wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb. Tammetti li kellha rispons ikbar milli stenniet. Mistoqsija jekk taħsibx li hawn suq għal dawn it-tip ta' kotba f 'Malta, Jessica tgħid li iva hawn post iżda "naħseb li s-soċjetà b'mod ġenerali hija nieqsa mill-qari." It-tnedija tal-ktieb saret fil-5 ta' Settembru fejn Jessica ddeskriviet l-okkażjoni bħala "huwa minnu li meta taħdem għal xi ħaġa tieħu l-frott tal- ħidma." F'din l-okkażjoni kienet preżenti wkoll il-President ta' Malta Marie Louise Coleiro Preca u saret ukoll ċerimonja bid-dgħajjes fejn sar tfigħ ta' fjuri fil-baħar. Malta tibqa' f 'klassifikazzjoni A LAĠENZIJA ta' Kreditu Internazzjonali Fitch, reġgħet ikkonfermat ir- rating A għall-pajjiżna filwaqt li saħqet li l-aspett ekonomiku ta' pajjiżna huwa wieħed stabbli. "Dan kollu huwa frott ħidma li qed iwettaq Gvern Laburista. Gvern li qed jikseb ir- rizultati sabiex pajjiżna qed jimxi 'l quddiem" qal il- Partit Laburista fi stqarrija. Il-PL żied jgħid li mill- kummenti ta' Fitch joħroġ ċar, kif pajjiżna llum m'għadux pajjiż li joqgħod iħares lejn ta' warajh biex jara x'qed jagħmlu, iżda qed ikun huwa minn tal- ewwel u pijunier. "Dan kollu qed ikun rifless f 'riżultati fosthom dak li t-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżna qed jiżboq it-tkabbir tal-pajjiżi l-oħra fiż-żona Ewro. Fil-fatt fl-ewwel sitt xhur tas-sena t-tkabbir ekonomiku reali kien dak ta' 3.5%, filwaqt li l-istess Aġenzija ta' Kreditu qed tbassar li t-tkabbir ekonomiku ta' pajjiżna se jibqa' jkun wieħed fuq iż-żona Ewro." Kjarifika mill-Ministeru għall- Intern dwar il-fire engines WARA r-rapport li deher fil-ħarġa tal-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li għadda rigward it-tliet fire engines li nġiebu mill-Ingilterra, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali bagħat din il- kjarifika li qed nippubblikaw. It-tliet fire engines li nġiebu mill-Ingilterra huma f 'kundizzjoni tajba u jistgħu jintużaw kif fil-fatt beda jsir. Waħda diġà qed tintuża. L-aħħar li ntużat kien waqt il-IUSY Festival. It-tnejn l-oħra jeħtiġilhom ukoll jiġu attrezzati aħjar b'apparat meħtieġ (oltre dak li huma attrezzati bih) liema apparat qed jittieħed minn vetturi oħra li m'għadhomx jintużaw imma li l-apparat tagħhom hu f 'kundizzjoni tajba skont standards uffiċjali. B'hekk dawn il-vetturi jkunu iktar attrezzati għall-ħtiġijiet lokali. Dan ix-xogħol huwa mistenni jitlesta fi ftit taż-żmien ieħor. Il-vetturi u inġenji tad-DPC jgħaddu mill-VRT test bħal kull vettura oħra. Il-vetturi tad-DPC huma kollha ċertifikati skont proċeduri uffiċjali. Il-Gvern preżenti wiret DPC mitluq għal kollox bi flotta ta' inġenji li ma kinux f 'kundizzjoni li jagħtu s-servizz mistenni minn Dipartiment speċjalizzat bħal mhu d-DPC bil-maġġorparti tal-inġenji kienu ilhom ma jinbidlu għal 25 sena sħaħ. Kien għalhekk li Gvern ġdid imbarka fuq programm ta' tiġdid sabiex jattrezza aħjar lil dan id-dipartiment bi rwol daqstant importanti għas- soċjetà Maltija. Fl-ewwel każ il-Gvern ta l-appoġġ meħtieġ sabiex vetturi mitluqa jinġiebu fi stat aħjar ta' użu. Aktar minn hekk il-Gvern preżenti beda programm ta' tiġdid u daħal għar-responsabbiltà li fost affarijiet oħra jinxtraw ħdax-il vettura ġodda għad-DPC (erbgħa din is-sena u sebgħa oħra s-sena d-dieħla. Iktar tard hemm programm sabiex fis- snin li ġejjin tinbidel il-flotta kollha preżenti. B'dan il-pass id-DPC ikun f 'pożizzjoni aħjar biex jaqdi s-servizzi tiegħu lejn is-soċjetà Maltija. Ta' min jinnota li fil-preżent il-Ministeru responsabbli qiegħed jevalwa l-kundizzjoni tal-vetturi kollha li wiret mill-Gvern ta' qabel bil-ħsieb li jkun f 'pożizzjoni jippjana Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li verament ikun fi stat li jaqdi d-dmirijiet tiegħu lejn is- soċjetà b'mod aktar effiċjenti. Manwel Dimech, kien riformatur soċjali f 'Malta li kienet għadha mhux indipendenti, filosfu, ġurnalist kif ukoll kittieb. Imwieled u mrobbi f 'faqar u illiteriżmu estrem, Dimech daħal il-ħabs għadd ta' drabi l-iktar fuq serq. Ta' sbatax-il sena kkommetta qtil u spiċċa l-ħabs. Wara li nħeles beda jaħdem għal Malta aħjar fejn beda jgħallem u jippubblika xogħlijietu. Huwa kellu l-għan li jagħmel bidla totali fis-soċjetà fejn il-fqar u l-imwarrbin jiksbu posthom f 'soċjetà ħielsa. Dan wassal sabiex daħal f 'kontroversji mal-partiti politiċi, il-klassijiet privileġġjati kif ukoll mal-Knisja. Dawn il-kontroversji wassluh sabiex fil-5 ta' Settembru tal- 1914 spiċċa eżiljat minn Malta fejn qatt ma reġa' ġie lura. L-ikbar weġgħa hija li sal-lum il-ġurnata għadna ma nafux fejn jinsab midfun, minħabba li l-qabar tiegħu fl-Eġittu qatt ma ġie mmarkat. Jessica Micallef, l-awtriċi tal-antoloġija flimkien mal-President ta' Malta dakinhar tat-tnedija tal-ktieb "Il-ħsibijiet ta' Manwel Dimech għadhom relevanti għall-ħajja tal-lum" – Jessica Micallef

