Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/530460
16 illum | Il-Ħadd 21 ta' Ġunju 2015 N aħseb li mill- kontroversji kollha li kien hawn dawn l-aħħar sentejn dwar deċiżjonijiet li ħa dan il-Gvern, l-aktar tnejn li kellhom effett fuq l-opinjoni pubblika huma l-binja tal-Università fiż-Żonqor, u dik li issa saret magħrufa bħala ta' Gaffarena. Hemm spjegazzjoni għalfejn qiegħed jiġri dan kollu. Kull darba li l-Partit Nazzjonalista prova jiggranfa ma' xi ħaġa biex isib l-appoġġ tan-nies f 'xi kwistjoni, qatt ma qabad art. Jekk kien l-investiment b'ċittadinanza n-nies kienu mal-Gvern. Kienu jafu li dan kien programm, kif dalwaqt kulħadd ikun jaf, li ser iġib lejn Malta l-aqwa fost l-aqwa ta' nies li hawn fid-dinja. In-nies lemħu fil- kritika infantili tal-Oppożizzjoni, għodda biex ifixklu investimenti kbar lejn pajjiżna. Issa mhux biss m'għandhomx jikkritikaw dan il- programm, talli wħud minn fosthom qegħdin isiru sinjuri bis-saħħa tiegħu. Jekk kien il-programm tal-enerġija, għal darb'oħra n-nies ma mhumiex magħhom. Illum n-nies qegħdin jaraw f 'dan il-programm is- salvazzjoni ta' dak li jistgħu jwarrbu u jġemmgħu. Għalkemm għadhom sa issa għaddejjin bl-attakki dwar garanziji u xiri ta' żejt bl-irħis, fuq dan is-suġġett ma jistgħux jirfdu, għaliex dak li raw in-nies f 'dan il- qasam qatt ma setgħu jarawh kieku baqa' hemm Gvern Nazzjonalista. Iżda fil-każ tal-Università fiż- Żonqor, taqbel jew ma taqbilx magħha u dik ta' Gaffarena, l-opinjoni hija daqsxejn differenti. Dak li sar, sar b'mod pubbliku u mhux bil-moħbi. Iżda fin-nofs hemm żewġ argumenti li bħal donnhom jolqtu il-qalba tal-psike ta' kif jaħsbu n-nies. Fl-ewwel waħda hemm il-kwistjoni tal-ambjent, li tidher li aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed tikber il-kuxjenza ambjentali. F'dik ta' Gaffarena hemm oħrajn li fiha raw l-possibbilità li jitħallsu wara snin twal jistennew biex jieħdu dak li jistħoqqilhom meta kellhom propjetà li kienet ġiet esproprjata, b'uħud wara l-gwerra. Kultant kull deni ħudu b'ġid. Kultant dawn ix-xorta ta' kontroversji jaċċentwaw il-ħtieġa ta' bidliet fi prattiċi li sa ftit żmien ilu kont taħseb li ma stajt tagħmel xejn dwarhom. Sa ftit ilu li tibni f 'ODZ qisu ma kien xejn. Inbnew supermarkets kbar f 'artijiet ODZ u ħadd ma kien jgħid xejn. Sa ftit ilu li taqta' qalbek li xi darba ser titħallas ta' propjetà mingħand il-Gvern, propjetà li kienu ħaduha lil nannuk, kienet xi ħaġa komuni. Iżda issa b'din ta' Gaffarena l-affarijiet iridu jinbidlu. Iżda l-aktar ħaġa li ddejjaqni hija l-lobgħa li jiena insejħilha tas-sikrana, li jilagħbu tant tajjeb il-politiċi Nazzjonalisti. Kulħadd nesa li fil-bidu li tħabbar il-proġett tal-Università taż-Żonqor, il-Partit Nazzjonalista kien ħareġ favur. Antiċipa bil-kuntrarju ta' dak li ħaseb ser tkun ir-reazzjoni tan- nies. Ħaseb li l-opinjoni pubblika, kontra ta' dak li tassew iridu n-nies, ser tkun favur. Meta lemaħ li ħafna għaqdiet ambjentali ma jaqblux mal-proġett kif propost, biddlu malajr il-kulur. Jiena konvint li ħafna minn dawk li qed jipprotestaw għandhom skopjiet ġenwini u li tassew għandhom għal qalbhom l-ambjent. Fi ftit kliem nemmen tassew li huma il-qamħ. Iżda ma nemmen assolutament xejn li l-mexxejja Nazzjonalisti nbiddlu, u ma nistax nagħmel bħal James Debono u nagħtihom il-benefiċċju tad-dubbju. Il-benefiċċju tad-dubbju ma jistax jingħata lil min digà kellu joqgħod għall-verdett.Ma nistax nagħti l-benefiċċju tad-dubbju lil min metaforikament, fejn jidħol il-qasam tal-ambjent, huwa aktar minn reċediv. Jekk min hu ġenwin huwa il-qamħa, ħafna mill-mexxejja Nazzjonalisti huma s-sikrana. Isibuha komdi jitħalltu mal-ġenwini biex jinħbew taħt il-lewn qamħi tal- onestà. Dan ħareġ anke mill-mod kif ġab ruħu Simon Busuttil. Meta Marlene Farrugia talbitu jagħti garanzija li jekk ikun Prim Ministru ma jħallix aktar żvillupp f 'artijiet ODZ, waqt li kien qiegħed jitkellem qalb il-ħitan tas-sejjiegħ ,li hemm fiż-Żonqor, ma smajtux jagħti din il-garanzija. Lanqas ma taha meta talabhilu Michael Briguglio. Ħadd minn dawk li talabhilu ma staqsih għaliex qiegħed joqgħod lura milli jagħtiha. Jiena nagħtihom garanzija ċerta....li din il-garanzija ċertament mhux ser jagħtiha. Laqatni mument partikolari waqt il-protesta taż–Żonqor meta Simon Busuttil, biex jipprova jaħsel lil dawk ta' qabel u li hu kien qribhom, għamel ammissjoni. Qal li anke l-Partit Nazzjonalista għamel żbalji fil-qasam ambjentali. Apparti li ma kienx hemm bżonn din il-konferma, xtaqtu jsemmi każijiet speċifiċi fejn żbaljaw. Bqajt skantat kif ħadd mill-istampa ma qabad kif suppost din id-dikjarazzjoni u staqsih biex issemmi x'kienu dawn l-iżbalji. Is-soltu l-ħabib tiegħi James ma jaħrablu xejn minn dan kollu, iżda jista' jkun li f 'dak il-ħin kien qiegħed jagħtih il-benefiċċju tad-dubbju. Storja antika din tas-sikrana. Meta fis-sittinijiet il-Knisja riedet tkisser lill-partiti l-kbar, fosthom anke lill-PN, bil-ħolqien tal-partiti iż-żgħar, Gorg Borg Olivier intebaħ b'dan il-pjan. Għamel dak li dejjem għamel il-Partit Nazzjonalista - fejn qabillu staħba qalb in-nies, bħas- sikrana mar għad-dell tal-qamħa. Kontra kull xewqa tal-Knisja rikeb fuq il-karru tagħha u kulħadd ħaseb li Gonzi ried lil Gorg, meta l-pjan ma kienx dak. Il-makakkerija tas- sikrana! Dan huwa l-istess mudell li qed naraw illum. Flok kwistjoni tal- Knisja għandna dik tal-ambjent. Waħdu l-Partit Nazzjonalista ma jistax jiġġieled favur l-ambjent, għaliex m'għandux la l-kredenzjali, u lanqas il-kredibilità. Fil-fatt fil-programm Xarabank, Marlene Farrugia tfiet għal kollox lil Marthese Portelli, li l-aktar ħaġa tajba li għamlet kienet li qagħdet lura. Biex ikunu effettivi jridu jinħbew qalb l-onesti, bħalma s-sikrana tinħeba f 'għalqa qamħ! Is-sikrana TONI ABELA Il-benefiċċju tad- dubbju ma jistax jingħata lil min diġà kellu joqgħod għall- verdett Is-sit propost għall-proġett taż-Żonqor