Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/530460
Il-Ħadd 21 ta' Ġunju 2015 | illum 17 I lu li spiċċa 562 sena imma ma jfissirx li l-influwenza kulturali tiegħu m'għadhiex tinħass. Għal elf u mitejn sena kien jokkupa territorju vast li fl-aqwa tiegħu fis-sitt seklu taħt il-kbir imperatur Ġustinjanu kien jinkludi l-Italja, ħafna mill-Afrika tat-Tramuntana, il-Balkani, l-Asja Minuri u anke Malta. Il-kapitali tiegħu, Kostantipoli saret l-aqwa belt fid-dinja elf sena ilu u kienet iċ-ċentru ta' kummerċ kbir. Biż-żmien, beda jmajna u wara li r-Raba' Kruċjata dawret ir-rotta u flok attakkat l-Eġittu, okkupat Kostantinopli, l-Imperu Biżantin qatt ma rpilja bis-sħiħ. Fl-1453, l-Ottomani rebħu Kostantinopoli wara assedju ta' xahrejn u ppretendew li saru s-suċċessuri taċ-Ċesri ta' Ruma (Kayser-i-Rum), L-Imperu Ottoman spiċċa fl-1922 meta s-sultanat ġie abolit u l-aħħar sultan salpa fuq destroyer ingliż ironikament lejn Malta. Forsi l-aktar li niftakru dan l-imperu huwa fl-espressjoni "politika biżantina". Ix-xena politika tal-imperu biżantin kienet karaterizzata b'ħafna intriċċi, gambetti, daqqiet ta' stalletti u kolpi ta' stati spiss, ferm aktar milli kien il-każ fl-Ewropa tal-Punent. Għaldaqstant, din l-espressjoni "politika biżantina" illum għadha tfisser sitwazzjoni politika fejn ikun hemm ħafna intriċċi, alleanzi li jinbidlu ħabta u sabta u nuqqas ta' trasparenza. L-influwenza kulturali tal-Imperu Biżantin għadha l-aktar tinħass f 'żewġ pajjiżi li għal sekli twal kienu jiffurmaw il-pern ta' dan l-imperu, jiġifieri t-Turkija u l-Greċja tal-lum. Il-Greċja ħadet l-indipendenza mill- Imperu Ottoman fl-1821. Żewġ pajjiżi li huma ħdejn xulxin u li spiss qasmu d-destin tagħhom flimkien, żewġ pajjiżi li mitt sena ilu t-tnejn li huma kienu jospitaw minoranza etnika sostanzjali. Wara t-twaqqif tar-Repubblika Turka, dawn il-minoranzi naqsu sew għaliex iż-żewġ pajjiżi qablu fl-1923 sabiex literalment ipartu l-minoranzi tagħhom u jipprattikaw tindif etniku. Irħula sħaħ Griegi fit-Turkija ġew svujtati u għadhom hekk sal-lum u ħafna Torok telqu mill-Greċja. It-tpartit etniku kien ibbażat fuq ir-reliġjon u m'hux fuq il-lingwa: torok ortodossi marru lejn il- Greċja u viċi versa. Dan l-aħħar f 'mawra t-Turkija ltqajt ma' wieħed li l-ġenituri tiegħu kienu jgħixu Kreta u bejniethom kienu jitkellmu bil-Grieg. Ħabib anzjan tiegħi, li twieled Kostantinopli għax missieru kien uffiċjal fl-armata Ingliża ta' okkupazzjoni spiss jirrakkontali kif il-Maltin ta' Smirna (illum Iżmir) kellhom jaħarbu fuq destroyer Ingliż b'ta' fuqhom senduqhom wara li Ataturk keċċa l-armata Griega li kienet okkupat Smirna fl-1919 wara l-kollass tal-imperu Ottoman. Mitt sena ilu Smirna kienet fil-maġġorparti Nisranija b'ħafna Griegi, Armeni u nies mill-Punent, inkluż Maltin imma llum il-presenza Nisranija hija kważi ineżistenti minkejja li Iżmir hija ferm anqas islamista minn Istanbul. Iż-żewġ pajjiżi li jaqsmu ħafna affarijiet fir-rigward ta' ikel, xorb u kultura llum huma fl-aħbarijiet għal raġunijiet ferm differenti. Hemm ukoll differenzi sostanzjali bejniethom: il-Ġreċja għandha populazzjoni ta' 11-il miljun mentri dik Torka hija ta' 77 miljun u dejjem qiegħda tikber sew. Il-Prodott Gross Domestiku Grieg hu ogħla minn dak Tork ($ 27,000 ras'imb ras kontra € 20,000) imma l-ekonomija Griega ċkienet b'25% minn mindu l-Greċja kellha titlob bailout f 'Mejju 2010 mentri t-Turkija f 'dawn l-aħħar snin, spiss kellha tkabbir ekonomiku li kien jiżboq 9% f 'sena. Il-Greċja, kif ilkoll nafu, hija membru tal-U.E. u anke tal-ewrożona. Madankollu, meta wieħed jara l-mod kif il-gvern attwali grieg immexxi mill-partit tax-xellug Syriza qed imexxi n-negozjati dwar l-estensjoni tal-pakkett t'għajnuna finanzjarja li jiskadi fl-aħħar ta' dan ix-xahar, wieħed bil-fors jistaqsi kemm kien għaqli li l-Greċja tifforma parti mill- UE u adottat l-Ewro. Illum ilkoll nafu li biex adottat l-Ewro, il-Greċja rrikorriet għal użu ta' strumenti finanzjarji sofistikati sabiex id-dejn pubbliku Grieg jinħeba li ġew ikkonfezzjonati mill-Bank t'Investiment Amerikan Goldman Sachs (ironikament fejn kien jaħdem Mario Draghi). Illum nafu ukoll li għal snin kbar il-Griegi kienu qed ibagħbsu l-istatistika tagħhom sabiex jagħtu stampa xejn veritiera tal-qagħda ekonomika tagħhom. Meta kont ktibt l-aħħar fuq il-Greċja fil-25 ta' Jannar li għadda, jiena kont awspikajt li t-troika li kienu qed imexxu n-negozjati mal-Greċja, l-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-pajjiżi kredituri tal-Greċja, jadottaw linja aktar flessibli fir-rigward tad-dejn pubbliku grieg. Madankollu, f 'dawn l-aħħar xhur, il- gvern ta' Alexis Tsipras sparpalja ħafna mis-simpatija li kien igawdi bil-mod kif ikkomporta ruħu. Illum, ħafna huma dawk li huma rassenjati li ser iseħħ il- Grexit, il-ħruġ tal-Greċja mill-Ewrożona u possibilment, anke mill-UE. L-ironija hi li l-poplu Grieg ma jridx li jsir hekk. Imma l-pożizzjoni li adotta Tsipras qiegħda żżid il-possibilità li jiġri hekk. Jekk fis-summit straordinarju tal-mexxejja Ewropej li ssejjaħ b'urġenza nhar it-Tnejn jispiċċa mingħajr ma tinstab soluzzjoni, id-default tal-Greċja tkun kwistjoni ta' ftit jiem biss. Sa l-aħħar tax-xahar, il-Greċja trid tħallas €1.6 biljun lill-FMI wara li għaqdet flimkien erba' ħlasijiet li għandhom isiru dan ix- xahar. Jekk dan il-ħlas ma jsirx, il-Greċja ssir l-ewwel pajjiż żviluppat li ma jonorax self lill-FMI. Nhar l-Erbgħa li għadda, Tsipras għamel diskors provokattiv fil-Parlament Grieg fejn akkuża lill-FMI b'atteġjament kriminali minħabba li kien qed jinsisti fuq aktar awsterità. Issa meta wieħed irid mingħand xi ħadd, lanqas li wieħed għandu jagħmel hu li jgħajru. Imma Tsipras dan donnu ma jafux għax anke jekk kien qed jilgħab għall-udjenza domestika, messu kien aktar pakat fid-diskors tiegħu, speċjalment, meta ftit jiem qabel, id-delegazzjoni tal-FMI abbandunat it-taħdidiet mal-Greċja. Ironikament, l-FMI hija pjuttost favorevoli għal tnaqqis ulterjuri tad-dejn pubbliku Grieg. L-għada, waqt il-laqgħa tal-Ewrogrupp tal-Ministri tal-Finanzi, il-kap tal- FMI, Christine Lagarde, mid-dehra introduċiet ruħha ma' Tsipras bħala "l-kap tal-kriminali." Lagarde ddikjarat pubblikament mingħajr ma qagħdet tomogħda dwar il-ħtieġa ta' "djalogu bejn adulti fil-kamra." F'din il-klima qed isiru n-negozjati bejn il-Greċja u l-kredituri tagħha. Verament il-Greċja għandha tagħti € 320 biljun li huma ekwivalenti għal 180% tal-PGD. Il-gvern Grieg, u speċjalment, il-Ministru tal-Finanzi, Yannis Varoufakis, jargumenta li dan il-piż ma jista' jitħallas qatt u jeħtieġ haircut wara dik ta' sentejn ilu li naqqas drastikament is-self tal-banek. Madankollu, is-self li għandha l-Greċja huwa pjuttost sostenibbli għax għal snin twal mhux ser jaqbeż aktar minn 3% tal-PGD Varoufakis m'għadhux jieħu sehem prominenti fin-negozjati wara li kisirha mal-kollegi tiegħu. Huwa figura pjuttost buffa, akkademiku ta' livell indubju li jispeċjalizza fit-teorija tal-logħob u li mid-dehra, qiegħed jilgħab il-logħob tal- ażżard bid-destin tal-Greċja. Altrimenti wieħed qajla jista' jispjega kif nhar it-Tnejn li għadda, l-għada li l-laqgħa f 'Lussemburgu spiċċat wara tlett kwarti biss wara li l-Griegi ma ppreżentaw l-ebda pjan ġdid kif talbu l-pajjiżi l-oħra Ewropej, iddikjara li llum huwa jum kbir għal Greċja għax fl-aħħar is-sitwazzjoni bdiet tiċċara. Skond hu, dan ġara għax issa kulħadd beda jirrikonoxxi li l-Greċja ma tistax tħallas id-dejn tagħha. Dawn il-kummiedji m'għadhom jimpressjonaw lil ħadd. Diskors bħal dak li l-Ewropa ma tistax ma tgħinx aktar lil Greċja għax altrimenti l-Ewro jispiċċa u anke l-istess UE tkun fil-periklu mhux qed jagħmel ġid lill-kawża Griega. Imma l-mexxejja Griegi jidhru li huma insensittivi għall-opinjoni pubblika Ewropea li lesta tagħtihom għajnuna imma wara li jkunu aċċettaw li jwettqu r-riformi strutturali fl-ekonomija tagħhom li l-Greċja urġentement teħtieġ. Għax mhux sostenibbli li l-pensjonijiet jassorbu 16% tal-PGD grieg u li l-gvern jonfoq 10% tal-PGD fuq pensjonijiet meta l-medja Ewropea hija ta' 2%. U lanqas huwa aċċettabli li l-Griegi jippretendu għajnuna minn pajjiżi Ewropej li għandhom livell tal-ħajja inferjuri minn tagħhom jew kellhom jimplimentaw miżuri ta' awsterità ħorox li taw il-frott tagħhom bħal fil-każ tal- Portugall, l-Irlanda u l-Latvija. Il-ħasra hi li d-differenza bejn il- partijiet mhix kbira. Skont x'uħud, id-differenza hi ta' €5 biljun f 'tifdil addizjonali li l-gvern Grieg irid jagħmel imma anke l-ammont ta' € 2 biljun issemma. Il-gvern Grieg irid li dan it-tifdil ta' €2 biljun isir bil-bdil (hekk imsejjaħ "swap") ta' titli li jdumu aktar biex jimmaturaw u b'rata tal-imgħax iktar baxxa mentri l-Ewropej iridu miżuri fir-rigward tal-V.A.T. u tal- pensjonijiet. Il-ħasra hi ukoll li s-sena l-oħra l-ekonomija Griega kienet reġgħet bdiet tikber imma issa bl-inċertezza li ħoloq il-gvern ta' Syriza, l-ekonomija reġgħet marret lura. Il-gvern ta' Syriza, xħin tneħħielu l-paroli, wera l-istess istint klijentelari bħall-predeċessuri tiegħu li ġabu lil Greċja għarkuptejh. Naqas li jindirizza l-problema tal-ġbir tat-taxxi, speċjalment mill-oligarki, li wieħed kien jistenna li tingħata priorità fil-ħidma tiegħu. Ir-riżultat hu li l-Griegi qed dejjem jiġbru flushom mill-banek għax ma jafux jekk il-Greċja hux ser tibqa' fl-ewrożona. Din il-ġimgħa biss inġibdu € 4.2 biljun mill-banek u kieku mhux għad-drip li l-BĊE għadu jamministra billi jżid ftit ftit il-likwidità tal-banek griegi, kieku l-banek griegi għalqu u jkun hemm ħtieġa tal-kontrolli tal-kapital kif rajna ftit ilu Ċipru. Issa naraw min ser iċedi l-ġimgħa d-dieħla. L-Ewropa wriet paċenzja straordinarja mal-griegi imma dana ma jfissierx li din il-paċenzja m'għandhiex limitu. Jista' jkun li ma jintlaħaqx ftehim u l-Greċja timxi lejn falliment. Imma l-Ewropa għandha tradizzjoni ta' ftehim fix-xifer ta' l-irdum. Il-ġimgħa d-dieħla naraw. U nagħtu ħarsa lejn il-kumplament ta' Bisanzju, it-Turkija. L-elezzjoni ta' ħmistax ħoloq xenarju ġdid bil-partit iżlamista u pro-kummerċ, l-AKP ta' Recep Tayyip Erdogan li ilu jmexxi t-Turkija mill- 2002 ma rnexxielux jirbaħ maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament. Erdogan is-sajf li għadda laħaq President tat- Turkija u ried isaħħaħ il-poteri tal- president imma dawn il-pjanijiet issa ħadu daqqa ta' ħarta kbira. Erdogan ġie jaqa' u jqum mir-rwol kostituzzjonali tiegħu u kkampanja apertament u b'mod ferm aggressiv favur l-AKP. L-elettorat Tork wera maturità kbira u deherlu li t-tendenzi awtoritarji ta' Erdogan kellhom jiġu kkontrollati. Il- mistoqsija issa hi jekk hux ser titwaqqaf koalizzjoni bejn il-partiti b'maġġoranza fil-parlament jew jekk it-Turkija hiex ser ikollha tmur għall-elezzjoni ġdida. Għal pajjiż imdorri bil-kolpi ta' stat mill-armata, dan hu tassew xenarju ġdid. Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph Biżanzju Llum JOE ELLIS Il-PM Grieg Alexis Tsipras