Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/530460
10 illum | Il-Ħadd 21 ta' Ġunju 2015 CLARA twieldet fil-31 ta' Marzu 2000 fir-Rabat, u tattendi l-Iskola Sekondarja tar-Rabat fejn qegħda fir-raba' sena tas-sekondarja. Ta' 6 snin missierha kien daħħalha fil-grupp Gozo Spirit Combat li fil-bidu Clara ma kinitx taf xi tfisser ħlief li tmur tilgħab u tiġġieled. Iżda maż-żmien din it-tifla bdiet tieħu dan l-isport bis-serjetà, fejn illum hi l-unika Għawdxija li rnexxielha takkwista l-Black Belt, kif ukoll hi l-iżgħar tfajla minn Malta u Għawdex li għandha l-Black Belt. "Jiena kompettitiva ħafna u ma nafx nitlef. Kulma nagħmel irrid inkun l-aħjar. Meta nkun se naqta' qalbi, ngħid lili nnifsi 'ejja ftit oħra u tasal'" qaltlli Clara bi tbissima determinata. Kompliet tkellimni fuq l-ispirit combat li qaltli li din id-dixxiplina tgħinha ħafna f 'kollox. "Ninsa l-problemi u l-istress kollu li jġibulek l-eżamijiet - hu passatemp sabiħ u jżommni f 'saħħti. Din id-dixxiplina ma tgħallmekx tiġġieled iżda tiddefendi ruħek. Din id-dixxiplina tgħin biex nies fiżikament dgħajfa jistgħu jgħelbu lil dawk fiżikament aktar b'saħħithom permezz ta' teknika ta' kif taffaċjahom. Jien qatt ma ġġilidt barra l-kompetizzjoni, iżda din id-dixxiplina tatni kunfidenza kbira fil-ħajja u għenitni, jew aħjar qed tgħini biex nasal għal ħolm tiegħi. Dan għax l-ispirit combat għeni biex ma nistħi minn ħadd fuq il-palk u nemmen fija nnifsi f 'dak kollu li nagħmel. Iżda rrid ngħid grazzi wkoll lis-sensei tiegħi Mario Saliba li wassalni biex anke wasalt biex nieħu l-Black Belt f 'din id-dixxiplina." Clara titħarreġ fl-Ispirit Combat tliet sigħat fil-ġimgħa, iż-żfin sitt sigħat fil-ġimgħa man-Naupaca Dance Factory, pjanu madwar sagħtejn oħra, barra sigħat ta' istudju meta jaslu l-eżamijiet. "Inqassam il- ħin sew. Nibbilanċja kollox. Jien għandi l-ħajja ta' tfajla wkoll u noħroġ mal-ħbieb naraw xi film, inħobb immur niekol f 'xi restaurant u anke mmorru nimxu." Għalkemm waslet sal-ogħla grad fl-ispirit combat, din id- dixxiplina mhix il-waqfa finali tagħha għall-futur. "Il-palk hu l-imħabba tiegħi. Dik il- karriera li nixtieq li jkolli. Dak kollu li nagħmel bħala meta nippreżenta fuq xi palk, niżfen u nkanta, dejjem f 'moħħi li dan jista' jgħini li nasal biex nwettaq il-ħolma kbira li għandi. Irrid immur l-Ingilterra, nistudja t-teatru li jwassalni biex inkun attriċi professjonali fuq xi palk l-Ingilterra li hi n-niċċa tat- teatru." Clara hi tfajla li diġà jidher li laqtet l-għajn tal-organizzaturi fejn barra li ħadmet f 'xi musicals, intagħżlet biex taqra l-punti fil-Junior Eurovision li sar Malta għal San Marino u issa anke intagħżlet biex tkun tkun waħda mill-ġudikanti fil-Giffoni International Film Festival f 'Salerno, li hu festival ta' films internazzjonali taż- żgħażagħ u tfal. "Xħin inkun fuq il-palk ninsa kollox. Dak li tgħallimt fl-ispirit combat kollu nużah meta nkun fuq il-palk, jiġifieri dixxiplina, kontroll u kunfidenza fija nnifsi." Staqsejtha jekk hix qed taħdem fuq il-pronunzja tagħha bl-Ingliż jekk trid tirreċta bl-Ingliż, u hi qaltli li taħdem ħafna fuqha, fejn missierha li hu għalliem jgħinha sew fiha. Tlabtha tgħidli kif iħarsu lejha l-ġenituri tagħha li hi tixtieq tgħix barra minn Għawdex. "Kultant inħoss li jaqtgħuli qalbi. Il-papaà jgħidli biex inkun realistika u ma ngħaġġilx. Jgħidli biex l-ewwel nimxi fl-iskola għax dik tgħini biex nasal għal karriera li nixtieq. Naf li qed jgħidli għal ġid iżda jien iffissata biex immur nitħarreġ u nistudja l-Ingilterra - tant li jekk wieħed jara s-siti li żort fuq l-internet, ħlief awdizzjonijiet għal reċti fl- Ingilterra ma ssiblix. Ma rridx li nibqa' Malta għax ma ttinix sodisfazzjon biżżejjed. Ma rridx naħdem xogħol ieħor full-time u naħdem ta' attriċi part-time. Irrid karriera fir-reċtar u mhux 'prosit' biss." Mistoqsija jekk taħsibx li f 'Malta tistax ssib fejn tagħmel l-ewwel pass qabel tagħmel il-qabża għal fuq il-kontinent, Clara qalet li kultant taħseb li ssib xi oppportunità f 'Malta, "għax f 'Għawdex aħna ż-żgħażagħ m'hawnx opportunitajiet għalina. Per eżempju żort l-iskola San Anton u ndunajt kemm dawn joffru opportunitajiet lill- istudenti żgħażagħ anke fl-arti, żfin u reċtar. Iżda hu diffiċli wisq għalija li mmur Malta regolari." Il-fatt hu li Clara hi tfajla li f 'dak kollu li tieħu sehem tinsab minn ta' quddiem, dixxiplina Spirit Combat, żfin man- Naupaca, musicals, reċtar, pjanu u anke fl-iskola hi studenta li dejjem tiġi minn ta' quddiem. "Għandi problema sabiħa, iżda problema wkoll li mhux faċli li nagħżel waħda biss u nwaqqa' l-oħrajn. Għalkemm l-akbar prijorità tiegħi hu l-palk u żgur li biex nasal l-ewwel li nwaqqa' l-pjanu għax l-inqas li jagħtini sodisfazzjon. L-oħrajn flimkien iwassluni biex nilħaq l-għan ewlieni tiegħi karriera fuq il- palk." Sadanittant ġie missierha għaliha u semagħha tgħid tal-pjanu, u b'nofs tbissima qalli, "tajba din. Lanqas ħaqq il-flus li nfaqt biex għallimtha l-pjanu. Xtrajtilha grand piano jiswa €9,000. Iżda żgur li ma nwaqqafhiex milli tasal għall- ħolma tagħha. Ħlief li nipprova nwaqqafha milli tgħaġġel." Jien min-naħa tiegħi, nispera li Clara tasal għal ħolma tagħha u fid-debut tagħha fuq il-palk Ingliż tiftakar f 'din l-intervista u tistedinni. Clara - It-tfajla Għawdxija illum@mediatoday.com.mt John Busuttil L-unika tfajla Għawdxija li • għandha l-Black Belt -ispirit combat Tiżfen, tippreżenta, tkanta, • tirreċta, iddoqq il-pjanu u determinata li taħdem fuq il-palk tal-West End Clara bil-black belt mas-sensei tagħha Mario Saliba Waqt waħda mill-prestazzjonijiet