Illum previous editions

ILLUM 9 February 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1208898

Contents of this Issue

Navigation

Page 10 of 31

11 analiżi illum • IL-ĦADD 9 TA' FRAR 2020 di Musica tiegħu, magħrufa llum bħala l-Cappella Nani. Ftit żmien wara, Nani kien inkarigat bis- servizzi mużikali, l-ewwel fil-knisja tal-Karmelitani u aktar tard fil- Kolleġġjata ta' San Pawl Nawfragu, it-tnejn fil-Belt Valletta u li għalihom kiteb fost l-aqwa xogħlijiet tiegħu. L-istudji tiegħu, partikolarment dawk f 'Napli, waslu lil Nani biex tista' tgħid jiżviluppa stil ġdid fil- mużika sagra. Fil-fatt, Nani żewweġ il-mużika liturġika mal-opra u dan jidher ċar ħafna fix-xogħlijiet tiegħu, anke jekk dan fisser kontroversji. Apparti s-Santwarju Bażilika tal- Karmnu u l-Kolleġġjata Pawlina, fl-aqwa tiegħu, Nani kien Maestro di Cappella ta' ħafna knejjes oħra Maltin. L-importanza u l-kontroversji tas- Sancte Paole... Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' Alex Vella Gregory, mużiċist u kompożitur li insista dwar l-importanza tal-antifona Sancte Paole u kif din bidlet għalkollox il- mod kif inħarsu lejn l-antifoni. Kif spjegajna din ma kinitx l-ewwel antifona. Vella Gregory semma l-antifoni miktuba mill- familja Bugeja li kienu jieħdu ħsieb il-mużika fil-Knisja ta' San Duminku tal-Belt Valletta. Madanakollu, ikompli jispjega Vella Gregory, anke jekk sbieħ u importanti, dawn l-antifoni x'aktarx li huma aktar sobriji minn dawk ta' Nani, li influwenzat mill-għalliema tiegħu f 'Napli, żewweġ l-opra mal- mużika sagra. Bħal kollox f 'Malta, il-pika daħlet ukoll. Fil-fatt il-Cappella Nani kienet tikkompeti ma' dik ta' Bugeja u forsi għalhekk ukoll li Nani ried li joħloq xi ħaġa aktar b'saħħitha. Vella Gregory fakkarna li sena qabel inkitbet is-Sancte Paole ta' Nani, Bugeja wkoll kien kiteb waħda iżda dik ta' Nani malajr qalgħetha 'l barra. Fil-fatt, meta wieħed jisma' s-Sancte Paole, bażikament qiegħed jisma' biċċa opra. Jingħad li l-Arċisqof Gonzi, meta kienet tibda s-Sancte Paole, kien jgħid lil dawk li jkunu miegħu fuq l-artal: "Se tibda l-Carmen." Is-Sancte Paole, tibda bid-daqq tat-timpani, li bħal donnu jfakkar fil-maltempata li wasslet għan- nawfraġju u ħafna minnha hija strumentali (mingħajr kliem) u dan biex ma nsemmux l-użu qawwi tal- istrumenti tar-ramm li ma tantx kienu assoċjati mal-mużika sagra. Jekk illum din l-antifona hija meqjusa kapolavur ta' Nani, dak iż- żmien, il-fatt li kienet kważi opra, ma tantx niżlet tajjeb ma' kulħadd. Vella Gregory jispjega l-kontroversja li qamet dwarha għax mhux kulħadd aċċetta dan l-istil. Il-kontroversja ma mititx malajr, aktar u aktar meta l-Papa Piju X, fl-1903, kien ħareġ il-Motu Propio 'Tra le sollecitudini' bil-għan li tkun imrażżna l-influwenza tal-mużika operistika fuq il-mużika sagra. Is-Sancte Paole llum... Minkejja l-kontroversji u l-polemika, is-Sancte Paole mmarkat l-istorja tal-antifoni f 'Malta. Illum tibqa' waħda mill-aktar antifoni popolari u importanti fil-gżejjer Maltin. Tista' tgħid li s-Sancte Paole hija l-identità tal-festa ta' San Pawl, l-istess kif ġara b'antifoni oħra ta' Nani. Ma tistax timmaġina l-festa ta' San Pawl mingħajr is-Sancte Paole jew tal-Madonna tal-Karmnu mingħajr il-Flos Carmeli. Tant kemm hi parti importanti mill-festa, li ssib Pawlini li jmorrulek fl-aħħar mumenti tat-Tridu, jew tal- Għasar, sempliċiment biex jisimgħu n-noti tas-Sancte Paole. Iżda l-importanza tal-antifoni marret lil hinn min-Nani. Kif rajna, antifoni ta' kompożituri oħra wkoll saru parti integrali mill-festa. Mur għid lill-Bormliżi ma jdoqqux l-Hodie! X'inhuma l-kliem tas-Sancte Paole u xi jfissru bil-Malti? Anke jekk bil-Latin, ġeneralment dawk li jkunu l-aktar intiżi tal-festa, ikunu jafu l-kliem tal-antifona u erħilhom ikantawha quddiem il- vara meta din tkun dieħla lura fil- knisja. Ikun hemm min il-kliem ikun jafu sewwa, iżda jkun hemm oħrajn li jivvintaw xi żewġ kelmiet 'l hawn u 'l hemm. Għalhekk, il-gazzetta ILLUM se tibda tagħti wkoll il-kliem eżatt tal- antifona, kemm bil-Latin, għax hekk titkanta, iżda anke bil-Malti, bil- għan li min ikanta magħha, jiem ukoll x'qed jgħid. Dawn huma l-kelmiet tas-Sancte Paule: Latin: Sancte Paule Apostole, prædicator veritatis, et doctor gentium, intercede pro nobis ad Deum, qui te elegit. Malti: Appostlu San Pawl, xandar tas-sewwa u mgħallem tal- ġnus, idħol għalina quddiem Alla li għażlek X'jiġifieri meta ngħidu Cappella Nani? Semmejna l-Cappella Nani u Maestro di Cappella. Tajjeb li ġaladarba f'din is-sensiela, dawn iż-żewġ termini se nisimgħu ħafna dwarhom, nispjegaw ftit xi jfissru. Meta ngħidu l-Cappella Nani, fi ftit kliem, qed nirreferu għal dak il-grupp, surmast, mużiċisti u solisti li jesegwixxu x-xogħlijiet tal- familja Nani. Fil-fatt, jeżistu oħrajn, fosthom il-Cappella Diacono jew il-Cappella Bugeja jiġifieri dawk li jesegwixxu x-xogħlijiet tas-Surmast Carlo Diacono u Vincenzo Bugeja rispettivament. Diversi festi, partikolarment dawk antiki, għandhom il-Cappella tagħhom. Ma jfissirx lanqas li kull Cappella hija ta' knisja waħda u partikolari. Qabel rajna kif il-Cappella Nani kienet iddoqq f'madwar 20 knisja. Il-Cappella Diacono ddoqq f'diversi knejjes, biss biss iddoqq fit-tliet kolleġġjati tal-Kottonera. Dan ifisser li mhux kulħadd jista' jaqbad u jdoqq ix-xogħlijiet ta' Nani jew inkella x-xogħlijiet ta' Diacono jew ta' oħrajn. Il-Maestro di Cappella jkun is-surmast ta' dik il-Cappella partikolari. Ġeneralment ikun hu l-uniku persuna inkarigata li tesegwixxi x-xogħlijiet ta' dik il-Cappella. Pereżempju s-Surmast Ray Sciberras (li l-gazzetta ILLUM qed tippubblika intervista miegħu f'paġni 12 u 13), huwa l-Maestro di Cappella Diacono. Normalment din kienet tintiret fil-familja, pereżempju dik ta' Nani għaddiet mingħand Paolo għal għand ibnu Antonio. Maż-żmien dawn inqatgħu mill-familji, forsi għax ma jkunx fadal mużiċisti u għaddew għand surmastrijiet oħra li jiksbu l-fiduċja. Pereżempju l-Cappella Diacono għaddiet mingħand Carlo Diacono għal għand ibnu Frank. Dan kien għadda l-bakketta lil Dun Ġwann Galea li mexxa din il-Cappella għal 25 sena sakemm ċeda postu lis-Surmast Sciberras. Paolo Nani Xellug: Il-vara ta' San Pawl u (fuq) l-ewwel parti tal-antifona Sancte Paole

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 9 February 2020