Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1219200
19 editorjal Illum suppost kien għeluq sninha... I llum kienet se tagħlaq 55 sena. Illum kellha tkun qed tiċċelebra ma' familtha u l-ħbieb tagħha. Imma ma kellux ikun għax xi ħadd- minħabba elenku ta' possibilitajiet inkluż nuqqas ta' ħidma professjonali - ħasdilha ħajjitha. Kieku dan kien l-ewwel inċident tat-tip tiegħu kien ikun ħażin ħafna, aħseb u ara l-fatt li huwa r-raba' f '10 xhur. Konna avżati tliet darbiet b'dak li jista' jiġri u fi tliet darbiet kellna ħajjiet li għal naqra ma ntilfux, imma għaddew it jiem, emminna li vera kienet qed isseħħ riforma, biddilna l-fokus, sakemm reġa' seħħ inċident li din id-darba ħasad ħajja. Bħallikieku dak is-serduq jidden tliet darbiet ma kienx biżżejjed biex iqajjimna mid-doża ta' sturdament li konna fiha. Il-fatt li lanqas quddiem traġedja bħal din min imexxi lobby - li tħalla jkisser wiċċ Malta mill-politiċi bla sinsla li kellna f 'dawn l-aħħar 10 - 15-il sena - ma refax ir-responsabbilità juri kemm hawn min iħossu protett għax għandu l-flus u għax jilgħaq. Minflok qed nisimgħu elenku ta' skużi u kważi, kważi Sandro Chetcuti u sħabu jridu jbellgħuhielna li dan kien inċident sfortunat li ma setax ikun evitat u li allura dwaru ma stajna nagħmlu xejn. Din hija gidba u narrattiva mibnija biss biex tilloppja aktar lill-poplu sakemm jerġa' jseħħ inċident ieħor. Erba' binjiet f '10 xhur ma tiġrix b'kumbinazzjoni jew għax sempliċiment dawn "inċidenti li kellhom iseħħu". Qed iseħħu - jew għax qed isir xogħol ħażin, jew għax min qed jagħmel ix-xogħol ma jafx jagħmlu, jew għax kulħadd jagħmel li jrid, jew għax min suppost jara li dan l-inċident ma jseħħx - primarjament il-perit - ma kienx qed jagħmel xogħlu sew. U kif tridu kien qed jagħmel xogħlu sew fuq is-sigurtà meta hu kellu sehem fil-proġett!? Jiġifieri kieku ma mititx Miriam lanqas biss kien jinkixef il-fatt li l-perit kellu sebgħu fit-torta li minnha kien qed jaqla' l-liri. Kellha tmut persuna biex nindunaw b'din l-oxxenità? Biex taraw x'serjetà! Biex taraw kemm hu protett iċ-ċittadin! Intant dan il-kuntrattur ma kienx sempliċiment xi ribell, jew xi wieħed li qed jagħmel l-affarijiet hekk ta' malajr. Din id-darba kien membru tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA). U sadanittant min imexxi l-MDA għadu hemm! Hemm responsabbilità legali u din iva beda l-kors tagħha u nittamaw li għallinqas hawn il-Qrati tagħna jagħtu piena ħarxa li toħloq biża' u preċedent. Sallabna lil min qatel ajkla, u sew! Ma nsallbux lil min qatel persuna sforz in- nuqqas ta' serjetà? Però hemm responsabbilitajiet oħrajn. Ta' min suppost ħa ħsieb li dan l-inċident ma jseħħx. Ta' min suppost ra li s-sistema tkun vera riformata, mhux nirriformaw fuq il-karta u fil-prattika kulħadd jagħmel li jrid. Jekk il-mewt ta' Pace mhux se ċċaqlaqna - żgur daqs kemm aħna żgur li qegħdin hawn illi dik ta' din il-ġimgħa ma tkunx l-aħħar darba li rajna traġedji u familji jitkissru sforz ir-rgħiba u l-ġungla li għad hemm min irid jopera fiha. Qumu mir-raqda! illum • 8 TA' MARZU 2020 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Editur: Albert Gauci Cunningham