Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1262261
06 analiżi IL-ĦADD 21 TA' ĠUNJU 2020 • illum Il-waqgħa ta' Cardona ... Is-sitt Ċaħad l-allegazzjonijiet kollha iżda dawn kienu biżżejjed b'saħħithom biex niżluh ... kif qed ikun implikat Cardona? YENDRICK CIOFFI Kien Ministru u ma baqax, kien Deputat u rriżenja, kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Robert Abela talbu jwarrab. Din hija l-istorja ta' Chris Cardona fl-aħħar xhur. Kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern, Cardona qatt ma kien nieqes mill-kontroversji, bl-aktar waħda li baqgħet tissemma kienet dik meta l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia allegat li waqt li kien fuq żjara uffiċjali fil-Ġermanja żar burdell. Iżda żgur li qatt ma ntefa' taħt dell tqil daqs l-aħħar ġimgħat meta qed ikun implikat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, allegazzjonijiet li hu qed jiċħad kategorikament. F'dan l-artiklu l-gazzetta se tispjega dak li ntqal dwar Chris Cardona minn qabel ma tressaq il- Qorti Yorgen Fenech akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Kollox beda minn ittra. Iżda x'inhi din l-ittra? Kif waslet għand Yorgen Fenech u x'kienet tgħid? Meta Yorgen Fenech kien għadu qed ikun interrogat, waqt li kien fuq police bail, waslet għandu ittra li bażikament kienet tagħtih struzzjonijiet biex jitfa' l-ħtija kollha tal-assassinju fuq Daphne Caruana Galizia. Allegatament, din l-ittra kienet waslet għand Yorgen Fenech mingħand Keith Schembri permezz tat-tabib personali tagħhom Adrian Vella. Kien Vella stess li qal lill-Pulizija li kien Keith Schembri li talbu jgħaddi l-ittra lil Fenech, allegazzjoni li Schembri qed jiċħad. Din l-ittra kienet miktuba bl-idejn u mimlija taħżiż. Skont l-ittra, dwar Cardona, Fenech kellu jgħid lill-Pulizija hekk: • Chris Cardona għamel pressjoni fuq Alfred Degiorgio (il-Fulu) biex jeħles minn Caruana Galizia minħabba l-każ tal-libell li hu kellu kontriha dwar l-Acapulco. • L-Avukat David Gatt (ara aktar 'il quddiem) kellu jikkordina kollox. • Cardona kien jiltaqa' ta' spiss ma' Degiorgio ġo bar fis-Siġġiewi. Ċertu Fredu, magħruf bħala l-Iblah, kien ikun magħhom. Dan Fredu kien jaħdem il- Ministeru u kien hu li informa lil Degiorgio biex jibda jmur il-bar biex jiltaqa' ma' Cardona. • Cardona l-ewwel wiegħed €300,000 imma mbagħad Degiorgio ried li jkollu liċenzja mal-Freeport biex ikun jista' jdaħħal sigaretti u xorb tal-kuntrabandu. Cardona aċċetta. Seħħ il-qtil. • L-ittra tpinġi lil Melvin Theuma, l-intermedjarju, bħala persuna involuta ma' Cardona u li kien qed jhedded lil Fenech biex jagħtih il-flus u li jekk ma jagħmilx dan kienu se jitfgħu l-ħtija ta' kollox fuqu. Chris Cardona kien mistoqsi mill-Pulizija dwar din l-ittra tant li għal ftit jiem kien issospenda lilu nnifsu mill- Kabinett, dak iż-żmien immexxi minn Joseph Muscat. Huwa kien ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet kollha msemmija fl-ittra. Waqt laqgħa tal-kabinett li kienet issejħet urġenti fit- 28 ta' Novembru kien diskuss il-kontenut ta' din l-ittra u jekk din kinitx attentat ta' 'frame-up' fuq Cardona mill-eks Chief of Staff Keith Schembri u Yorgen Fenech. Wara laqgħa oħra, li kienet saret il-Girgenti, Cardona kien kompla fejn ħalla bħala Ministru għall-Ekonomija sakemm sar Prim Ministru Robert Abela u ma baqax parti mill-Kabinett. Għal ftit tal-ġimgħat isem Chris Cardona fl-investigazzjoni ma kienx għadu qed jinstema', sakemm fit-13 ta' Frar li għadda, waqt li kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, Melvin Theuma, l-intermedjarju li kien ingħata l-proklama, qal li nstab mowbajl viċin it-tinda tal-patata u fih kien hemm imniżżel biss in-numru ta' Chris Cardona. It-tinda tal-patata huwa l-post fejn f 'Diċembru tal-2017 kienu ġew arrestati l-irġiel akkużati li segwew il-passi ta' Caruana Galizia u poġġew il-bomba li qatlitha. Melvin Theuma kien xehed kif kien Yorgen Fenech stess li qallu li fil-baħar, viċin it-tinda tal-patata fil-Marsa kien instab mowbajl u li allegatament Alfred Degiorgio kien juża biex jikkomunika ma' Chris Cardona. Skont Theuma, Fenech sar jaf din l-informazzjoni mingħand Keith Schembri. Cardona kien saħaq li l-Pulizija qatt ma kellmuh fuq dan. Insista li l-Pulizija qatt ma kkonfermaw din l-informazzjoni u hija biss xi ħaġa li Yorgen Fenech qal lil Melvin Theuma. L-ewwel daqqa: Tasal ittra għand Yorgen Fenech It-tieni daqqa: 'Jinstab mowbajl fil-baħar'