Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1305622
04 analiżi IL-ĦADD 1 TA' NOVEMBRU 2020 • illum L-elezzjoni Presidenzjali Amerikana: Nhar it-Tlieta l-Istati Uniti tmur tivvota biex tagħżel President ġdid jew inkella biex terġa' tikkonferma lil Trump. Imma kif taħdem l-elezzjoni f'dan il-pajjiż? Veru li mhux neċessarjament il-kandidat bl-akbar numru ta' voti jsir President? Għaliex? U x'qed juru s-sondaġġi? Il-gazzetta ILLUM tanalizza ... PAUL GAUCI Kif ħafna mill-qarrejja jafu diġa', nhar it- Tlieta 3 ta' Novembru ser issir l-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti. Il-kandidati prinċipali li qed jikkontestaw din l-elezzjoni huma: Il-President attwali Donald Trump (kandidat Repubblikan) u l-eks Viċi President Joe Biden (kandidat Demokratiku). Donald Trump ilu President minn Jannar tal-2017 wara li kien irnexxielu jegħleb lil Hillary Clinton fl- elezzjoni Presidenzjali f 'Novembru tal-2016. Jekk Trump jerġa' jirbaħ l-elezzjoni hu ma jkunx jista' jerġa' jikkontesta fl-2024 minħabba l-fatt li l-Kostituzzjoni Amerikana ma tħallix l-istess persuna tokkupa l-kariga ta' President għal aktar minn żewġ legiżlaturi. Din l-emenda fil- Kostituzzjoni Amerikana kienet iddaħlet fl-1951. Tajjeb li ngħidu li fit-3 ta' Novembru l-Amerikani mhux se jivvutaw biss biex jagħzlu President, iżda ser jagħżlu anki l-435 membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti u 34 siġġu mis-Senat Amerikan. Il-Parlament Amerikan jew kif inhu magħruf aħjar, il-Kungress, huwa magħmul minn żewġ fergħat; Il-Kamra tar- Rappreżentanti u s-Senat. Din l-istruttura hija komuni ħafna f 'diversi pajjiżi, speċjalment fi stati federali. Il-Kamra tar-Rappreżentanti hija magħmula minn 435 membru li jiġu eletti kull sentejn. Dan ifisser li darba kull erba' snin l-elezzjoni tal- Kamra tar-Rappreżentanti taħbat mal-elezzjoni Presidenzjali. Meta jiġri hekk l-persentaġġ ta' votanti li jivvutaw biex jagħzlu l-Membri tal-Kamra tar- Rappreżentanti jkun ogħla meta mqabbel mal-elezzjoni li ma taħbatx mal-elezzjoni presidenzjali. Kull stat Amerikan għandu numru tar- rappreżentanti skont id-daqs tal- popolazzjoni ta' kull stat. F'dan il-każ Kalifornja, li huwa l-akbar stat, itella 53 membru f 'din il-kamra filwaqt li l-iżgħar stat, Wyoming, itella rappreżentant wieħed biss. Minn naħa l-oħra s-Senat Amerikan huwa magħmul minn 100 Senatur li jkunu eletti għal sitt snin. Kull wieħed mill-50 stat Amerikan itella' żewġ senaturi. Kull sentejn issir elezzjoni għal terz tas-siġġijiet tas-Senat. Fl-2016 gew eletti 33 senatur. Fl-2018 33 oħra. Din is-sena ser issir elezzjoni għal 34 Senatur. Fl-2022 terġa issir elezzjoni għat-33 siġġu li mtlew fl-2016 u jibqgħu sejrin ħekk. Dan ifisser li tul Presidenza jaf ikollok President minn partit partikolari filwaqt li l-Kamra tar- Rappreżentanti u s-Senat ikunu kkontrollati minn partit ieħor. Bħalissa għandna President Repubblikan (Trump), Kamra tar- Rappreżentanti kkontrollata mid- Demokratiċi u Senat ikkontrollat mir-Repubblikani. L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika qiegħed ipoġġi lil Biden fuq quddiem fit-tellieqa Presidenzjali, filwaqt li d-Demokratici jidħru li se jżommu l-kontroll tal-Kamra tar- Rappreżentanti. Is-Senat jidher li se jkun maqsum minn nofs u għalhekk ser ikun importanti ħafna l-eżitu tal- elezzjoni Presidenzjali peress li jekk is- Senat jinqasam eżatt bejn iż-żewġ partiti (ħamsin Senatur kull wieħed) ikun il-Vici President li jkollħu l-'casting vote.' Pero' kif jintgħazel il-President? Fl-Istati Uniti tal-Amerika mhuwiex il- kandidat li jirbaħ l-akbar ammont ta voti li jsir President. Huwa l-Kulleġġ Elettorali li jiddetermina min jirbaħ l-Presidenza. Fl-2016, għalkemm Hillary Clinton ġabet kważi tliet miljun vot iżjed minn Donald Trump, kien Trump li sar President peress li kien hu li rebaħ il-maġġoranza fil- Kulleġġ Elettorali. Il-Kulleġġ Elettorali hija sistema li biha min jirbaħ 270 mill-538 vot tal-Kulleġġ isir President. Kull stat ikollu voti skont kemm għandu membri fiż-żewġ kmamar tal- Kungress Amerikan. Kif semmejna qabel il-Kamra tar-Rappreżentanti għandha 435 siġġu u s-senat 100 siggu. Mela allura għalfejn il-Kulleġġ Elettorali huwa bbażat fuq 538 u mħux 535? Dan għaliex il-Belt Kapitali Amerikana ta Washington DC ma tagħmel parti mill-ebda stat Amerikan u fl-istess ħin mhijiex meqjusa bħalha stat għalih. Dan ifisser li n-nies li jgħixu fil-Kapitali Amerikana m'għandhomx rappreżentanza fis-Senat u kull ma għandhom tliet membri 'osservaturi' fil- Kamra tar-Rappreżentanti li m'għandhomx dritt għal vot, bħall-435 membru l-ieħor. Pero' n-nies ta' Washington DC jingħataw tliet voti elettorali fl-għażla tal-President. Għalħekk il-Kulleġġ elettorali huwa