Illum previous editions

ILLUM 15 November 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1309489

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 27

24 aħbarijiet IL-ĦADD 15 TA' NOVEMBRU 2020 • illum Sitt kappelli medjevali u l-ġonna neoklassiċi ta' Villa Ciantar fil-Pieta ġew iddikjarati bħala binjiet protetti ta' Grad 1 mill- Awtorità tal-Ippjanar. Dawn il- binjiet storiċi issa huma mħarsa bl-ogħla status ta' protezzjoni, kif ġie kkonfermat fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-proċess biex dawn il-proprjetajiet jiġu skedati sar b'kollaborazzjoni mill-qrib mas-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali. Tnejn mill-kappelli medjevali, dik iddedikata lil Santa Domenika f 'Ħad-Dingli u l-kappella ta' Bir Miuħ fil-Gudja, ġew irreġistrati fil-lista Rollo de Mello tal-1436. Din il-lista ntalbet mill-Isqof ta' Malta, Senatore de Mello, mal-wasla tiegħu fil-Gżira. De Mello, li ħalla impatt kbir fuq l-istorja ekkleżjastika lokali, kien ikkummissjona erba' kanoniki tal- Katidral biex jirriċerkaw dwar il- benefatturi tal-parroċċi eżistenti dak iż-żmien. Il-kappella ta' Bir Miuħ hija waħda mill-aktar binjiet raffinata, msaqqfa bi stil medjevali b'arkati bil-ponta u magħmula mil-knatan tal-ġebel. Il-bibien tagħha huma kollha mgħammra b'hood moulds sbieħ u forom Melitani, xhieda tal-kostruzzjoni tal-kappella matul il-perjodu Medjevali. Uniċi għal din il-kappella huma l-fdalijiet ta affresk li saru fil- bidu tas-seklu sittax li juri l-aħħar ġudizzju. Il-kappella eżistenti hija iżgħar mid-daqs oriġinali tagħha, bil-pedamenti oriġinali għadhom evidenti b'mod ċar fl-inħawi immedjati tagħha. Kappella medjevali oħra, li ngħatat dan l-istatus għoli ta' protezzjoni hija dik li nstabet fil- Gżira ta' Kemmuna, iddedikata għar-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu. Għalkemm id-data eżatta tal-kostruzzjoni ta' din il-kappella mhix magħrufa, id-dokumenti juru b'mod ċar li l-kappella kienet teżisti fuq Kemmuna fis-seklu 13. Il-kappella hija rettangolari b'entratura laterali. Fid-daħla, wieħed isib li l-kappella hija msaqqfa b'diversi forom ta' troll minflok l-arkati bil-ponta li ġeneralment jintużaw. Din il-kappella għandha karatteristika unika billi żżomm iconostasi, kannizzata tal-injam (li tissostitwixxi dik oriġinali taż-żminijiet medjevali) li tifred iż-żona sagra mill-bqija tal- kongregazzjoni, li tmur lura għar- rit Grieg Ortodoss. Il-kappella medjevali ta' San Mikiel, magħrufa aktar bħala Il-Kappella tas-San Ċir jew Il- Kappella ta' San Mikiel is-Sanċir, li tinsab fil-limiti tar-Rabat, hija mibnija f ' ġebel tipiku mxarrab, b'5 arkati bil-ponta mdawwra b'ċangaturi, x'aktarx mill-istess perjodu tal-kappelli ta' Santa Domenika u ta' Bir Miuh. Aktar tard, ġie miżjud l-irfid fuq il-ġnub laterali tagħha għas-sapport. Waħda mill-arkati tinkorpora kolonna tal-perjodu klassiku u frammenti arkitettoniċi klassiċi oħra ġew skoperti fil-viċinanzi tagħha. Il-Kappella ssemmiet għall-ewwel darba minn Mons Pietru Dusina meta żar il-gżira fl-1575. Kappella ohra li ssemmiet minn Mons Pietru Dusina hija dik iddedikata lill-Verġni Mbierka, bit-titlu ta' Ħal Xluq, fis-Siġġiewi, li ngħatat ukoll status ta' Grad 1. Fil-kitbiet tiegħu Mons. Dusina jirreferi għall-kappella bħala waħda antika ħafna u fi stat dilapidat. Il-kappella ġiet rinovata u msewwija fl-1583, u żammet il-karatteristiċi medjevali oriġinali kif jixhdu l-hood moulds u l-forom melitani tad-daħliet prinċipali u laterali. Il-kappella hija kkaratterizzata minn knatan b'metodoloġija tal-kostruzzjoni irfinata, li huwa xhieda tal-livell għoli li ntlaħaq fil-kostruzzjoni lejn l-aħħar tal-Perjodu Medjevali. F'Bormla, il-kappella ddedikata lill-Verġni Mbierka, magħrufa aħjar bħala tas-Sokkors, hija differenti mill-oħra billi hi maqtugħa fil-blat u tinsab taħt l-art. Oriġinarjament kienet tinsab fuq in-naħa tal-wied li jwassal għall-parti ta' ġewwa tal- port ta' Bormla. Għalkemm ma teżisti l-ebda dokumentazzjoni, huwa maħsub li l-Kappella kienet teżisti matul l-aħħar żminijiet tal-perjodu Biżantin (700- 800A.D) meta oriġinarjament kienet iddedikata lit-Twelid tal-Verġni Mbierka. Il-kappella sarulha tibdiliet matul il-perjodu medjevali fejn il-parti ta' quddiem tagħha ingħalqet b' faċċata. Matul is-seklu 17, intużat bħala l-knisja parrokkjali ta' Bormla, iżda mbgħad ma baqgħetx tintuża u eventwalment spiċċat f 'idejn privati meta l-eżistenza tagħha ntnesiet kompletament. Il- kappella ġiet skopruta mill-ġdid matul ir-rikostruzzjoni taż-żona tal-Bieb ta' Santa Elena, wara l-gwerra, u issa hija ppreservata taħt blokka ta' akkomodazzjoni soċjali. L-Awtorità tat ukoll l-ogħla protezzjoni lill-ġonna ta' Villa Ciantar fil-Pieta. Il-villa, li nbniet lejn l-aħħar tas-seklu 18, u l-ġonna tagħha, magħrufa dak iż-żmien bħala Villa Zammit, okkupat prattikament il-ġenb kollu tal-punent tal-bajja tal- Pieta' li jestendi minn Villa Frere sa Gwardamangia Hill, bil-ħajt tagħha għaddej mat-tul kollu tat- triq. Il-ġonna huwa maqsumin fuq diversi terrazzini bi stil barokk u neo-klassiku. Il-ġonna ġew mgħammra minn varjetà ta' arkitettura bħal passaġġi, nymphaeum, bibien trijonfali u torri espost minn erba' faċċati li huwa mibni fuq l-ogħla parti tal-ġnien. It-torri huwa maħsub li jmur lura għall-perjodu tal- kavallieri u kien użat bħala difiża matul l-imblokk Franċiż. It-troll bil-ħnejjiet li jinsabu fil- livell terran, li oriġinarjament kienu jiffurmaw parti minn Villa Zammit, ingħataw protezzjoni ta' Grad 2. Għal aktar informazzjoni dwar l-Awtorità tal-Ippjanar, żur is-sit www.pa.org.mt L-Awtorità skedat sitt kappelli medjevali u ġnien distintiv ta' villa bħala binjiet ta' Grad 1

Articles in this issue

Links on this page

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 15 November 2020