Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1309489
IL-ĦADD 15 TA' NOVEMBRU 2020 • illum aħbarijiet Aktar minn 60% jivvutaw skont l-ekonomija u l-but tagħhom u ta' familthom - sondaġġ xjentifiku ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Mhux xi sigriet li meta nitkellmu dwar il-voti u elezzjonijiet u għalfejn in-nies imorru jivvutaw, l-ewwel kelma li tiġi f 'moħħ ħafna hija "but". Imma din hija perċezzjoni żbaljata jew realtà? Sondaġġ xjentifiku magħmul mill- Fakultà għall-Benesseri Soċjali juri li fil- fatt din mhi perċezzjoni xejn imma qrib ħafna tar-realtà. Fil-fatt dan is-sondaġġ juri li minn lista ta' ħames għażliet, meta dawk li pparteċipaw kienu mistoqsijin liema kwistjonijiet jaġevolawhom biex jivvutaw, 61% semmew l-ekonomija. Kien l-istrateġista tal-eks President Amerikan Bill Clinton, James Carville li uża l-frażi 'e economy, stupid!' biex jesprimi l-opinjoni li ħafna mid-drabi elezzjonijiet huma deċiżi fuq kif sejra l-ekonomija u allura kif sejrin in-nies. Jidher, allura li dan huwa l-każ hawn Malta wkoll bl-aktar sezzjoni tal-popolazzjoni li tmur tivvota bl- ekonomija fuq moħħha tkun il-votanti ta' bejn 36 u 45 sena, b'71%. L-inqas, għalkemm xorta f 'maġġoranza kien fost dawk ta' bejn 56 sena u 65 sena fejn 53% semmew l-ekonomija bħala r-raġuni li jagħżlu partit minn ieħor. Fl-aħħar snin f 'Malta wkoll, l-ekonomija kienet l-għajta elettorali tal-Partit Laburista li rebaħ bil-kbir żewġ elezzjonijiet ġenerali. Qrib ħafna b'60%, kien hemm il- ġid u l-qagħda finanzjarja tal-familja. Mill-ġdid allura hanwhekk qed jiġi rifless l-importanza tal-"but", kemm individwali u tal-familja kif ukoll dak tal-pajjiż. Kien l-iżgħar grupp ta' età (16 -25) li fil-fatt qal li jagħżel skont il-ġid jew il-finanzi personali, b'77%. L-inqas li jagħmlu din l-għażla kien fost il- ġenerazzjonijiet aktar anzjani b'50%, kemm fost dawk ta' bejn 56 u 65 sena u anke fost dawk li huma ta' età ikbar. Maġġoranza ta' dawk li pparteċipaw jew 52% semmew it-twemmin politiku tal-partit u kif huwa dan li jiddetermina l-għażla tagħhom. F'termini ta' etajiet l-aktar li jagħmlu din l-għażla huma dawk ta' bejn is-46 u l-55 sena skont dan is-sondaġġ xjentifiku b'65% u l-inqas huma dawk ta' bejn is-56 u l-65 sena b'35% biss. Il-Kap importanti għal 43% tal-votanti Fl-aħħar snin l-kampanji elettorali saru jiġu organizzati b'mod aktar Presidenzjali fejn il-Kap jew il-Mexxej jieħu rwol ħafna aktar kruċjali u ċentrali u fejn id-differenza bejn il-Kap u l-partit ma jibqgħux ċari. Minkejja dan, il-kap tal-partit minn dejjem kien importanti ħafna u kruċjali biex partit jirbaħ jew jitlef. F'dan is-sondaġġ xjentifiku kienu 43% li semmew il-Kap tal-partit bħala wieħed mill-fatturi determinanti fl-għażla elettorali tagħhom, bl-akbar popolarità għal din l-għażla tkun fost dawk bejn is- 36 u l-45 sena b'52%. L-inqas popolari kienu fost dawk bejn is-56 u l-65 sena b'29% biss. Finalment, il-lealtà lejn il-partit li tgħaddi minn ġenerazzjonijiet hija b'saħħitha l-aktar fost dawk li għandhom aktar minn 66 sena anke jekk b'41%, mhux il-maġġoranza jsemmuha. L-inqas hija fl-etajiet iż-żgħar fejn fost dawk ta' bejn is-16 u l-25 sena kienu b'kollox 33% li qalu illi jivvutaw skont il-lealtà, filwaqt li huma inqas, jew 28%, ta' dawk bejn is-26 u l-35 sena li jivvutaw b'dan il-fattur fuq moħħhom. Meta taqsam ir-risposti kollha skont il-ġeneru ssib li n-nisa jagħtu aktar importanza f 'dak li jirrigwarda il-ġid jew qagħda finanzjarja tal-familja meta jivvutaw (65%) mill-irġiel (57%), imma it aktar irġiel isemmu l-ekonomija (63%) minn nisa (60%). Eżatt l-istess persentaġġi jwieġbu dwar il-Kap tal-partit (44%), filwaqt li n-nisa jagħtu it aktar importanza lil-lealtà (37%) mill-irġiel (36%). 54% tan-nisa jivvutaw lil partit minħabba t-twemmin tiegħu filwaqt li 50% tal- irġiel jagħmlu l-istess. Sondaġġ xjentifiku mill-Università ta' Malta jħares lejn ir-raġunijiet għaliex il-poplu jagħżel partit u mhux ieħor f'elezzjoni ġenerali ... 'Il-valur tagħna qiegħed dejjem isir aktar dwar il-flus' - Azzopardi Il-gazzetta ILLUM għamlet żewġ mistoqsijiet lid- Dekan tal-Fakultà illi għamlet dan is-sondaġġ, Andrew Azzopardi. L-ewwelnett huwa interessanti kif fis-sondaġġ jirrizulta li l-parteċipanti iżgħar fl-età jmorru jivvutaw aktar fuq materji ta' flus u ġid personali milli dawk 'l fuq mis-56 sena. Kif janalizza dan id-Dekan? Azzopardi fakkar illi min huwa iżgħar fl-età għadu jiddependi ħafna aktar mill-flus, "madanakollu naħseb li aktar kemm jgħaddi ż-żmien il-valur tagħna qed isir dejjem aktar fuq kemm għandna flus u kemm aħna sidien ta' affarijiet materjali," sostna Azzopardi. Huwa qal illi dawn il-fatturi qegħdin dejjem aktar jieħdu post kemm persuna għandha valur u kemm hija ta' karattru sod. It-tieni ħaġa li tistaqsi din il-gazzetta hija dik relatata mal-lealtà. Minkejja li huma biss 33% ta' dawk bejn 16 u 25 sena u 28% ta' dawk bejn 26 u 35 sena li jivvutaw skont il-lealtajiet politiċi tal-familja, ma jħossx li dan għadu wisq? X'jista jiġri biex dan jonqos aktar? Azzopardi jisħaq illi dan il-persentaġġ "għadu wisq" minkejja li jgħid ukoll li ħafna jaslu jgħidu illi fil-fatt huwa ikbar. "Jien għalija l-importanti huwa li n-nies jifhmu għalfejn qed jivvutaw u naħseb l-etaijiet żgħar iridu jgħallmuna fuq din. Il-verità hija wkoll li l-maġġoranzi li jikbsu l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qatt ma kienu marbuta mal-voti li għandhom bħala partit, imma l-voti li jkunu wirtu jew ħadu mill-avversarji politiċi taghhom. Jidher li dak in-numru ta' votanti qed jikber," temm jgħid Azzopardi mal-ILLUM. Metodoloġija Livell ta' Kunfidenza: 95% Marġini ta' żball: +/- 4% Daqs tal-kampjun: 600 L-għażla kienet stratifikata skont l-età, il-ġeneru u d-distretti. Id-data kienet miġbura matul Ottubru 2020