Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1309489
06 analiżi IL-ĦADD 15 TA' NOVEMBRU 2020 • illum Bejn arloġġ tal-lira, flixkun Petrus u logħba taċ-Champions Bħal-lum ġimgħa u fis-sigħat ta' wara fuq fomm kulħadd kienet l-istorja ta' din il-gazzetta u ħlas ta' mawra minn Jason Azzopardi f'lukanda f'Tel Aviv. Iżda dan ma kienx l-ewwel episodju ta' "rigali" lill-politiċi u uffiċjali pubbliċi li qajjem għagħa. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn tlieta oħra... ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Ix-xena politika fil-bidu ta' din il-ġimgħa kienet iddominata mir-reazzjonijiet u l-iżviluppi kollha li ssuċedew l-istorja esklussiva tal-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda. Kienet din il-gazzetta li żvelat kif Tumas Group kien ħallas numru ta' ljieli li qatta' id-Deputat Jason Azzopardi fil-lukanda Hilton ta' Tel Aviv lura f 'Marzu tal-2017. Wara li ammetta dan - wara wkoll li kien qal li ma jiftakarx li ħa xi rigali jew servizzi b'xejn mill-istess kumpanija tliet ijiem biss qabel - Azzopardi qal ukoll illi bħala ringrazzjament xtara oġġett tal-fidda lil Ray Fenech. Yorgen Fenech kien wieħed mid- Diretturi tal-kumpanija Tumas Group sakemm ġie akkużat bil- qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Din l-istorja qajmet furur u diskussjoni sħiħa fuq il-midja soċjali, li forsi nessiet xi ftit il- fatt li dan ta' Azzopardi ma kienx l-ewwel (u probabilment mhux se jkun l-aħħar) każ ta' rigali li negozjanti kontroversjali kbar, ta' influwenza kbira ekonomika għaddew lill-politiċi jew inkella lil uffiċjali pubbliċi. F'dan l-ispazju l-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn tlieta mill-kontroversji simili li qamu matul l-aħħar snin. Tonio u l-arloġġ tal-Lira Il-Każ: Il-każ idur ma' arloġġ tal-lira li fil-Qorti kien ġie determinat li jiswa' madwar €1,200 u li Ines Farrugia - il-mara ta' ħu George Farrugia, implikat fl-iskandlu tax-xiri taż-żejt fl- 2013, kienet għamlet u għaddiet lill-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech. George Farrugia kien ingħata l-maħfra presidenzjali minn Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi biex jikxef għanqbuta ta' tixħim fix- xiri taż-żejt għall-Enemalta wara li l-gazzetta Maltatoday kienet żvelat kif eks uffiċjal tal-Enemalta kien irċieva flus mill-kumpanija taż-żejt Trafigura. Farrugia kien is-sensar f 'Malta għal Trafigura u TOTSA. George Farrugia kien għadda dan l-arloġġ tal-lira personalment lill-eks Ministru Fenech li kien qal waqt konferenza tal- aħbarijiet illi Ines Farrugia kienet għadditulu għaliex "tammirah" u li dan kien b'xejn. Fil-Qorti iżda Farrugia qalet li dan ma kienx b'xejn u kienet ħallset għalih il-kumpanija li tagħha George Farrugia kien Kap Eżekuttiv, Powerplan Ltd. Hija qalet ukoll li kienet għamlitu għaliex żewġha Raymond kien staqsiha biex tagħmel dan. Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Francesco Depasquale ma kinitx aċċettat l-ilmenti ta' Fenech f 'libell kontra Chris Cardona u Evarist Bartolo għalkemm kienet ikkonċediet li fil-fatt l-valur ta' €5,000 mogħti lil dan l-arloġġ ma kienx korrett. Farrugia kien ippubblika lista ta' rigali li għadda lil diversi nies quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi f 'Diċembru 2013. Fost dawn jirriżulta li Farrugia kien għadda lil William Spiteri Bailey, li kien iċ-Chairman tal-Enemalta (rigal ta' €360) u cuff links (valur ta' €1,044) u arloġġ ta' €1,333 u cuff links (valur ta' €997) lill-eks CFO tal-Enemalta Antoine Galea. Huwa ta wkoll ġojjellerija lil-eks Chairmen tal-Enemalta Tancred Tabone u anke Alex Tranter b'valur ta' €700. Iktar ta' toqol kien il-fatt li George Farrugia kien qal li għadda mal-€2,000 f 'donazzjonijiet lill-kampanja tal-eks Ministru Nazzjonalista Austin Gatt. Imma mhux biss. F'okkażjoni oħra kien żvelat kif Tonio Fenech kien mar jara logħba futbol fuq il- private jet (kollox imħallas) ta' George Fenech, eks Chairman ta' Tumas Group u magħhom kien hemm ukoll Joe Gasan. Fenech kien qal li "jaħlef " li fl-ebda ħin ma ġiet diskussa l-politika u qal illi kieku ried ikellem lill-Ministru kien jagħmel appuntament "bħal ma jagħmel kwalunkwe negozjant ieħor." Kif irreaġixxa Fenech? Tonio Fenech kien insista li l-arloġġ bl-ebda mod ma kiser l-kodiċi tal-etika tal-Ministri u fakkar illi meta ġara l-każ hu kien għadu Segretarju Parlamentari taħt il- Ministeru tal-Finanzi. Dejjem sostna għalhekk li hu fl-ebda ħin ma kellu rabtiet mal-Enemalta. Fenech kien fakkar ukoll li l-eks Kummissarju John Rizzo kien investiga l-każ u wasal għal konklużjoni li ma kien hemm ebda rabta bejn l-arloġġ u prattiċi korrotti fl-Enemalta.