Illum previous editions

ILLUM 22 November 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1311610

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 27

06 aħbarijiet IL-ĦADD 22 TA' NOVEMBRU 2020 • illum 'Lill-anzjani sakkruhom fil-kmamar ... qishom f'ħabs' Qraba ta' anzjani residenti fi djar mxerrda madwar Malta jilmentaw kif l-anzjani spiċċaw imsakkra, 24 siegħa kuljum, fil-kmamar tagħhom b'uħud minnhom saħansitra kostretti jibqgħu fis-sodda għal ġranet sħaħ b'dettriment għal saħħithom YENDRICK CIOFFI Qraba ta' anzjani residenti fi djar tal-anzjani, partikolarment dawk tal-Gvern, ilmentaw mal-gazzetta ILLUM dwar is-sitwazzjoni f 'dawn id- djar fiż-żmien tal-pandemija partikolarment wara li fl-aħħar xhur u ġimgħat żviluppaw diversi każi ta' Covid-19 fost l-anzjani. Fost oħrajn, qraba ilmentaw dwar il-fatt li f 'uħud mid-djar, l-anzjani qed jitħallew fil-kmamar tagħhom ġurnata sħiħa mingħajr l-ebda kuntatt ma' anzjani oħra. "Nifhmu li qed jipprovaw jipproteġu lill-anzjani imma s-soluzzjoni mhijiex li jissakkru fil-kmamar tagħhom. Diġà ilhom xhur imċaħħda mill-qraba tagħhom, li jissakkru fil-kmamar jonqoshom," insistiet waħda mill- familji li tkellmet mal-ILLUM. Fil-fatt, bħalissa, l-anzjani mhux qed jirċievu viżitaturi ħlief għal ftit minuti biss u mill- bogħod, dejjem jekk il-qraba jkunu għamlu appuntament minn qabel. "Jinsabu qishom f 'ħabs," insista raġel li wkoll għandu l-ġenituri residenti f 'dar tal-anzjani. Ta' min isemmi kif minkejja dan, xorta waħda qed ikun hemm anzjani li jirriżultaw pożittiv għall-Covid-19. Fil-fatt, nhar il-Ġimgħa, is-Supretendent tas- Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci spjegat kif hemm ħamest idjar tal-anzjani fejn għadhom qed jinsabu anzjani pożittivi. Tkellmu mal-ILLUM ukoll qraba ta' anzjani li jbatu bid- dimensja u insistew li l-fatt li dawn qed jagħmlu ġurnata waħedhom, imsakkra fil-kamra, mhux qed jgħinhom. "Almenu nippretendi li jinżamm is-servizz biex inkunu nistgħu nkellmuhom darba fil ukoll permezz ta' Skype. Lanqas dan ma għadu jeżisti," qalu qraba oħra. Persuni oħra li tkellmu mal- ILLUM ilmentaw dwar il-fatt li peress li l-anzjani mhux jinħarġu mill-kmamar tagħhom, biex kemm jista' jkun jonqos il-kuntatt bejniethom, hemm minnhom li mal-4pm diġà qed ikunu ddaħħlu fis-sodod. Kien hemm qraba li saħansitra saħqu mal-ILLUM li hemm anzjani li lanqas biss qed jitniżżlu mis-sodda, la mhux jinħarġu mill-kmamar, bir-riżultat li kien hemm minnhom li żviluppaw anke bedsores. "Naħseb jixirqilhom ħafna aħjar minn hekk! Aħna daħħalnihom fid-djar tal-anzjani biex inserrħu rasna," insistew. L-ILLUM hija infurmata wkoll li xi djar ingħataw struzzjonijiet biex lanqas għall-Milied ma jarmaw, kemm għax l-anzjani mhux jinħarġu mill-kmamar u anke biex ma jiddaħħlux nies minn barra d-dar biex jarmaw. "Issa dan sew?" staqsa wieħed mill-qraba. "Diġà mhux qed ikollhom attivitajiet u se jqattgħu Milied 'il bogħod minn kulħadd. L-anqas ftit atmosfera biex almenu jgħaddu Milied diċenti mhu se jkollhom?" kompla jistaqsi. F'Settembru li għadda, il- każi tal-Covid-19 splodew fost l-anzjani partikolarment meta l-pandemija faqqgħet f 'Residenza San Ġużepp fil-Fgura. Fl- aħħar ġimgħat, anke skont l-informazzjoni mogħtija mis- Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, il-każi fost l-anzjani reġgħu bdew jiżdiedu hekk kif il-Covid-19 feġġ f 'aktar djar. Tant hu hekk, li l-awtoritajiet tas-saħħa ddeċidew li l-anzjani residenti fi djar tal-anzjani li għandhom problemi ta' spazju u li jkunu nstabu pożittivi għall- Covid-19, qed jittieħdu fil- Faċilità Good Samaritan. Sa nhar il-Ġimgħa f 'din il-faċilità kien hemm 77 pazjent. Apparti minn hekk skont is- Supretendent tas-Saħħa Pubblika, fid-djar tal-anzjani hemm dawn il-każi: • Dar Pinto – 74 • Golden Care – 39 • Zammit Clapp – 25 • Casa Paola – 36 • San Lawrenz – 7 • San Vinċenz de Paule – 13 (Disa' swali fi kwarantina) Intant, dwar dawn il- kwistjonijiet u oħrajn, il- gazzetta ILLUM bagħtet sensiela ta' mistoqsijiet lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis li huwa responsabbli minn dawn id-djar tal-anzjani. Sal-ħin li morna għall- pubblikazzjoni, din il-gazzetta baqgħet ma rċevitx risposta għal dawn il-mistoqsijiet, minkejja li Parnis qalilna li hu baghat ir- risposti tiegħu lill-Uffiċċju tal- Prim Ministru. Il-mistoqsijiet mibgħuta lis- Segretarju Parlamentari: 1. Fl-aħħar ġimgħat kellna diversi każi ta' anzjani residenti fi Djar tal-Anzjani li rriżultaw pożittiv għall-Covid-19. Minnhom kien hemm diversi li tilfu ħajjithom. Saret investigazzjoni biex ikun magħruf x'inhi l-kawża li qed twassal biex il-virus jinfirex fi djar tal-anzjani? X'inhi jew x'inhuma r-raġuni/ijiet ewlenija? 2. Fl-ewwel xhur tas-sena, kellna l-carers li kienu qed jidħlu u jgħixu fi djar tal-anzjani għal diversi jiem biex kemm jista' jkun ma jkunx hemm ħafna kuntatt ma' barra. Illum l-imxija hija ħafna aktar qawwija iżda dan mhux qed iseħħ. Għaliex? Wasal iż-żmien li din il-miżura terġa' tkun introdotta? 3. Għandna wkoll informazzjoni li hemm djar tal- anzjani fejn ir-residenti qed jinżammu fi kmamar tagħhom. Lanqas biss qed jitħallew jitħalltu jew inkella jsirulhom attivitajiet biex jgħaddu l-ħin. Taħseb li din hija s-soluzzjoni, meta tqis li dawn l-anzjani diġà huma mċaħħda mill-qraba tagħhom? 4. Inti ġejt ikkritikat diversi drabi li quddiem dan kollu ma għamilt xejn, ħlief li bgħatt sempliċi rolypoly lill-anzjani. Kif twieġeb għal din il-kritika? 5. L-Oppożizzjoni talbitek aktar minn darba biex terfa' r-responsabbilità għal dak li ġara u għadu qed jiġri fid-djar tal-anzjani. Lest tagħmel dan? Għaliex? 6. Għadhom qed isiru testijiet regolari għall-anzjani u l-istaff? Qed isir użu mir-rapid testing? 7. Ġej il-Milied. Infurmati li hemm djar li ngħataw struzzjonijiet biex lanqas iżejnu għall-Milied. Inti taf b'dan? Għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni? Ma taħsibx li l-anzjani, li diġà għaddejin minn żminijiet diffiċli, għandhom almenu jgawdu kif jistgħu dan iż-żmien? 8. Qed isir jew sar studju dwar l-impatt li dan iż-żmien jista' jkollu fuq l-anzjani? X'se jkun jew x'qed isir biex ikun assigurat li dan iż-żmien ma jħallix impatt negattiv fuq is-saħħa, anke mentali tal-anzjani?

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 22 November 2020