Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1313314
10 analiżi IL-ĦADD 29 TA' NOVEMBRU 2020 • illum IL-VOUCHERS GĦANDHOM JINGĦATAW F'JANNAR, F'DIĊEMBRU JEW JINQASSMU? L-ILLUM tistaqsi Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, Abigail Mamo, spjegat mal-gazzetta ILLUM għaliex qed jipproponu li l-vouchers tal-€100 jinħarġu matul ix-xahar ta' Diċembru u mhux f 'Jannar kif qed jippjana li jagħmel il-Gvern. Mamo insistiet li għan-negozji kollha, ix- xahar ta' Diċembru huwa importanti ħafna u ma jistax ikun injorat. Fi kliemha, jekk il-vouchers se jinħarġu f 'Jannar, dan jaf ikun tard wisq, anke minħabba l-element tas-sales. Ngħiduha kif inhi, jekk persuna taf li se tirċievi l-vouchers f 'Jannar, x'aktarx li mhux se tmur tonfoq il-flus fil-ħwejjeġ f 'Diċembru, anke għax din is-sena l-Milied mhux se jkun bħas-soltu u forsi aktar nies se jagħżlu li jibqgħu dar. Apparti l-vouchers, f 'Jannar, hemm ukoll is-sales u għalhekk forsi jkun hemm min aktar iżomm lura. Fil-fatt, Mamo saħqet li: "dejjem jiġri li meta l-konsumatur ikun jaf li se tinħareġ xi skema, xi voucher jew inkella tittieħed inzjattiva li se tgħinu jew li biha se jiffranka, se jistenna qabel jixtri xi ħaġa." Propju għalhekk li Abigail Mamo spjegat kif il-Kamra tal-SMEs qed tipproponi li l-vouchers jinħarġu kollha f 'salt f 'Diċembru iżda jkunu maqsuma, jiġifieri dawk li jistgħu jissarfu fi ħwienet tal-ħwejjeġ u oħrajn ikunu jistgħu jintużaw f 'Diċembru, filwaqt li dawk marbuta mas-settur tad-divertiment u r-rikreazzjoni jkunu jissarfu f 'Jannar. Fi kliem Mamo, hemm bżonn li f 'Diċembru jinħoloq ftit kummerċ u tingħata xi ftit jew wisq spinta lill-ekonomija, anke jekk attivitajiet mhux se jkunu organizzati. Spjegat kif meta persuna tkun inċentivata biex tonfoq, se jinħoloq in-negozju għax se jkun hemm infiq addizzjonali. Pereżempju, jekk persuna f 'Diċembru se tixtri libsa jew tibdila, se tkun aktar inċentivata li tmur tiekol f 'ristorant biex tilbisha. Mara jekk se tmur tiekol f 'ristorant se tmur tagħmel xagħrha. Għalhekk saħqet li din l-ispinta hija importanti. "Jiena tkellimt ma' sidien ta' ristoranti. Bħalissa s-soltu jkunu diġà fully booked. Dis-sena ħadd mhu se jagħmel jew jorganizza xejn," insitiet Mamo. Fi kliemha, Diċembru jġib miegħu ċertu tip ta' 'rbit,' għax dak li jkun forsi se joħroġ aktar u għalhekk huwa ż-żmien li fih tiġġenera n-negozju. F'Jannar mhux daqshekk. "F'Jannar xtrajt dak li hemm bżonn, forsi biex niffranka u daqshekk. Jekk xtrajt libsa f 'Jannar mhu se mmur biha mkien," insistiet Mamo, waqt li fakkret li anke t-temp jilgħab parti importanti għax f 'Jannar u Frar x'aktarx jagħmel aktar maltemp minn Diċembru. "Diċembru huwa żmien in-negozju. Li tipprova toħloq in-negozju barra minn żmienu ma jagħmilx sens," kompliet tgħid. Fakkret ukoll li dan huwa ż-żmien meta sid ta' negozju x'aktarx li jkun nefaq aktar fin-negozju tiegħu, kemm fejn tidħol ir- riżorsa umana u anke fejn jidħol ir-reklamar mhux biss minħabba l-Milied imma anke minħabba l-Black Friday. "Jekk mhux se jkun hawn negozju, dan l-investiment kollu se jkun sar għalxejn," temmet tisħaq Mamo. Dwar l-istess suġġett, l-ILLUM tkellmet ukoll ma' Philip Fenech, il-President tas-Sezzjoni tat-Turiżmu u l-Ospitalità fi ħdan l-istess Kamra tal-SMEs li saħaq li huwa importanti li matul ix-xahar ta' Diċembru jinħoloq xi ftit jew wisq tal-kummerċ, għax fakkar li n-negozji mhux f'Diċembru biss se jkunu batew iżda tul sena sħiħa. Fenech insista li fis-settur li jirrappreżenta hu, partikolarment fejn jidħlu l-istabbiliment tal-ikel , hemm inċertezza kbira, anke għax wieħed ma jafx kif se tkun is-sitwazzjoni tal- pandemija fil-ġimgħat li ġejjin u għalhekk kulħadd qed iżomm pass lura meta jiġi biex jippjana jew inkella jibbukkja. L-inċertezza hija akbar fost is-sidien ta' bars li għalissa se jibqgħu magħluqa. Dan biex ma nsemmux il-clubs li ilhom magħluqa minn Awwissu. Mistoqsi jekk il-vouchers għandhomx jitqassmu f'Diċembru jew inkella f'Jannar, Fenech saħaq li fl-aħħar jiem u ġimgħat tkellem ma' diversi sidien ta' ristoranti u mhux kulħadd jaħsibha l-istess. Fi kliemu, hemm min qed jgħid li l-vouchers għandhom jingħataw f'Diċembru għax inkella dan iż-żmien se jkun diffiċli ħafna u hemm min qed jgħid li l-vouchers għandhom jinħarġu f'Jannar, anke għax f'Diċembru xorta waħda se jkun hemm ħafna restrizzjonijiet fuq kemm jistgħu jiltaqgħu persuni madwar mejda u għalhekk se jkun hemm min jagħżel li jibqa' d-dar. Apparti dan, kompla Philip, wieħed qed jittama li bir-restrizzjonijiet preżenti, sal- aħħar tas-sena l-każi jkunu naqsu u għalhekk aktar nies ikunu komdi joħorġu f'Jannar. Propju għalhekk li Philip Fenech insista li hemm bżonn jinħoloq bilanċ xi mkien fin-nofs waqt li insista li huwa importanti li f'Diċembru jkun hawn ftit negozju. "Ma ninsewx li l-industrija tad-divertiment toħloq negozju ieħor. Jekk sejrin jieklu, mara se tmur tagħmel xagħra jew tixtri libsa u raġel se jixtri xi tibdila sabiħa," insista Fenech. Kompla jfakkar li Lejlet l-Ewwel tas-Sena, aktar mill-Milied, hija l-akbar festa fl- industrija tad-divertiment fejn normalment tiġi ċċelebrata totalment bl-oppost tal- prinċipju tad-distanza soċjali. "Ma jista' jsir xejn. Anke jekk ristorant miftuħ ma tistax tilqa' gruppi kbar," kompla Fenech. L-ironija hi, kompla jgħid, li mill-banda l-oħra jidher li hawn domanda għall- akkomodazzjoni, bħall-kiri ta' farmhouses u anke flats. Waqt li saħaq li l-inċertezza u t-tħassib huwa kbir, insista li kulħadd huwa ħerqan li jinżlu n-numru u d-deċiżjonijiet dwar il-bookings se jkunu qed jittieħdu fl-aħħar ħinijiet. "Għadu kmieni biex wieħed ikollu stampa ċara. Ir-realtà hi li negozjant huwa reżiljenti u jagħmel dak kollu li jista' biex ikollu ftit ta' attività anke jekk bir-restrizzjonijiet u jaħdem kemm għall-aspett soċjali u anke dak ekonomiku," temm jgħid Fenech. "Dan mhux Milied normali. Jekk kulħadd jikkopera nistgħu ngħixu wkoll dan iż-żmien mingħajr ma nżidu l-problemi kemm dawk tas-saħħa u dawk ekonomiċi. Lanqas ma jagħmel sens l-argument ta' wħud li kważi kważi jisħqu li l-Milied għandu jkun ikkanċellat." 'Il-vouchers għandhom jinħarġu f'Diċembru ... f'Jannar se jkun tard wisq' 'Importanti li noħolqu ftit tan-negozju ... irridu nsibu bilanċ'