Illum previous editions

ILLUM 6 December 2020

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1315438

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 27

17 opinjoni illum • IL-ĦADD 6 TA' DIĊEMBRU 2020 Viżjoni mhux mina G ħaddew kważi għaxar snin mill- idea li jkun hemm mina taħt l-art għall-karozzi bejn Għawdex u Malta. Matul dawn is-snin, din il-proposta kienet fid-diskorsi politiċi kollha u matul is-snin qabdet momentum. F'kull attività politika f 'Għawdex din il-proposta tissemma b'mod rikorrenti. Iż-żewġ partiti politiċi ewlenin esprimew ruħhom favur il-kunċett ta' rabta permanenti bejn l-gżejjer ta' Malta u Għawdex bħala s-soluzzjoni għall-problemi kollha ta' Għawdex. Qed isir evidenti li l-politiċi qed jadottaw perspettiva dejqa ħafna u ma jikkunsidrawx jew forsi ma jridux jaraw, l-impatt ta' mina fuq il-futur fit-tul tagħna l-Għawdxin u Għawdex, mhux biss ekoloġikament, iżda wkoll soċjalment u ekonomikament. U dan biex jirbħu numru żgħir ta' voti jew biex ittaffu l-ilmenti ta' it negozjanti Għawdxin li wieħed tajjeb li jistaqsi x'inhu l-interess eżatt tagħhom għal dan il-proġett. Il-klima u l-kwalità tal-ħajja tan-nies m'għandhomx jiġu mnaqqsa. Ħareġ ċar maż-żmien li numru żgħir ta' elite kummerċjali huma favur din il-proposta u ilhom jimbuttaw u jagħmlu lobbying għaliha sena wara l-oħra. L-ironija hi li dawn l-istess negozjanti ilhom ġenerazzjonijiet igawdu minn sussidji u inċentivi, għax Għawdex huwa gżira. Aktar minn qatt qabel hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-futur ta' Għawdex. Il-politiċi huma dawk li jieħdu dawn d-deċiżjonijiet u għalhekk huwa importanti li l-poplu Għawdxi ikun jaf fejn hu mal-politiċi tiegħu. Il-proposta li jsir referendum f 'Għawdex dwar il-proġett tal-mina turi biss populiżmu, biex tintogħġob ma' kulhadd u nuqqas ta' viżjoni. Ta' min wieħed jinnota li l-proġett tal-mina ma jħallix effett fuq Għawdex biss, imma anke fuq Malta u allura jekk għandu jsir referendum dan għandu jkun nazzjonali. Taqbel jew ma taqbilx, bħala politiku għandek tkun onest, ċar u tieħu pożizzjoni biex tibda tkun kredibbli. Politika serja tħares lejn dak li Għawdex u l-Għawdxin għandhom bżonn u jistħoqqilhom. L-ewwel pass biex dan iseħħ hija viżjoni ħolistika, konkreta u studjata sew li għandha tkun il-fokus tal-politiċi u deċiżjonijiet kollha għal Għawdex. Minflok ma ninvestu f 'mina bejn iż-żewġ gżejjer, ikun iktar faċli li niddedikaw riżorsi biex nsebbħu, intejbu u noħolqu opportunitajiet ta' xogħol għal Għawdex biex inġibu rinaxximent ekonomiku tal-gżira b'mod strutturat u ambjentalment sostenibbli. Wieħed ma jistax jistabbilixxi viżjoni olistika bħal din f 'artiklu qasir, iżda għallinqas uħud mill-aspetti importanti jistgħu jiġu deskritti. Is-sejħa għandha tkun għal viżjoni għal Għawdex bħala gżira li hija 'smart', sinjura u li tistabbilixxi r-rotta għall-iżvilupp ekonomiku futur u l-ġid soċjali ta' Għawdex. Viżjoni bħal din tikkonċerna l-mod kif joperaw l-industriji ewlenin, bħat-turiżmu, l-innovazzjoni, l-agrikoltura, l-edukazzjoni u s-servizzi finanzjarji. Permezz tal- kreattività, l-użu tal-għarfien u l-ħiliet, Għawdex jista' jikseb żvilupp ekonomiku, u b'hekk jadotta viżjoni tanġibbli, reali u sostenibbli li żżid mal-kwalità tal- ħajja. Dan għandu jitkejjel b'mod attiv permezz ta' serje ta' Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni għal kull sett ta' proposti. Proposti bħal dawn għandhom jitfasslu bl-għajnuna mhux biss ta' ekonomisti u statistiċi iżda wkoll soċjoloġisti, innovaturi u esperti minn oqsma diversi. Meta titfassal viżjoni għal Għawdex, l-Għawdxin kollha għandu jkollhom vuċi, u mhux it privileġġati biss. Jekk irridu futur ta' ġid għal Għawdex irridu niżguraw li l-progress jiġi rreġistrat u jħalli effett u li dan iwassal għal benefiċċji tanġibbli. Filwaqt li link permanenti għall-karozzi ma toffrix soluzzjonijiet fit-tul, sistema tal-metro toffri approċċ aktar raġonevoli, flimkien ma' numru ta' konnessjonijiet ta' fast ferry bejn l-Imġarr, Marsalforn, Buġibba, Tas-Sliema, il-Belt, u l-Kottonera. Wieħed jista' faċilment jinnota l-effett pożittiv li ħalla fil-ħajja tal-Għawdxin ir- raba' vapur. Dan potenzjalment jattira lill-industriji bbażati fuq l-għarfien ġewwa Għawdex peress li jipprovdi aċċess konvenjenti għal żoni ta' divertiment għall-ħaddiema. Dan hekk kif dawn huma industriji li jħaddmu l-aktar żgħażagħ tipikament magħrufa li jiddevertu ħdejn il-post tax-xogħol. Ta' min ifakkar ukoll li wieħed mil- aspetti pożittivi tal-pandemija kien propju l-użu tat-tekonoloġija u allura l-kunċett ta' remote working li wera' li jista' jkun suċċess. Dan il-kunċett huwa ideali għal Għawdex, speċjalment bis-sehem tal- Gozo Innovation Hub. Hemm bżonn nieqfu nagħmlu politika bla viżjoni, politika li minnha jgawdu l-politiċi u numru żgħir ta' persuni fin- negozju, politikament u finanzjarjament. Nemmen li ninsabu f 'dan il-mument importanti u issa wasal iż-żmien li nagħmlu qabża 'l quddiem u nwasslu lil dan il-pajjiż viżjoni mhux biss għal Għawdex iżda wkoll għal Malta. Din il- viżjoni għandha tkun ta' benefiċċju għall- ħafna ġenerazzjonijiet preżenti u futuri ta' Għawdxin, Maltin, imprendituri u barranin li jridu jgħixu u jirnexxu fil-gżira. Nemmen li l-potenzjal ta' Għawdex huwa bla limitu u għadu mhux sfruttat. L-iżvilupp ta' viżjoni bi pjan sostenibbli jwassal għal tant progress soċjali u ekonomiku li potenzjalment isir l-iktar reġjun attraenti fil-gżejjer Maltin f 'dawn l-oqsma. Għawdex m'għandux jinqabad f 'battalji politiċi. Ejjew nibnu futur sostenibbli b'ideat innovattivi, bl-għan ewlieni li niżguraw il-benesseri ta' Għawdex u l-Għawdxin. Investiment f 'Għawdex huwa investiment f 'Malta. Futur għal Għawdex huwa futur għal Malta. Ryan Cefai Mercieca huwa Opinjonista u Riċerkatur Ryan Cefai Mercieca

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 6 December 2020