Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1324021
09 intervista illum • IL-ĦADD 3 TA' jANNAR 2021 ... Ġieli nara wiċċ xi ħadd u jispirani' Camilleri Cauchi. L-ewwel statwa li taw l-opportunità lill-pubbliku biex jaraha fl-istat oriġinali tagħha kien il-Marbut ta' Ħal Għaxaq. Aaron Camilleri Cauchi spjega kif qabel din il-vara, l-aħħar statwa tal-injam għall- Ġimgħa l-Kbira kienet dik tar-Redentur ta' Bormla, maħduma 152 sena qabel. "Għalhekk il-ġenerazzjonijiet tagħna u anke ta' qabilna, qatt ma kienu raw statwa tal-injam fl-istat orġinali. Meta lestejna din l-istatwa, lill-missieri għidtlu ħasra li ħadd mhu se jkun raha fl-istat oriġinali tagħha u minn hemm ġiet l-idea li nibdew nesebixxu l-istatwi tal-injam qabel nagħtuhom iż- żebgħa u ssirilhom il-polikromija," spjega. "Kif għidtlek qabel, il-prodott finali, bejn statwa tal-kartapesta u tal-injam huwa kważi kważi identiku. Almenu wara sena xogħol, ix-xogħol tal-iskultur ikun jista' jiġi apprezzat." Ħadem xi statwa li baqgħet wisq għal qalbu? L-ILLUM staqsiet lil Aaron Camilleri Cauchi jekk hemmx xi statwa partikolari li ħadem u li tibqa' għal qalbu ħafna, forsi aktar minn oħrajn. Sabha diffiċli biex jagħżel waħda biss. Għal qalbu huma l-istatwa ta' Santa Marija li tittella' fuq pedistall quddiem is- Sede tal-Banda Leone tar-Rabat Għawdex u l-proġett sħiħ tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira għal Ħal Għaxaq. L-ILLUM innutat li kontinwament Aaron Camilleri Cauchi beda jsemmi l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Tistaqsih kemm hu għal qalbu dan iż-żmien u x-xogħol marbut miegħu. "Il-Ġimgħa l-Kbira personalment inħobbha ħafna. Apparti minn hekk, forsi tinstema' stramba, imma nħobb is-suġġett tat-tbatija," saħaq. "Fl-arti, is-suġġett tat-tbatija huwa interessanti ħafna biex tesprimih." Imbagħad hemm vari oħra li jibqgħu għal qalbu u qalb missieru, b'mod partikolari Kristu Re ta' Raħal Ġdid. "Għall-missieri huwa l-mimmi ta' għajnejh," insista. Iżda din mhijiex l-uniku vara titulari li ħadmu. Riċentament ħadmu l-vara titulari ta' San Ġorġ Preca tas-Swatar u anke l-vara ta' Santu Wistin tal-Belt Valletta, li sal- lum għadha qed titgawda fl-istat orġinali tagħha. "Dettall żgħir u ħelu," kompla jgħidilna l-artist, "huwa fl-anġlu li għandu miegħu Santu Wistin. Wiċċu kont ħdimtu fuq wiċċ it-tifel tiegħi. Ħafna artisti jagħmluha. Missieri kien għamel lili u lil ommi f 'waħda mill-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira Ħal Qormi." 'Dejjem ninsisti li nitħalla fil-libertà' Ovvjament hemm ċertu simboliżmi li ma jistax iħalli barra meta qed jaħdem statwa ta' qaddis. Madanakollu, l-ILLUM tistaqsih kemm jitħalla fil-libertà meta persuna jew għaqda tmur għandu u tordna statwa. Camilleri Cauchi insista li hu mill-ewwel jesprimi x-xewqa li jitħalla fil-libertà. "Kull artist għandu l-istil tiegħu u għalhekk min jiġi għandek sinjal li għax ikun jogħġbu l-istil tiegħek," spjega. "Nesiġi ħafna fuq il-libertà. Hemm simboliżmi li tkun marbut bihom, imma bħala pożizzjoni u moviment inkun irrid il-libertà. Hekk taħdem aktar għal qalbek." Insista li ġieli kien hemm drabi fejn ma aċċettax biċċa xogħol għax min ikkummissjona l-istatwa rrestrinġieh ħafna. "Meta ma tkunx komdu tagħmel xi ħaġa, ma tkunx qed tagħmilha għal qalbek. Jien dejjem ngħid li jekk ma nkunx kuntent bi statwa jien, mhux se jkunu n-nies." 'Artist irid ikun osservatur tajjeb' L-ILLUM tistaqsih fuq il-muża. Ġieli jbati biex jibda jaħdem fuq statwa? Beda jwieġeb li mingħajr muża ma tagħmel xejn. "Jiġi perjodu fejn tinxef mill-ideat. L-artist għandu l-ħajja personali tiegħu. Kulħadd ikollu l-problemi tiegħu. Ġieli jkollok statwa tagħmel sigħat tħares lejha u ma tkunx tista' taħdem għax ma jkollokx ideat. Ġieli jkollok xogħol dejjem tipposponih. Imbagħad ġieli tkun qed toħlom u tiġik idea jew tkun xi mkien u tara wiċċ xi ħadd li jispirak," kompla jispjega. Fil-fatt, Camilleri Cauchi insista li artist irid ikun osservatur tajjeb u fi kliemu din hija l-ewwel ħaġa bażika li għandu jitgħallem artist. "Il-ħin kollu tosserva. Anke l-espressjoni fl-uċuh ta' nies. Qabel trid tkun kreattiv trid tkun kapaċi tosserva. Nitakar f 'persuna li ma għadux magħna, li kellu wiċċu espressiv wisq anke d-daqna tiegħu. Kważi kważi kif tarah kont nimmaġinah statwa ta' xi appostlu, xi Sant'Andrija," kompla l-artist. Missieru jagħtih pariri? Aaron Camilleri Cauchi ħa s-sengħa minn missieru. L-ILLUM tistaqsih jekk jitolbux parir fuq statwa li jkun qed jaħdem. "Anke jekk ma nitolbux parir jagħtihuli," qalilna bid-daħka. "Jien nitolbu dejjem parir. Taf kemm taf, dejjem tibqa' titgħallem. Hu jħallini nimrah fl-istil tiegħi. Għandu esperjenza kbira." Ġieli ma jaqblux? "Il-ħin kollu. Anke meta nkunu qed naħdmu flimkien fuq l-istess proġett." kompla jgħidilna jidħaq. "Dan hu s-sabiħ. Għandek żewġ persuni, bl- ideat u l-kreattività tagħhom u qed jaħdmu flimkien. Mhux faċli li żewġ artisti jaħdmu flimkien. Naslu għax missier u iben. Fl- aħħar mill-aħħar dejjem inkunu rridu aħjar minn dak li nkunu qed nagħmlu. Qatt ma nistgħu nilħqu l-perfezzjoni imma sabiħ li tipprova tilħaqha." X'fatturi jieħu inkonsiderazzjoni qabel jaħdem statwa? Tkellimna wkoll miegħu dwar l-istili differenti u anke l-aspetti li jrid jieħu inkonsiderazzjoni meta qed jaħdem statwa. Hemm ħafna fatturi li bħala statwarju jieħu inkonsiderazzjoni. "Dejjem trid taddatta kemm għall-post u anke għall-użu li statwa se jkollha. Jekk hijiex vara ta' devozzjoni, bħal vara tal- Ġimgħa l-Kbira, jekk hux se tkun fuq pedistall fit-toroq jew hijiex statwa ta' marċ li trid tkun aktar allegruża," saħaq l-istatwarju. Hemm ħafna fatturi oħra. Meta statwa se tkun fuq pedistall jew inkella f 'niċċa li hija baxxa, irid jieħu inkonsiderazzjoni wkoll il-qisien biex jara kemm se jagħmel il-wiċċ iħares 'l isfel. "Jekk għandek pedistall għoli, idealment tagħmilha tħares aktar 'l isfel biex il-ħarsa tagħha tiltaqa' ma' dik tan-nies," spjega l-artist. "Jekk se tintuża għall-purċissjoni, apparti l-pedistall hemm l-għoli tal- ispalla tar-reffiegħa u għalhekk ukoll trid tikkalkula l-ħarsa." Hemm ukoll id-devozzjoni. Erġajna dorna għas-suġġett tat-tbatija marbut mal- Ġimgħa l-Kbira. Spjega kif permezz tal- vara, bħala statwarju jrid iwassal u jgħin lil min qed iħares lejn l-istatwa biex jiem dak li l-Mulej għadda minnu. "Aħna ma rridux nieqfu biss mal-istatwa." "Għandek l-att artistiku, reliġjuż u sagru flimkien. L-arti sagra, kważi kważi tgħabbi lill-artist b'aktar responsabbilità," kompla jispjega. "Il-poplu statwa jagħmilha tiegħu. Inħossu li hija tagħna. Hija parti mill- kultura, mill-identità u l-ħajja tagħna." 'Nippreferi nistaħba f 'kantuniera ta' knisja u nisma' n-nies jikkummentaw fuq xogħli' Fl-aħħar nett l-ILLUM tistaqsih kemm hu apprezzat ix-xogħol tagħhom. Beda jfakkar li l-istorja dejjem tirrepeti ruħha u l-artist, jagħmel x'jagħmel, huwa apprezzat dejjem aktar wara mewtu milli f 'ħajtu. Madanakollu insista li n-nies japprezzaw u dan jinnutah anke meta jdur festi u n-nies iwaqqfuh u jkellmuh fuq xogħlu. "Jiena mistħi ħafna. Nippreferi nistaħba f 'kantuniera fi knisja u nara n-nies japprezzaw ix-xogħol tiegħi. Mhux l-ewwel darba li nagħmilha. Nitħallat man-nies, għax ma jkunux jafuni u nieħu gost nismagħhom jitkellmu fuq xogħli, anke jekk qed jagħmlu kritika kostruttiva," temm jgħid l-artist. Aaron Camilleri Cauchi – Ritratt: James Bianchi

