Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1332643
06 aħbarijiet IL-ĦADD 24 TA' JANNAR 2021 • illum 'L-intenzjoni tiegħi hija li nitfa' ismi għal Segretarju Ġenerali, iva' - Zammit Dimech ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Minkejja li sena ilu - Frar tal-2020 - Francis Zammit Dimech kien inħatar Segretarju Ġenerali Interim tal- Partit Nazzjonalista huwa kkonferma mal-gazzetta ILLUM illi l-intenzjoni tiegħu hija li jibqa' fil-kariga li għandu llum u li mistenni jkun hemm deċiżjoni dwarha f 'Marzu li ġej mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Sorsi fi ħdan il-PN qalu lil din il-gazzetta illi ma jidhirx li Zammit Dimech se jkun qed jitneħħa minn din il- kariga li mistennija tkun importanti fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Jidher iżda li minflok it-tmexxija tal-PN se tkun qed timbotta lid-Deputat Claudio Grech biex ikun il- frontman tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. L-istess sorsi qalu illi l-PN qed ilesti għall-eventwalità ta' elezzjoni ġenerali iktar tard din is-sena. Il-gazzetta ILLUM ċemplet lil Francis Zammit Dimech u staqsietu hux se jkun qed jitfa' ismu bex jibqa' fil-kariga li għandu llum bir-risposta tkun: "Dik hija l-intenzjoni, iva." Jekk Francis Zammit Dimech jibqa' Segretarju Ġenerali, dan ikun ifisser illi l-Kap tal-PN Bernard Grech se jkun qed jersaq għall-elezzjoni bi tmexxija li kellu l-Kap predeċessur tiegħu Adrian Delia. Il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo, irrappurtat illi kien fost dawk li rreżistew bil-qawwi tibdil fid-dekasteru tax-Shadow Cabinet tiegħu, ikkampanja b'mod apert u intensiv favur Adrian Delia, fl-aħħar elezzjoni għal Kap ġdid Nazzjonalista. Il-Viċi Kap l-ieħor David Agius, minkejja li kien fost dawk li baqgħu leali lejn Delia, it li xejn ippronunzja l-opinjoni tiegħu waqt it-tiġrija għal Kap ġdid tal-PN. Intant l-istess sorsi kkonfermaw li d-dekasteru mogħti lil Claudio Grech - li jinkludi t-tfassil tal-programm elettorali u t-tmexxija tal-clusters fi ħdan il-PN - kien sinjal ċar ta' approvazzjoni u ċertifikat pożittiv għal dan id-Deputat. Grech fil-fatt, mistenni jkun wieħed minn dawk il-persuni fuq quddiem fil-preparazzjoni għall- elezzjoni ġenerali. Grech - persuna li kienet ilha tissemma' għall-ogħla kariga fil-PN - kien se jkun il-magħżul tad-Deputati ribelli, meta dawn urew sfiduċja f 'Adrian Delia quddiem il-President tar-Repubblika. Iżda dan il-pjan inbidel u minflok kienet proposta bħala Kap tal-Oppożizzjoni erese Comodini Cachia. Tela' fl-1987 u dam 16-il sena f'Kabinett Nazzjonalista. Francis Zammit Dimech, ta' 67 sena, serva bħala Deputat għall-ewwel darba fl-1987, meta kien elett l-ewwel Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami. Huwa okkupa diversi karigi f'Kabinetti ta' Gvernijiet differenti Nazzjonalisti, fosthom tal-Ambjent, Turiżmu u Kultura kif ukoll tal-Affarijiet Barranin. Huwa serva wkoll ta' MEP wara elezzjoni każwali li permezz tagħha ħa post Therese Comodini Cachia, li kienet ġiet eletta fil-Parlament ta' Malta. Hu sar Segretarju Ġenerali wara r-riżenja ta' Clyde Puli, li fl-ittra tar-riżenja tiegħu kien kritiku dwar kurrenti li kienu għaddejjin fil-PN, li jgħid illi ma ħallewhx jaħdem. X'se jiġri minn issa sa Marzu? Il-PN diġa' organizza l-elezzjonijiet tal-Kumitati Lokali u fil-jiem li ġejjin se jkomplu għaddejjin l-elezzjonijiet tal- Kumitati Distrettwali, li ġew posposti għal ftit ġimgat minħabba l-Covid-19. Dan kollu se jwassal għall-Konferenza Ġenerali lejn Marzu li tagħżel lill-membri tal-Eżekuttiv tal-PN li mbagħad ikunu huma li jagħżlu b'vot lis-Segretarju Ġenerali. Is-Segretarju Ġenerali jeħtieġ ikun membru tal- Eżekuttiv tal-PN.