Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1339765
21 editorjal illum • IL-ĦADD 14 TA' FRAR 2021 ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Editur: Albert Gauci Cunningham Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt D an l-editorjal iħoss li minn estrem morna għall-ieħor. Minn żmien u perjodu ta' snin fejn il-militanza politika kienet gglorifikata - bil-konsegwenzi kollha li din ġabet magħha - għal politika fejn l-aktar importanti huwa x'kulur ta' ingravata se jilbes il-mexxej, jekk il-Kap hux se jbikkina hu u jitkellem u politika li ddur kważi esklussivament mal-immaġini: Kif tidher, kif jarawk, kemm tpaħpaħ make up ma' wiċċek qabel xi programm, u jekk id-diskors għandux intonazzjoni tajba jew le. Fi kliem ieħor kemm jaf jitkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Prim Ministru kif ukoll jekk jidħakx, jitbissimx biżżejjed u huwiex "dħuli" u "kariżmatiku." Ejja ngħidu li dan kollu huwa importanti, wara kollox l-għajta nofs il-bejgħ u llum l-immaġini kapaċi tattira iktar nies lejn partit u timbuttahom minn ieħor. Pero' din il-fissazzjoni fuq il-PR, m'għandhiex fl-għażla ta' kull wieħed u waħda minnha tieħu post il-mistoqsija kruċjali u kardinali li titratta s-sustanza. Fis-sustanza, fir-realtà, fil-but, għall- futur x'differenza qed jagħmel il-Gvern? U x'differenza qed twiegħed li tagħmel l-Oppożizzjoni jekk tkun fil-Gvern? Bil-kliem u l-oratrija m'initix se tmexxi pajjiż fl-agħar kriżi ekonomika u ta' saħħa li qatt kellna mill-1945, meta spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija. M'intix se tilqa' għall-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja tagħha l-industrija tat-turiżmu waqfet ħesrem u minn snin ta' rekord fuq rekord inżilna (litteralment) għaż-żero. Bil-PR u l-kulur tal-ingravajjet m'aħniex se nipproteġu l-ambjent rurali u anke dak urban mir-rgħiba u minn politiċi fil-bwiet ta' żviluppaturi li kieku tagħtihom iċ-ċans jibnu kullimkien. Lanqas se tilmla' l-but ta' min, aktar u aktar illum, mhux qed ilaħħaq mal-ħajja, bil-paga ma sserviħx sal-aħħar tax-xahar u fuq il-preċipizzju tal-faqar. U nistgħu nibqgħu għaddejjin b'eżempji varji. Jekk tassew irridu pajjiż aħjar, pajjiż b'saħħtu ekonomikament, li jirrispetta lin-natura, li jkollu spazji ħodor, fejn it-trasport huwa effiċjenti u t-traffiku huwa inqas, fejn isaltan il-wens u pajjiż li jwitti t-triq lil kull min jixtieq jagħti servizz, jagħmel unur, iwettaq riċerka jew iwettaq proġetti ta' kalibru, għandna nistaqsu mistoqsija sempliċi: Min kapaċi jwettaq dan? Min kapaċi jsaħħaħ lil dan il-pajjiż? Min kapaċi jsib is-soluzzjonijiet għall-akbar problemi, anke dawk l-inqas mistennija - bħall-pandemija tal-Covid-19? Min kapaċi jkollu statura politika b'saħħitha biex jikseb il-fondi, ir-rispett u l-konvinzjoni fl-istituzzjonijiet Ewropej? Min kapaċi jkun bla ħniena quddiem il-korruzzjoni, il-ħmieġ u dawk in-nies li jaħsbu illi l-pajjiż huwa xi fonti, jbillu subgħajhom xħin u meta jridu? Min għandu s-saħħa morali li jkeċċi lil min jiżbalja u li jagħmel dak li huwa sew? Min huwa faċċata u min huwa 'the real deal'? Min jista jiggarantixxi Gvern stabbli u magħqud? U min - bejn Robert Abela u Bernard Grech, kapaċi jwassalna għall-futur? Min minnhom kapaċi jibni ekonomija ġdida wara l-Covid-19 - ekonomija bbażata fuq dak kollu li huwa diġitali, is-sostenibbilità u l-kompettitività? Min minnhom kapaċi jwieġeb l-aħjar għall-isfidi li għandna u li se jkompli jkollna fil-futur? U finalment, min minnhom kapaċi jiggverna b'umiltà, sens ta' responsabilità u mħabba vera lejn il- pajjiż u lejn il-Maltin u l-Għawdxin kollha, mhux lejn dawk biss tal-kulur tiegħu? Hekk kif bdew jidhru l-ewwel sinjali ta' ħidma fost il-kandidati, deputati u Ministri fuq livell distrettwali, sinjal ta' preparazzjoni għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, huma dawn il-mistoqsijiet li rridu nwieġbu. Ejja nibdew ninfatmu mis-superfiċjalità tal-immaġini u nħarsu lejn min verament jista' jagħmel differenza pożittiva għal Malta u Għawdex tagħna fis-snin li ġejjin. Hija din l-aqwa deċiżjoni li nistgħu nieħdu, meta nintalbu neħduha, għax hija deċiżjoni infurmata mhux għamja u deċiżjoni bbażata fuq is-sustanza, mhux l-arja! Mhux kemm jafu jitkellmu... kemm kapaċi jwettqu!