Illum previous editions

ILLUM 7 March 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1347838

Contents of this Issue

Navigation

Page 12 of 27

13 intervista illum • IL-ĦADD 7 TA' MARZU 2021 Minn dan il-bieb toħroġ ukoll 'purċissjoni,' magħrufa bħala "il-ħruġ il-kbir" bl-offerta tal-ħobż u l-inbid. Interessanti li fir-rit Biżantin ma jintużawx ostji imma ħobż u jiġi ppreparat bilfors mis-saċerdot qabel il-quddies, b'rit li jieħu madwar 20 minuta. Il-Papàs spjegalna kif jiġi ppreparat il-ħobż pass pass, għax kull biċċa ħobż, anke skont il-forma tagħha, tfisser xi ħaġa. Fuq il-patena (bħal platt), fin-nofs, titpoġġa biċċa ħobż forma ta' kaxxa li tissombolizza l-Ħaruf (Kristu). Kull biċċa ħobż oħra tissimbolizza l-arkanġli, il-Madonna, San Ġwann Battista, l-Appostli u oħrajn. Biċċiet oħrajn huma l-offerta tal-Papa, l-Arċisqof, il-ħajjin u l-mejtin. Ma' kull biċċa ħobż li titpoġġa hemm talba. "Fuq il-platt hemm il-Knisja kollha. Is- Saċerdot jissimbolizza lil Kristu. Huwa Kristu li qed iqaddes. Mela hu Kristu li qed joffri dan kollu lil Missier. Aħna ngħidu Kristu huwa l-offerta u dak li jagħmel l-offerta," spjega l-Papàs waqt li tenna li l-essenza tal-quddiesa hija l-istess. Hemm differenza żgħira oħra fejn jidħlu s-Sagramenti. Tarbija tingħata s-Sagrament tal-Magħmudija, l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma fl-istess quddiesa. Apparti minn hekk, fi knisja tar-Rit Biżantin ġeneralment issir quddiesa waħda filgħodu għax għandek ċiklu. Il-Liturġija tibda bl-Għasar (talb ta' filgħaxija), il-kompita (qabel l-irqad), fil-festi l-kbar ġieli jkollok lejl sħiħ ta' talb, il-Matutin (talb ta' filgħodu) u l-liturġija tilħaq il-qofol tagħha bil-quddiesa. Kont taf li l-bajda tal-Għid ġejja mill- Orjent? L-Għid huwa wara l-bieb u dalwaqt jibda l-bejgħ tal-bajd. Imma kont taf li t-tradizzjoni tal-bajd tal-Għid ġejja mill-knejjes tal-Orjent u hi xi ħaġa sagra? Il-Papàs Zammit spjega kif il-bajda hija simbolu ta' ħolqien ġdid. Bħala parti mir-rit taċ-ċelebrazzjoni tal-Għid, il-Papàs iqassam bajd iebes ikkulurit lill-kongregazzjoni, liema bajd ikun imbierek. "Ġeneralment ikun miżbugħ aħmar, simbolu tad-divinità. Hemm talba apposta biex dan jitbierek. Kien hemm Maltin li kienu jieħdu dan il-bajd imbierek u jpoġġuhom wara l-vettrina jew it-twieqi biex jipproteġu kontra s-sajjetti," kompla jispjega. Għaliex sar saċerdot ta' dan ir-rit? U kif inhu miżżewweġ? Martin Zammit huwa Professur tal- Università. Huwa saħansitra espert tal-Għarbi fejn kien anke traduttur tal-Prim Ministru Mintoff. Espert ukoll tal-Malti u l-Grieg. Imma huwa wkoll miżżewweġ, missier u nannu! Mela kif erba' snin ilu sar saċerdot? U għaliex għażel dan ir-rit? Il-Papàs spjega kif hu trabba fl-ambjent Latin bħall-bqija tal-Maltin. Kien abbati fil- knisja ta' San Franġisk tal-Belt Valletta imma din il-knisja tal-Griegi, li kien jgħix it 'il bogħod minnha, kienet tiġbdu ħafna, anke minħabba l-ikoni. F'din il-knisja, snin ilu, huwa saħansitra żżewweġ. "Qatt ma kelli l-ħsieb li nqaddes. Imma l-pjan ikun qed jinħadem mingħajr ma inti tkun taf," saħaq il-Papàs. Fil-fatt, kien il-Papàs George Mifsud Montanaro li kien staqsih jekk jitħajjarx iqaddes. "Lanqas tant ħadtha bi kbira. Kont drajt il-liturġija. Hawn kienet qisha t-tieni dar. Ġiet naturali ħafna," saħaq il-Papàs u lanqas ma sab oppożizzjoni mill-familja. "Kont nitlob għat-tfal biex xi ħadd jordna u spiċċajt ordnajt jien. Ma qattx naħseb jekk in-nies jew sħabi tal-Università kinux se jidħku bija. Ġiet naturali." Kif jista' jiżżewweġ? X'jaħseb fuq iċ- ċelibat? Imma kif saċerdot tar-rit Latin ma jistax jiżżewweġ u dak tar-rit Biżantin jista'? Il- Papàs spjega kif il-Vatikan għandu żewġ kodiċi (liġijiet), wieħed għall-Orjentali u l-ieħor għal-Latini. Fil-każ tal-Latini, iċ-ċelibat huwa obbligu imma għall-Orjentali le, għalkemm min se jordna qassis, irid ikun iżżewweġ qabel. Mistoqsi kif iħares lejn iċ-ċelibat, il- Papàs insista li dan huwa importanti u huwa don kbir għal min jirnexxielu jgħixu. "Huwa sabiħ iżda mhux għal kulħadd. Importanti imma mhuwiex l-uniku triq. Il-Knisja stess tippermetti li hemm toroq l-oħra. L-istess kif saċerdot jista' jagħżel li jew ikun reliġjuż u għalhekk jgħix f 'monasterju jew kunvent jew inkella jibqa' fid-djoċesi," saħaq il-Papàs Zammit. Irrakkonta kif hu qatta' it żmien fil- Kulleġġ Grieg ta' Ruma, fejn is-seminaristi kważi kollha kellhom l-għarusa. "Kif ilestu s-seminarju u jmorru lura f 'pajjiżhom, l-ewwel ħaġa li jagħmlu huwa li jiżżewġu, it wara jordnaw djakni u mbagħad jordnaw saċerdoti. Ġeneralment ikun ir-rettur tagħhom li jagħmlilhom dan kollu," saħaq. 'Ġejt milqugħ tajjeb ħafna ħafna' L-ILLUM tistaqsih jekk qattx kien hemm Maltin li forsi nġibdu lura minnu għax jafu li hu saċerdot iżda miżżewweġ fl-istess ħin. "Qatt. Ġejt milqugħ tajjeb ħafna. Jiena saħansitra kont mistieden għamilt l-irtir tal-Kappillani," saħaq, waqt li tenna li dejjem jistagħġeb bir-rispett li jagħtih l-Arċisqof Scicluna. Minkejja dan kollu, anke għax forsi jista' jkun hawn min din il-ħaġa ma jiimix, jippreferi li jżomm lura u jaħdem fis-skiet. "Jiena ma rridx noħloq konfużjoni. Nibqa' f 'posti. Minn hawn jien nista' nagħmel ħafna ġid. Qatt ma ħsibt li hawn daqshekk problemi. Hawn sabiħ għax aħna komunità żgħira u kulħadd għandu interess ġenwin f 'xulxin," temm jgħid l-Papàs. "Naħseb li dan huwa l-futur tal- parroċċi tagħna u ma fiha xejn ħażin. Hekk kienu l-ewwel knejjes u wara kollox Kristu qal: fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f 'ismi hemm inkun jien f 'nofshom." tal-Għarbi u Papàs; L-ILLUM tiltaqa' RITRATT: JAMES BIANCHI

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 March 2021