Illum previous editions

ILLUM 7 March 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1347838

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 27

06 aħbarijiet IL-ĦADD 7 TA' MARZU 2021 • illum Il-varjanti kien jonqos! Imma għandna għaliex ninkwetaw? Għax mexjin bil-vaċċin issa qed nisimgħu ħafna aktar fuq il-varjanti tal-Covid-19 li wieħed minnhom qed jinxtered ukoll f'Malta. Imma għandna għaliex ninkwetaw? Dawn huma aktar perikolużi? Il-vaċċin jaħdem kontrihom? U dan minn fejn inqalgħu? YENDRICK CIOFFI Kulma jmur qed nisimgħu ħafna dwar il-varjanti tal-Covid-19 li f 'diversi pajjiżi, anke Ewropej, kienu l-kaġun wara splużjoni fir- rata tal-infezzjoni u saħansitra waslu għal restrizzjonijiet u lockdowns stretti mmens, bħalma ġara fir-Renju Unit. Wieħed minn dawn il-varjanti huwa preżenti u qed jinxtered ukoll f 'Malta. Imma dawn il-varjanti x'inhuma? Huma aktar perikolużi mill-Covid-19 'normali?' Għandna għaliex ninkwetaw? Il-vaċċin jaħdem kontrihom? F'dan l-artiklu, il- gazzetta ILLUM se tipprova, fi kliem sempliċi, twieġeb dan kollu. L-ewwel u qabel kollox, wieħed ta' min jiem li kwalunkwe virus jinbidel kontinwament b'dak il-proċess naturali li jissejjaħ mutazzjoni, fejn ikollok bidla fl- istruttura tal-ġene. Xi drabi dawn il-varjanti ta' virus jisparixxu waħedhom iżda oħrajn jippersistu u jsiru dominanti. Għalhekk ma kinitx sorpriża li anke l-Covid-19 jiżviluppa dawn il-varjanti. X'inhuma l-varjanti li nafu bihom? Tista' tgħid li jeżistu eluf ta' verżjonijiet jew varjanti tal- Covid-19. Ħafna minn dawn il- varjanti ma jbiddlu kważi xejn mill-virus iżda oħrajn jistgħu jkunu aktar b'saħħithom u jinxterdu aktar malajr. Sa issa, hemm tliet varjanti li qed jissemmew u li qed iqajmu tħassib: • Il-varjant tar-Renju Unit (magħruf ukoll bħala B.1.1.7). Dan huwa l-varjant li sar dominanti fir-Renju Unit u li nxtered ukoll f 'madwar 50 pajjiż ieħor, inkluż f 'Malta. • Il-varjant tal-Afrika ta' Isfel (magħruf ukoll bħala B.1.351) li nstab f '20 pajjiż. F'Malta nstab biss każ wieħed. • Il-varjant tal-Brażil (magħruf ukoll bħala P1). Dan instab f 'erba' persuni li kienu qed jivjaġġaw lejn il-Ġappun. Ma jidhirx li dan daħal Malta. Imma dawn il-varjanti huma aktar perikolużi? Sa issa ma hemm l-ebda evidenza li turi li dawn il-varjanti huma aktar perikolużi jew inkella jikkawżaw infezzjoni aktar serja. Madanakollu, bħal Covid-19 normali, il-varjanti għandhom effett aktar negattiv fuq anzjani u persuni oħra vulnerabbli, inkluż dawk li jbatu minn mard kroniku. Jidher biss li dawn il-varjanti jinxterdu aktar malajr. Ovvjament, aktar ma jkun hawn persuni infettati, aktar hemm ċans li jkun hemm pazjenti li jiżviluppaw kumplikazzjonijiet u aktar hemm ċans li jkun hemm vittmi. Fil-fatt, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard wissa li jekk ma jiġux ikkontrollati, dawn il-varjanti jistgħu iżidu l-pressjoni fuq is- sistemi tas-saħħa. "Għalkemm ma hemmx informazzjoni li l-infezzjonijiet b'dawn il-varjanti huma aktar severi, minħabba l-fatt li jinxterdu aktar malajr, l-impatt tal-Covid-19 f 'termini ta' nies li jkollhom bżonn kura fl-isptarijiet u anke fir-rata tal-imwiet huwa meqjus għoli, partikolarment fost l-anzjani u persuni oħra vulnerabbli," saħqet l-Aġenzija. X'nafu dwar dawn il-varjanti? Kif spjegat aktar qabel, ir-riċerka qed turi li dawn il-varjanti inbidlu b'tali mod li jistgħu jinxterdu aktar malajr. Fil-fatt, ħaġa komuni f 'dawn il-varjanti (u li dehret l-aktar fil-varjant tal-Afrika ta' Isfel), hija li dawn żviluppaw mutazzjoni fil-ġene li tifforma dik ix-xekwa, li jkun hemm fil- virus (li bl-Ingliż tissejjaħ spike), jiġifieri dik il-parti tal-virus li 'taqbad' maċ-ċelloli umani. Fil-każ tal-varjant tar-Renju Unit, li feġġ f 'Settembru, jidher li dan jinxtered 70% aktar faċli mill-Covid-19 komuni, anke jekk hemm studji oħra li jisħqu li dan il-persentaġġ huwa inqas. L-aktar li qed iqajjem tħassib jidher li huwa l-varjant tal- Afrika ta' Isfel. Fi kliem sempliċi, jidher li dan il-virus inbidel b'tali mod li jista' jevadi partijiet mis- sistema immunitarja, jew inkella dawk l-antibodies li l-ġisem ikun żviluppa biex jiġġieled il- Covid-19, jew għax il-persuna kellha l-virus qabel jew inkella għax tkun ħadet il-vaċċin. Il-varjant tal-Brażil, li deher għall-ewwel darba f 'Ġunju, jixbah ukoll lil dak tal-Afrika ta' Isfel. Il-vaċċin se jaħdem kontra dawn il-varjanti? Ovvjament, it-tipi ta' vaċċin li hawn disponibbli bħalissa ġew żviluppati fuq 'verżjonijiet' tal- Covid-19 li kienu dominanti xhur ilu. Madanakollu, ix-xjentisti jemmnu li t-tipi ta' vaċċin disponibbli xorta waħda jistgħu jaħdmu kontra dawn il-varjanti, anke jekk l-effettività tista' tvarja. Studji riċenti qed jissuġġerixxu li l-vaċċin ta' Pfizer jista' jipproteġi kontra l-varjanti l-ġodda, anke jekk jista' jkun hemm differenza fl-effettività Tipi oħra ta' vaċċin li mistennija jkunu approvati dalwaqt, jiġifieri dawk ta' Novavax u anke Jannsen, jidher li joffru wkoll protezzjoni kontra dawn il-varjanti. Skont AstraZeneca u Oxford, il-vaċċin tagħhom huwa b'saħħtu biżżejjed biex jiġġieled bl-istess mod il-varjant tar-Renju Unit. Jidher li dan joffri it inqas protezzjoni kontra l-varjant tal- Afrika ta' Isfel, anke jekk xorta waħda jista' jkun biżżejjed biex jevita infezzjoni jew sintomi severi. Għalhekk, bħalissa x-xjentisti qed jaħdmu biex jimmodifikaw il- vaċċin ta' Oxford u Astra Zeneca biex ikun aktar effettiv kontra dan il-varjant. L-ewwel riżultati minn Moderna jissuġġerrixu li l-vaċċin huwa effettiv ukoll kontra l-varjant tal-Afrika ta' Isfel, anke jekk ir-rispons immunitarju jista' jkun inqas b'saħħtu jew inkella jdum inqas. Ovvjament, 'il quddiem jistgħu jiżviluppaw varjanti li fuqhom it-tipi ta' vaċċin disponibbli ma jkunux daqshekk effettivi. Madanakollu, skont esperti, fi żmien it ġimgħat, jew inkella xhur, il-vaċċin jista' jkun immodifikat b'tali mod li jkun jilqa' aktar kontra varjanti ġodda. Wara kollox dan huwa dak li jiġri fil-każ tal-influwenza. Kull sena tingħata tilqima ġdida biex tilqa' kontra bidliet li jista' jkun hemm fil-virus tal-influwenza. X'nafu b'ċertezza? Filwaqt li ħafna studji għadhom għaddejja fuq il-Covid-19 u l-varjanti tiegħu, hemm diversi affarijiet li huma ċerti: • Aktar ma jinxtered il- Covid-19 aktar hemm ċans li jiżviluppaw varjanti • Anke jekk ħafna mill-bidliet fil-virus ma jkollhomx effett, il- virus jista' jinbidel b'tali mod li jgħinu jissopravivi u jibqa' jinxtered. Dawn il-varjanti jistgħu jsiru dominanti • Il-virus se jibqa' jinbidel imma, jekk ikun hemm bżonn, il-vaċċin jista' jkun modifikat biex jiġġieled lilhom ukoll • L-aktar miżuri bażiċi ta' mitigazzjoni, fosthom l-iġjene tal-idejn, l-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali wkoll jistgħu jnaqqsu t-tixrid tal-varjanti

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 March 2021