Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1360408
23 opinjoni illum • Il-ĦADD 11 TA' APRIL 2021 Dr Alex Scerri Herrera Ir-riperkussjonijiet u l-effetti tal-White Paper fuq l-użu responsabbli tal-kannabis L-ewwel u l-aktar riforma sostanzjali li qiegħda ssir permezz tal-White Paper li ppublika l-Prim Ministru f 'dawn l-aħħar ġranet huwa l-fatt li llum mhux ser nibqgħu nitkellmu fuq sistema ta' depenalizazzjoni fejn persuna xorta tista' effettivament tiġi arrestata, tiġi miżmuma ġewwa lock up għal massimu ta' tmienja u erbgħin siegħa fil-lock up u tittieħdilha stqarrija, iżda qed nitkellmu fuq il-veru dekriminalizzazzjoni. Dan fil-verità jfisser li sakemm il-pulizija m' għandiex suspett raġonevoli li persuna għandha skopijiet li tagħmel konġura fit-traffikar, tqassim, importazzjoni jew esportazzjoni tal-kannabis f 'dawn il- gżejjer, il-pulizija mhux ser tkun qed tieħu azzjoni kontra persuna għaliex tinqabad b'pussess sempliċi tas-sustanza Kannabis fil-parametri stabbiliti fil-liġi prospettata. Naturalment hemm diversi fatturi li jistgħu jindikaw jekk persuna tkunx fil-pussess għall-skopijiet personali jew jekk tali pussess hux pussess aggravat u ċioe mhux destinat għall-użu esklussiv ta' dik l-istess persuna. M'għandix dubju li l-irwol tal-pulizija ser ikun integrali biex jistabbilixxu Standard Operating Procedures ta' kif ser ikunu qed jimxu f 'dawn it-tip ta' każijiet ġodda. In realtà mhu ser ikun hemm l-ebda bidla fis-soċjetà fir rigward ta' dawk il- persuni li ma jikkonsmawx is-sustanza u dan għaliex il-konsum tal- Kannabis fl- ammont stabbilit fil-White Paper jista' jsir biss fil-privat. Mhux talli hekk, iżda ser ikun hemm żieda fil-multa imposta fir-rigward tal-użu tal-Kannabis fil-pubbliku. L-użu tal-kannabis mhux ser ikun permess fil-pubbliku jew f 'postijiet esposti għall-pubbliku. Fir-rigward ta' persuni minuri li jinstabu fil-pussess tas-sustanza kannabis, din ser ikollha tmur quddiem il-Kummissjoni għall-Ġustizzja li jindirizza speċifikament problemi ta' vizzju tad-droga. Dan bil-għan li l-gvern jibqa' jindirizza u jħares lejn l-interessi tal-aktar qasam vulnerabbli tas-soċjetà u ma jħallix lok sabiex minuri jispiċċaw il-vittmi ta' għada. L-irwol tal-Kummissarju tal-Ġustizzja f 'każijiet fejn jinqabdu persuni minuri bil-pussess tal-Kannabis ser ikun integrali sabiex iservi bħala deterrent għal dawn il- persuni li fil-verità diġà jeżistu. Il-proposti indikati fil-White Paper ser jservu bħala dinja ta' ġid għall-persuni li jużaw din is-sustanza b'mod responsabbli u f 'ammonti moderati. Il-proposti jfissru li m'għadx hemm il-biża' ta' arrest kriminali u l-istigma assoċjata mal-istess arrest. B'dawn il-proposti wkoll, persuna li ġiet kkundannata b'reat kriminali li llum mgħadux reat, tista' tagħmel talba sabiex tali 'conviction' titneħħa mill-kondotta tagħha stante li tali reat ġie abolit. Di piu, il-proposti jfissru li persuna li għandha l-vizzju tal-użu tal-Kannabis mgħandiex aktar bżonn tmur għand traffikant ta' droga biex takkwistaha iżda tista' tistabbilixxi sistema sabiex tkabbar u tikkonsma is-sustanza billi tiżra l-pjanta tagħha stess u dan ser jinkoraġġixxi l-ksur ta' kuntatt mat-traffikant. Basta pero li tali tkabbir issir għall-użu esklussiv tal-persuna li ser jikkonsmaha. Din ir-riforma mhux biss ser tgħin lill- individwu li jagħmel użu mit-teħid ta' tali sustanza, iżda ser tkun ukoll pass 'l quddiem sabiex jitnaqqas in-numru kbir ta' nies (ħafna minnhom żgħażagħ) li jitressqu l-Qorti akkużati bir-reat ta' pussess għall- użu personali kif ukoll ser tnaqqas ix- xogħol tal-pulizija fir-rigward ta' arresti, investigazzjonijiet u preżentati l-Qorti u b'hekk tkun f 'pożizzjoni li taħdem aktar fuq ir-reati aktar serji. Dr Alex Scerri Herrera huwa Avukat u Legal Drafter tal-Kumitat Tekniku dwar ir-Riforma tal-Kannabis