Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1360408
10 analiżi IL-ĦADD 11 TA' APRIL 2021 • illum Il-kobba mħabbla ta' 17 Black u Macbridge: X'jorbothom? Fl-aħħar snin, xhur u ġimgħat smajna ħafna dwar il-kumpaniji 17 Black u Macbridge iżda tant kemm intqalu affarijiet tipprova tispjega fi kliem sempliċi x'inhuma dawn iż-żewġ kumpaniji. Kif inhuma relatati? X'hemm differenti bejniethom? 17 Black l-għoqda li ħonqot Gvern... Min hu s-sid tagħha? 17 Black, bħal Macbridge, hija kumpanija f 'Dubaj. Is-sid tagħha huwa Yorgen Fenech. Fenech kien il-Kap Eżekuttiv ta' Tumas Group u sid ta' Casino u dan jispjega l-isem l-17 Black, numru fil-logħba tar-roulette. Fenech huwa wkoll imdaħħal fil-Power Station tal-gass f 'Delimara, il-wiegħda ewlenija tal-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-2013. Fil-fatt, Electro Gas Malta li bniet u llum tmexxi l-Power Station, hija magħmula minn GEM Holdings (33.34%), li minnha Tumas Group għandha 36.16% tal-ishma, Socar Trading (33.33%) u Siemens Project Ventures (33.33%). Kien ġie rrapportat ukoll li l-investituri fil-powerstation tal-Electrogas Mark Gasan u Paul Apap Bologna (minn GEM Holdings) ffirmaw ehim ma' Yorgen Fenech biex iħallsuh €2.5 miljun talli organizza lill-kuntratturi, kif ukoll talli kien hu li żamm kuntatt mal-awtoritajiet. Illum Yorgen Fenech huwa akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Kif sirna nafu li Fenech kif is-sid ta' 17 Black? Sirna nafu permezz ta' storja investigattiva mid-Daphne Project. Faqqgħet it wara li e Sunday Times kienet irrappurtat kif 'negozjant kbir' kien wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Madanakollu, kienet Daphne Caruana Galizia li nhar it-22 ta' Frar 2017, xaharejn qabel issejħet elezzjoni ġenerali bikrija, semmiet għall-ewwel darba lil din il-kumpanija. Interessanti li isem 17 Black inbidel għal Wings Development f 'Marzu tal-2017, jiġifieri xahar wara. Imma din il-kumpanija għaliex twaqqfet? Dettalji it hemm imma huma biżżejjed. Fid-9 ta' Novembru 2018 kien żvelat li 17 Black, flimkien ma' Macbridge, kienet target client tal-kumpaniji fil-Panama: Hearnville tal-eks Ministru Konrad Mizzi u Tillgate tal-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. Dan ifisser li minn din il-kumpanija kellhom jgħaddu flus għal dawn iż-żewġ kumpaniji. F'email, Karl Cini minn Nexia BT kien qal illi fil-kumpaniji fil-Panama, kellhom jidħlu $2 miljuni f 'temp ta' sena biss, minn attivitajiet ta' skart, sajd u turiżmu fil-Bangladexx, l-Indja u pajjiżi fl-Afrika - fost oħrajn. Imma 17 Black għaddiet flus lil dawn il-kumpaniji? It-tweġiba għal din il-mistoqsija ma nafuhiex. Nafu biss x'daħal f '17 Black. B'kollox, f 'din il-kumpanija, daħlu tliet pagamenti: $1.4 miljun mingħand Rufat Baratzada, security f 'sit ta' kostruzzjoni mill-Ażerbajġan, permezz tal-kumpanija fis-Seychelles Mayor Trans, $200,000 mill-aġent tat-tanker tal-gass f 'Delimara (anke jekk dan dejjem ċaħad) u €4.6 miljun fi flus mill-proġett tal-Wind Farm f 'Montenegro. L-awtoritajiet finanzjarji fid-Dubaj kienu kkonfermaw li fil- kumpanija 17 Black kien hemm $1.6 miljuni. Ma' Reuters, l-Aġent Kap tal-Unit tal-Intelliġenza Finanzjarja (FIU) tal- Emirati Għarab Magħquda, Ali Faisal Ba'Alawi, qal li l-flus kienu rrilaxxati għax qatt ma kien hemm ordni ta' ffriżar mill-ebda awtorità, lanqas minn Malta. Dan jikkuntrasta mal-kumpanija Macbridge għax l-uniku pagament li daħal fiha kien ġej minn 17 Black (ara paġna 11). L-Ażerbajġan fiex daħlet? Ftit li xejn nafu dwar il-flus li daħlu f '17 Black mingħand dan iċ-ċittadin Ażeri iżda r-rabta mal-Ażerbajġan ma tistax ma tissemmix. Il-Gvern Malti għamel ehim mas-Socar biex jixtri l-gass għall-Power Station il-ġdida. L-ewwel kontroversja kienet żjara fl-Ażerbajġan f 'Diċembru 2014 li għaliha l-midja ma kinitx mistiedna u li l-informazzjoni dwarha baqgħet skarsa. Għaliha marru l-eks PM Joseph Muscat u miegħu Keith Schembri u Konrad Mizzi. Il-ehim multi miljunarju mal-Ażerbajġan – huwa għal 10 snin, fejn il-Gvern Malti ntrabat li jixtri €131.6 miljun f 'LNG kull sena għal total ta' madwar $1 biljun. Apparti minn hekk, Daphne Caruana Galizia kienet żvelat li fil-Pilatus Bank, il-bank fil- qalba ta' elf kontroversja u li spiċċa tilef il-liċenzja u għalaq, kien hemm kontijiet ta' persuni prominenti fl-Ażerbajġan, fosthom it-tfal tad-ditattur Ilham Aliyev. Fl-istess bank kellu kont Keith Schembri u anke Chen Cheng li huwa wara l-kumpanija Macbridge (ara paġna 11). Yorgen Fenech qatt ma kellu kont fil-Pilatus, iżda kien preżenti għat-tieġ ta' Ali Sadr Hasheminejad (is-sid tiegħu), l-istess kif kienu Joseph Muscat u Keith Schembri. Keith Schembri kif inhu marbut ma' 17 Black? Ma hemm l-ebda spekulazzjoni għax kien Keith Schembri stess li ammetta illi 17 Black (bħal Macbridge) kienet parti mill-pjan ta' negozju tiegħu għalkemm kien qal li ma sarux tranżazzjonijiet magħha. Hu stess saħansitra kien ammetta, fil-Qorti, li kien jaf li 17 Black kienet ta' Fenech. Iddeskriva wkoll il-ħbiberija tiegħu ma' Fenech u qal illi kien "lest jidħol fin-nar għalih." Hemm ħafna dettalji li juru kemm Fenech u Schembri kienu ħbieb. Biss biss, Keith Schembri wkoll ammetta li kien ċempel lil Yorgen Fenech, lejlet li ġie arrestat, biex jgħidlu ma jħallix Malta. U Konrad Mizzi kif jidħol? Konrad Mizzi kien Ministru għall-Enerġija. Kien il-moħħ wara l-Power Station tal-gass. Yorgen Fenech huwa mdaħħal fil-Power Station u fil-kumpanija 17 Black, kif rajna, daħlu flus mingħand l-aġent tat-tanker. Konrad Mizzi kien involut ukoll fil-proġett tal-famuż Windfarm fil-Montenegro. 17 Black hija marbuta direttament ma' dan il-proġett u anke l-persuna wara l-kumpanija Macbridge (ara għaliex f 'paġna 11). Konrad Mizzi li tela' diversi drabi l-Montenegro qabel u wara dan il-ehim ċaħad illi qatt kien hemm abbuż f 'dan il-ehim u appella lill-Enemalta biex tippubblika l-karti kollha. L-Awditur Ġenerali kien qajjem ukoll mistoqsijiet dwar il-mawriet ta' Mizzi fil-Montenegro u kif darba ma kienx uża l-kard ministerjali tiegħu iżda biss dik personali, bi tranżazzjoni waħda biss ta' ċenteżmu wieħed. L-Awditur Ġenerali kien qal illi tranżazzjonijiet bħal dawn isiru biex jaraw illi l-kontijiet qed jaħdmu. Dawn l-allegazzjonijiet swew lil Mizzi postu bħala Deputat Laburista bl-Eżekuttiv tal-partit, kważi unanimament, ikeċċieh. U Konrad x'jgħid? Konrad Mizzi dejjem insista li ma hemm l-ebda rabta bejn il-kumpanija fil-Panama u l-kumpanija 17 Black jew Macbridge. Dejjem baqa' jisħaq li Hearnville qatt ma kellha kont bankarju u li qatt ma rċeviet flus mingħand ħadd. Imma Joseph Muscat possibbli qatt ma kien jaf xejn? Meta kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Joseph Muscat qal li Keith Schembri kien qallu li 17 Black kienet relatata ma' negozju komuni li kellhom bejniethom (ma' Yorgen) u li ma kellha xejn x'taqsam mal-Electrogas. Imma 17 Black kif tidħol eżatt f 'dan il-proġett tal- Montenegro? Faċli. Allaħares ma kinitx 17 Black. L-Enemalta xtrat l-ishma ta' dan il-Windfarm mingħand il-kumpanija Cifidex għal €10.3 miljuni. Cifidex kienet xtrat dawn l-istess ishma ġimgħatejn qabel biss, għal prezz ta' €2.9 miljun mingħand Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol. Dan ifisser li Cifidex għamlet profitt ta' €7.4 miljuni. €4.6 miljun minn dawn allegatament spiċċaw f '17 Black bħala profitt. Għaliex? Għax minn investigazzjoni li saret, jirriżulta li qabel Cifidex xtrat l-ishma, kienu għaddew għal għandha €3 miljun minn 17 Black. Jekk dan hu minnu, ifisser li l-flus ta' Cidifex biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin minn Yorgen Fenech. YENDRICK CIOFFI