Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1363126
23 bijografiji illum • Il-ĦADD 18 TA' APRIL 2021 Il-Beatu Nazju Falzon P. ANTON FARRUGIA PISANI OFM - VIĊI POSTULATUR Il-Beatu Nazju Falzon mhuwiex biss qaddis malti imma wkoll qaddis intellettwali li antiċipa ż-żmien meta beda jgħallem il- katekiżmu lill-adulti u kien minn tal-ewwel fit-tixrid tal-ispirtu ekumeniku. Bħala profeta, għaraf jaqra s-sinjali taż-żminijiet u għamel lilu nnifsu appostlu f 'Malta ta' żmienu. Nazju Falzon twieled il-Belt Valletta fl-1 ta' Lulju tas-sena 1813, fi żmien il-miġja tal- Ingliżi f 'Malta u għex fi żmien meta pajjiżna kien miżgħud bis-suldati u l-baħrin tal- Imperu Brittaniku. L-għada li twieled, ġie mgħammed fil-Bażilika ta' San Duminku fejn ingħata l-ismijiet ta' Rokku, Anġlu, Sebastjan, Vinċenż, Rużar u Nazju li bih ġie msejjaħ u baqa' magħruf. Nazju kien ġej minn familja intelletwali imma profondament kattolika. Fil-fatt missieru Francesco-Giuseppe kien avukat u wara laħaq imħallef; ommu Maria Teresa, kienet bint l-Imħallef Kalċidon Debono u kemm Nazju kif ukoll it-tliet ħutu l-oħra, kollha ggradwaw bħala avukati. Tnejn minnhom saru saċerdoti, Dun Kalċidon li kien Rettur tal-Knisja tal-Università, magħrufa bħala tal-Giżwiti fil-Belt u wara sar ukoll Kanonku Teżorier tal-Kapitlu tal- Katidral u Dun Franġisk li kien konfessur imfittex ħafna. Ħuhom Anton, kien l-uniku fosthom li żżewweġ u li serva bħala avukat. Minbarra l-Liġi, Nazju studja wkoll it- Teoloġija u tgħallem l-ilsna tal-Latin, it- Taljan u xi ħaġa rari ħafna għal dak iż-żmien, l-Ingliż. Ta' 15 –il sena, libes is-suttana u wara tliet snin irċievi l-erba' ordnijiet minuri iżda ma ħassux dehen li jirċievi l-ordinazzjoni saċerdotali u baqa' kjeriku djoċessan. Kien imsieħeb fit-Tielet Ordni Franġiskan kif għandna xhieda fil-kuruna li nstabet mal- fdalijiet tiegħu. Nazju qatt ma ħadem il- professjoni tiegħu ta' avukat għalkemm kien jgħin lil dawk li kienu jfittxu l-pariri legali tiegħu u kien jagħti wkoll tagħlim privat bla ħlas fil-Latin, it-Taljan u l-Ingliż. Sa minn ċkunitu, kien miżmum bħala qaddis. Kellu qima kbira lejn Ġesu fl- Ewkaristija tant li kemm-il darba darba rawh maqtugħ f 'estasi wara t-Tqarbin u kien devot ħafna tal-Madonna u ta' San Ġużepp, hekk li miet iross ma' sidru l-inkwatru tiegħu. Bħala missjoni tiegħu għażel it-tagħlim tal-katekiżmu. Beda l-appostolat tiegħu mat- tfal tal-Istitut tar-Ragħaj it-Tajjeb, l-ewwel fil-knisja ta' Santa Barbara u aktar tard f 'dik tal-Vitorja. Hu kien jgħin lit-tfal li kienu jattendu għall- katekiżmu anki fl-iskola u meta kien meħtieġ, anke minn butu, finanzjarjament. Meta fix- xhur tas-sajf, kien imur mal-familja fid-dar tal-villeġġatura li kellhom Birkirkara, kien jgħallem ukoll lit-tfal tal-parroċċa fil-knisja kolleġġjata ta' Santa Liena. Iżda Nazju Falzon jibqa' magħruf l-aktar għall-missjoni kateketika tiegħu fost il- baħrin u s-suldati Ingliżi ta' żmienu. Beda jlaqqagħhom fid-dar tal-familja tiegħu stess, fi triq id-Dejqa u meta n-numru kiber, kompla jiġborhom fil-knisja tal-Ġiżwiti fejn waqqaf għalihom il-Kongregazzjoni tar-Rużarju, magħrufa bħala e Congregation. Mal- baħrin u s-suldati kattoliċi, bdew jersqu lejh anke dawk Protestanti. Lil dawn, Nazju ħa ħsieb jorganizzalhom klassijiet tal-katekiżmu għalhom u jħejjihom għall-Magħmudija. L-għadd ta' dawk li tgħammdu bis-saħħa tiegħu, jaqbeż is-650. Xi ħaġa rari ħafna! Fil- każ ta' għerusija ma' xi tfajla Maltija, Nazju kien jibqa' jsegwihom saż-żwieġ. In-nies tas-servizzi kellhom fiduċja kbira fih. Kien jgħinhom iżommu kuntatt ma' qrabthom u qabel imorru għal gwerra, kienu jafdawlu l-aktar oġġetti prezzjużi tagħhom bil-ħsieb li jibgħathom lil nieshom kemm-il darba kienu jiġu neqsin. Nazju Falzon miet ta' 52 sena, fl-istess jum li kien twieled fih, jiġifieri fl-1 ta' Lulju. Kienet is-sena 1865. L-għada li miet, ġie midfun fil- qabar tal-familja, fil-knisja tal-Franġiskani ta' Santa Marija ta' Ġesu, magħrufa bħala ta' Gieżu, fejn il-fdalijiet tiegħu għadhom miżmuma b'għożża kbira sal-lum. Il-fama ta' qdusitu u d-devozzjoni li n-nies kellhom lejh f 'ħajtu, kompliet wara mewtu bl-għadd kbir ta' grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tiegħu. Quddiem dan kollu bdiet il-mixja twila għall- Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazjoni tiegħu. L-Isqfijiet Ingliżi li saru jafu bil-ħidma ta' Nazju mal-baħrin u s-suldati tad-djoċesijiet tagħhom, malli ngħata bidu għall-Proċess Ordinarju Djoċesan, kienu minn ta' quddiem li kitbu lil Papa biex isaħħu dan il-proċess mibdi f 'Malta u li wassal għall-Beatifikazzjoni tiegħu li seħħet ukoll f 'pajjiżna, waqt żjara li l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien għamel fuq il-passi ta' San Pawl, fid-9 ta' Mejju tas-sena 2001. Nitolbu biex kemm jista jkun malajr iseħħ il-miraklu meħtieġ biex il-Beatu Nazju jkun jista' jiġi ddikjarat qaddis! Ritratti: Fuq - Ritratt tal-Beatu Nazju Falzon ftit mumenti wara l-mewt tiegħu Isfel - Il-Qabar tal-Beatu Nazju Falzon li jinsab fil-Knisja ta' Ġieżu fil-Belt Valletta