Illum previous editions

ILLUM 27 June 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1387607

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 27

07 opinjoni illum • IL-ĦADD 27 TA' ĠUNJU 2021 ħafna ... min se jistenna tmiem is-sajf u min 'Il-Maltin iridu jsiefru ... qed ninnutaw żieda fl-interess' Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' Colin Aquilina, Kap Eżekuttiv ta' ROCS Group li saħaq kif fl-aħħar 15-il xahar, it-tendenzi dwar is- safar inbidlu b'mod drastiku, niżlu l-volumi u l-kunfidenza naqset għal-livelli bla preċedent. Fi kliemu, il-pandemija mhux biss kellha impatt fuq in-negozju fl-2020 u l-2021 imma saħansitra wkoll kellha impatt negattiv fuq parti kbira min-negozju li s-settur tat-turiżmu għamel fl-2019, waħda mill-aqwa snin għas-settur turistiku Malti. "Is-sistema kollha trid tinbidel. Kwalunkwe vantaġġ kompetittiv li nbena tul is-snin spiċċa għal kollox u l-organizazzjonijiet bil- kapaċità li jinbiddlu, li jaddattaw u fuq kollox b'viżjoni li jaħtfu l-opportunitajiet, se jkunu dawk li jkampaw," insista Aquilina. Madanakollu, mistoqsi jekk is- suċċess tal-programm tat-tilqim u l-fatt li l-pandemija tinsab taħt kontroll, kellhomx impatt fuq il- bookings mill-Maltin, Aquilina kkonferma li fl-aħħar ġimgħat innutaw żieda sostanzjali fit- turiżmu intern. Qal li l-Grupp li hu jmexxi kellu rispons tajjeb fuq offerti li huma għandhom għas- suq intern. Fi kliemu, għal dawn l-offerti, qed ikun hemm "mijiet" ta' persuni li qed jibbukjaw kuljum. Fejn jidħol is-safar mill-Maltin, Aquilina saħaq li dan se jkun qed jiddependi minn ħafna fatturi, fosthom iċ-ċertifikati tal-vaċċin, il-lista ta' pajjiżi siguri għas-safar u anke l-kunfidenza tal-vjaġġatur. Jiddependi wkoll, kompla jisħaq, fuq il-linji tal-ajru li se jkunu qed jerġgħu jibdew joperaw minn Malta, anke għax Malta tilfet ħafna mill-konnettività li kellha. "Qed naħdmu mal-imsieħba tagħna biex inżidu l-konnettività. Fl-opinjoni tiegħi, jekk in-numri tal-Covid-19 jinżammu taħt kontroll, l-interess fis-safar se jikber b'rata aktar mgħaġġla minn kemm konnha qed nistennew u l-konnettività tagħna tiżdied," insista. Fid-dawl ta' dan kollu, il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Aquilina kif dan is-sajf qed jikkumpara ma' sena normali mingħajr il-pandemija. Minkejja ż-żieda fl-interess, Aquilina insista li x-xogħol xorta waħda għadu baxx ħafna. "Ngħidlek li x-xogħol naqas b'90% meta kkumparat ma' sena normali bla pandemija," kompla jispjega. Mistoqsi dwar l-etajiet u jekk innutawx differenzi, fejn jidħlu l-bookings, Aquilina insista li l-ġenerazzjoni żagħżugħa hija aktar interessata u jidher li l-anzjani qed joqogħdu aktar lura, forsi anke minħabba kumplikazzjonjiet fejn jidħol is-safar. Jidher ukoll, kompla jispjega, li l-Maltin huma interessanti li jsiefru lejn tmiem is-sajf, anke biex jistennew dak li se jiġri f 'pajjiżi oħra, partikolarment fejn jidħlu l-proċeduri, ir-restrizzjonijiet u l-lockdowns. Fil-fatt insista li l-Maltin qed isegwu mill-qrib dak li qiegħed jiġri fil-pajjiżi l-oħra. Kien hawn li saħaq li hekk kif l-Emirates ħabbru li se jkunu qed jerġgħu joperaw titjira minn u lejn Dubaj u Ċipri, żdied ħafna l-interess, anke għax dawn id-destinazzjonijiet popolari huma sal-lum siguri ħafna (fejn jidħol il-Covid-19). Mistoqsi kif qed iħarsu lejn il- kumplament tas-sena, Aquilina tenna li l-pandemija offriet sfida kbira, partikolarment għas- settur tal-ivjaġġar, aktar minn kemm wieħed kien qed ibassar. Madanakollu saħaq li jinsab kuntent li ROCS irnexxielha tgħaddi minn dawn ix-xhur b'determinazzjoni u sal-lum ħadd mill-impjegati ma tilef xogħlu. Huwa u jħares lejn il-futur, Aquilina insista li l-Maltin iridu jsiefru. "Aħna gżira u l-insularità żżid ħafna x-xewqa tagħna li nsiefru, niskopru kulturi u destinazzjonijiet ġodda. Diġà qed ninnutaw din iż- żieda. Pajjiżi u attrazzjonjiet kemm fl-UE u anke lilhinn qed jiħu mill- ġdid u l-Maltin qed jerġgħu jibnu l-kunfidenza," saħaq Aquilina. Kompla jinsisti li l-kunfidenza se tiżdied abbażi tas-sitwazzjoni tal-pandemija kemm f 'Malta imma anke lilhinn, is-suċċess taċ- ċertifikat tal-vaċċin u l-protokolli għall-vjaġġaturi kemm f 'Malta u anke f 'pajjiżi oħra. "Nittamaw li din it-tendenza li qed ninnutaw tippersisti u li l-uħ tal-fruntieri jsir b'tali mod li l-virus ma jerġax jerfa' rasu u nispiċċaw b'żieda fin-numri. Kunfidenti li l-ivjaġġar se jaqbad ritmu imma nbassru wkoll li nerġgħu nilħqu l-livelli li konnha ksibna qabel il- pandemija, fl-2025," temm jisħaq Colin Aquilina. Colin Aquilina "Jibbukjaw imma kawti ... jistaqsuna jekk jiħdux flushom lura' Noel Farrugia, Direttur Maniġerjali tal-Brittania Tours, ikkonferma wkoll li l-interess tal-Maltin qiegħed jiżdied anke jekk ukoll saħaq li n-nies qed ikunu kawti. "Ħafna nies bdew jistaqsu u jagħmlu talbiet dwar bookings, kemm fi grupp u anke biex isiefru b'mod individwali. Ħafna qed jistaqsu kemm ikun kbir il- grupp u jpoġġu d-deposits anke jekk b'kawtela. Jistaqsu jekk jiħdux flushom lura jekk jinqala' xi ħaġa," insista. Mistoqsi kif jikkumpara dan il- perjodu ma' sena bla pandemija, Farrugia saħaq li x-xogħol huwa 'l bogħod ħafna minn kif kienu mdorrija bih, madanakollu insista li wara sena u nofs kważi wieqfa kompletament, "kollox huwa sabiħ." "Li tara n-nies deħlin jistaqsu u jibbukkjaw jew idoqq it-telefon huwa sinjal li bdejna nersqu lejn in-normalità għalkemm fadal x'naqdfu," kompla jgħid. Għall-kuntrarju ta' dak li qalulna aġenti oħra, Farrugia saħaq li kien sorpriż b'firxa kbira ta' etajiet li qed jibbukjaw. Il-maġġoranza ta' dawk li qed jibbukjaw għandhom bejn 40 u 60 sena, iżda saħaq li anke anzjani ta' 'l fuq minn 80 sena bbukkjaw. Ikkonferma wkoll li l-maġġoranza qed iħallu għall- aħħar ta' Lulju u Awwissu biex isiefru, anke biex iserrħu rashom u jaraw jekk is-sitwazzjoni tibqax taħt kontroll. Qal ukoll li n-nies qed jirriċerkaw u jagħżlu l-postijiet li l-aktar jaħsbu li huma siguri. Fil-fatt qal li ħafna qed jistaqsu għal btajjel lejn destinazzjonijiet qalb il-muntanji u l-arja pura. Fil-fatt spjega kif in-naħa ta' fuq tal-Italja, l-Islovenja (bħal Lake Bled) u t-Tirol (l-Awstrija) qed ikunu imfittxija ħafna. "Il-fatt li bdejna tatna it tal- ħajja! Mhux se nerġgħu nħarsu lura u ċert li x-xogħol se jkompli jiżdied. Il-fatt li għandna numru kbir ta' nies li huma mlaqqma, jagħmel aktar kuraġġ lit-turist Malti biex isiefer," temm jisħaq Farrugia. Noel Farrugia 'Il-Maltin għadhom kawti ħafna biex isiefru ... spejjeż ġodda, restrizzjonijiet u rekwiżiti mhux jgħinu' L-istess mistoqsijiet li poġġiet quddiem l-Aġenziji tal-Ivjaġġar, l-ILLUM għamlithom ukoll lil-Linja Nazzjonali tal-Ajru l-Air Malta. Kelliema għall-Air Malta qalet li fl-aħħar ġimgħat, il-Linja Nazzjonali tal-Ajru esperjenzat żieda fil-bookings, iżda din kienet xprunata primarjament minn bookings ġejjin minn barra minn Malta. "Il-feedback minn diversi operaturi lokali tal-ivjaġġar jissuġġerixxi li ċ-ċittadini Maltin għadhom kemmxejn kajmana sabiex isiefru barra l-pajjiż. Fatturi li jikkontribwixxu għal dan jistgħu jinkludu l-kumplessità u spejjeż tar-rekwiżiti l-ġodda, restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar li kontinwament jinbidlu, inkonsistenzi u domanda għall-dokumentazzjoni pprintjata meħtieġa f 'xi pajjiżi," saħqet il- kelliema. Madanakollu saħqet li ż-żgħażagħ għandhom attitudni aktar pożittiva lejn l-ivvjaġġar matul dan iż-żmien. "Għadna nistennew iż-żieda tradizzjonali tal-bookings ġejjin mill- familji Maltin. Għad m'hemm l-ebda sinjal tad-domanda storikament qawwija fuq is- suq Ingliż, kemm minn Malta jew dik ġejja minn dan is-suq," saħqet il-Kelliema. Insistet li l-Air Malta se tkompli ssegwi l-iżviluppi fis-suq u tadatta wkoll il- konnettività tagħha. Fakkret kif fl-aħħar ġimgħat, l-Air Malta żiedet il-frekwenzi fuq rotot fejn hemm domanda, fosthom żiedet ir-rotot ta' Dusseldorf u Berlin u anke żiedet il-frekwenzi fuq ir-rotot ta' Pariġi u Amsterdam. "Filwaqt li hemm diversi swieq u rotot li l-Air Malta kkanċellat fl-aħħar ġimgħat għall-perjodu tas-sajf, dawn jibqgħu parti mill-pjanijiet futuri tan-netwerk tagħha," kompliet tisħaq. Temmet tisħaq li fil-futur qarib l-Air Malta qed tistenna proporzjon akbar ta' bookings ġejjin mis-suq Malti peress li mill-1 ta' Lulju se jibda jintuża d-Digital Green Pass tal-UE.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 June 2021