Illum previous editions

ILLUM 8 August 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1399954

Contents of this Issue

Navigation

Page 7 of 27

08 aħbarijiet IL-ĦADD 8 TA' AWWISSU 2021 • illum Ir-razziżmu: 'Ferita li dejjem kienet sempliċiment kixfuha' Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-razziżmu u l-xenofobija. Din problema li ggravat? Jew sempliċiment qed tidher aktar minħabba l-midja soċjali? Il-partiti qed jagħmlu xi ħaġa biex jilqgħu kontra r-razziżmu? U x'inhuma l-għeruq storiċi u soċjali tar-razziżmu f'Malta? ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Ir-razziżmu u l-xenofobija - żewġ pjagi soċjali mhux uniċi għal Malta - xi kultant jerfgħu rashom u tqum diskussjoni taħraq fil-pajjiż dwar xi inċident jew inkella xi kummenti fuq il-midja soċjali. Lilhinn mill-pandemonju ġustifikat li kien qam meta nqatel Lassana Cisse, fl-aħħar ġimgħat filmat ta' raġel iswed jintefa' fil- baħar għad-daħk u r-redikolu ta' dawk preżenti - reġa' qajjem il-mistoqsija li għaliha ħafna jwieġbu b'mod differenti: Imma l-Maltin razzisti? Dan biex ma nsemmux il-litanija ta' tgħajjir u xi kultant anke mibgħeda li wieħed jesperjenza taħt kull artiklu li jgħid illi f 'Malta deħlin xi immigranti li sabu ruħhom f 'diffikultajet fl-ibħra ta' madwarna! Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil opinjonista, lekċerer fl- Univeristà ta' Malta u storiku xi mistoqsijiet dwar is-sitwazzjoni tar-razzizżmu u xenofobija f 'pajjiżna bħalissa u anke l-għeruq storiċi tas-sentimenti razzisti mhux biss tagħna lejn ħaddieħor, imma anke ta' ħaddieħor lejna. 'Il-midja soċjali kixfet ir-realtà tar-razziżmu, mhux żiedet ir- razziżmu' - Jeremy J. Camilleri Il-gazzetta ILLUM titstaqsi lill-attivist u opinjonist Jeremy J Camilleri jekk jaħsibx li l-problema ta' razziżmu u xenofobija verament kibret jew inkella jħossx li l-midja soċjali - daqstant preżenti f 'ħajjitna - kabbritx din il-problema. Huwa jibda billi jisħaq li l-midja soċjali sempliċiment esponiet ir-realtà u mhux kabbritha. Huwa jgħid li storikament il-poplu Malti dejjem kien iħares 'l isfel lejn nies fin-nofsinhar tagħna, "u aktar kemm tinżel 'l isfel iktar inħarsu 'l isfel lejhom." Camilleri jfakkar li anke fil-lingwa tagħna hemm espressjonijiet li minnhom infushom jikxfu kemm il-poplu jħares lejn persuni ta' karnaġġjon iswed b'mod dispreġġjattiv. U jfakkar allura fl-espressjoni, "mela jiena iswed?" "Il-midja soċjali esponiet il- ħsieb ta' dawn in-nies b'mod aħjar, jiġifieri llum nafu aħjar kif jaħsbuha ħafna nies. Dan apparti li llum missejna ma' ħafna kulturi oħrajn - speċjalment Afrikani u allura kollox ma' kollox kellek din l-isplużjoni fir-razziżmu u xenofobija," jgħid Camilleri mal-ILLUM. Iżda hu jirrifjuta l-idea li b'xi mod is-sitwazzjoni qed tiġi eseġerata jew imkabbra u jfakkar li fl-aħħar snin, f 'pajjiż fejn id- delitti huma rari, "kellna delitt razzjali, magħmul minn tnejn minn nies li jekk ma tridx kienu fl-armata u li ħarġu għall-kaċċa kontra s-suwed!" Camilleri jfakkar ukoll illi wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-partit Imperium Europa - li jsejjaħlu partit mibni fuq prinċipji razzisti u ta' diviżjonijiet razzjali - sar it-tielet l-akbar partit f 'Malta. "Allura qed neseġeraw?" Għalfejn din il-biża' hija ffukata fuq l-Afrikani biss? Il-gazzetta ILLUM tfakkru iżda li bosta nies jisħqu illi filwaqt li l-vjolenza u r-razziżmu huwa ħażin - it-tessut soċjali Malti inbidel u inbidel malajr. Dan kien l-argument - f 'ħin fejn ma kellux isir - tad-Deputat Kevin Cutajar. Imma ma jlumx lil min jinkwieta xi ftit fuq dawn il-bidliet daqstant malajr? Jeremy J Camilleri jirrispondi b'mistoqsija oħra - "Għalfejn din il-biża' hija ffukata fuq l-Afrikani? It-tessut soċjali fl-aħħar 20 sena inbidel bl- influss ta' Taljani u Spanjoli - lanqas qatt ma kont naħsibha li ħdejja f 'Wied il-Għajn ikolli nies spanjoli!" jgħid Camilleri. Huwa sostna li minkejja dan, ħadd ma jilmenta dwar tibdil fit-tessut soċjali. Imma l-gazzetta tfakkru li l-ilment ġeneralment isir minħabba differenzi kbar fil- kulturi, differenzi li ma jeżistux daqstant bejn il-Maltin u t-Taljani jew l-Ispanjoli. "Bl-istess argument l-Iżvediżi għandhom kultura kompletament aljena għal tagħna - probabbilment għandna aktar qrubija kulturali lejn il-pajjiżi tal-Maghreb milli lejn l-Iżvediżi aħna l-Maltin," jibda jirrispondi Camilleri. Huwa jgħid illi minkejja din id-differenza, mill-ġdid, ħadd ma jilmenta dwar tessut soċjali għax hawn ħafna Żvediżi. Għalhekk Jeremy J Camilleri sostna mal-ILLUM li din hija kollha kwistjoni ta' razza. "Inti madwar 50% tal-barranin huma nies mill-Unjoni Ewropea, u dwarhom qatt ma jingħad xejn lanqas meta jsir l-argument dwar l-ispazju. Imbagħad ħafna mill-50% l-oħrajn huma barranin minn pajjiżi terzi li jaħdmu hawnhekk u l-istess ma tantx tisma' kontrihom. Imma mbagħad tasal dgħajsa bl-Afrikani u qisha se taqa' d-dinja." Dwar dan il-punt itemm jgħid ukoll li storja dwar immigrant jagħmel pipi barra tqajjem pandemonju u argumenti dwar integrazzjoni, imma mbagħad jgħid li bil-kemm tisma' ħoss meta bouncer barrani isawwat lil xi persuna Maltija. 'Jekk mhux se noqgħodu attenti fis-sentejn li ġejjin se jkollna qtil razzjali ieħor' Kemm jaħseb li l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qed jippruvaw jiffaċċjaw u jsolvu din l-isfida, bi kliemhom imma anke b'azzjoniethom? Camilleri jgħid li ż-żewġ partiti għandhom biża' "kbira" li jurtaw lir-razzisti. Jgħid li fil-każ tal- PL, sakemm kien imexxi Joseph Muscat, kien isir ħafna diskors kontra razziżmu, "imma llum ma nisimgħu kważi xejn." Jgħid illi l-PN kien jitkellem u jtambar ħafna dwar l-importanza tal-ħniena lejn l-immigranti sa Gonzi iżda jisħaq li mit-tmexxija ta' Adrian Delia lil hawn id- diskors dwar din il-kwistjoni inbidel. Huwa jsostni wkoll iżda li hu kellu parti minn white paper mibdija minn Rosianne Cutajar, liema white paper jidher li mxiet sew 'il quddiem u allura jidher li l-Gvern qed jiċċaqlaq fuq din il- kwistjoni wkoll issa. Minkejja dan, Jeremy J Camilleri itemm bi twissija, speċjalment fid-dawl tal-messaġġi li qed jintbagħtu fuq il-midja soċjali: "Jekk mhux se noqgħodu attenti fis-sentejn li ġejjin se jkollna qtil razzjali ieħor."

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 8 August 2021