Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1403837
F ix-xogħol tiegħi niltaqa' ma' persuni – l-iktar nisa - li ġarrbu l-vjolenza domestika. Jgħallmuni u jbikkmuni. Dawn huma eroj u gwerrieri, persuni ta' stamina inkredibbli. Kellhom jissaportu u jġarrbu tant umiljazzjoni, qsim il-qalb, biża' u diżappunti, kellhom ikunu b'saħħithom għal uliedhom, anke meta ħassewhom mitlufin, mingħajr saħħa u mingħajr dinjità. Min kellu jgħidilhom minn xhiex kellhom jgħaddu meta żifnu, raw il-ferħ f 'għajnejn xulxin u xarbu x-xampanja fit-tieġ tagħhom? Min seta' jkun jaf x'kien se jsir minn- hom il-bews, it-tgħanniq, it-tbissim u l-karezzi tal-maħbubin? Snin wara jħarsu lejn wiċċhom jiddi bil- ferħ fir-ritratt tat-tieġ u ma jistgħux jemmnu kif il-ħolma inbidlet fi ħmar il-lejl. Iħossuhom ingannati u traduti, ħolmithom frak f 'ħoġor- hom. 'Till death do us part' tinstema' sentenza fiergħa, daħka fil-wiċċ għall-boloh li jemmnuha mingħajr riżervi. Sfortunatament għad hawn min jiġġudikahom lil dawn in-nies, jipponta subajgħ lejhom bħallikieku għandhom tort u messhom ġabu ruħhom mod ieħor. Il-verità hi li ħadd m'għandu għalfejn jiġġudika, għax il-vjolenza domestika ma tħarisx lejn uċuh, jew lejn klassi soċjali. Jaf min ikun qed jippontifika jkollu din il-pjaga f 'familtu stess u ma jafx. Il-vjolenza u l-abbuż li jitkellmu dwaru l-persuni li niltaqa' magħhom mhux dejjem ikun ġej minn żewġhom, minn sieħeb jew sieħba f 'relazzjoni intima, jew minn persuna adulta viċin tagħhom. Kultant ikunu l-ulied li jġibu ruħhom b'mod abbużiv jew saħansitra vjolenti lejn il-ġenituri tagħhom. Dan jiġri, pereżempju, meta l-iben jew il-bint jiġu maħkumin mill-vizzju tad-droga. M'hawnx imħabba ikbar daqs dik tal-omm lejn uliedha, u m'hemmx limitu għal kemm omm tiflaħ tissaporti għal uliedha. Din ir- realta' tieħu dimensjoni oħra meta din l-istess omm ikollha ġewwa darha iben jew bint li jitrasformaw ruħhom f 'persuna oħra, persuna ddisprata u lesta tagħmel minn kollox biex takkwista l-flus għad-droga, anke jekk dan ifisser li jigdbu, jingannaw, jisirqu lill-ġenituri tagħhom, ibigħu l-għamara kollha tad-dar, u jerfgħu idhom fuq ommhom u missierhom. Il-ġenituri jisfaw vittmi ta' dan il-mostru, vizzju qerriedi. Din hija realtà oħra meta nitkellmu dwar il-vjolenza domestika. Spiss il-ġenituri jkollhom ifittxu l-għajnuna għax is-sitwazzjoni tkun tant saret gravi li ma jistgħux ikomplu jissaportu. Is-sitwazzjoni tkun iktar diffiċli meta l-omm biss ikun hemm fid- dar tgħix mal-wild maħkum minn dan il-vizzju. Jew anke meta din l-omm tkun anzjana u/jew tgħix b'xi tip ta' diżabilità. Hawnhekk l-għajnuna li tingħata fil-komunita' hija imprezzabbli, issalva l-ħajjiet. Weġgħa kbira oħra li tissemma' minn persuni mġarrba mill-abbuż u l-vjolenza fil-familja hi meta xi ħadd mill-ġenituri stess – ġeneralment min ikun qed jabbuża - jesponi lill-ulied għad-droga. Jitkellmu fuq id-disprament tagħhom li s-sieħeb jew is-sieħba tkun ippermettiet li l-ulied jarawh jew jarawha tieħu d-droga, eżempju mill-agħar meta huma jkunu f 'età tant tenera u jistgħu jiġu influwenzati. Il-vizzji spiss jiġu msemmija bħala r-raġuni għalfejn persuna ġġib ruħha b'mod abbużiv u/jew vjolenti. Ċertament li l-preżenza ta' vizzju ma tgħinx ir-relazzjoni bejn tnejn minn nies jew iktar, fil-familji tagħhom. Iltqajt ma' ommijiet li sofrew il-faqar meta żewġhom kien iberbaq il-paga waħda li l-familja kienet tgħaddi biha kull xahar. Ġieli tkun familja b'erbgħa, ħamest itfal, u l-omm ma tkunx tista' tlaħħaq mal-bżonnijiet tagħhom. Ħafna jsostnu li fl- għerusija qatt ma kienu raw sinjali jew sintomi ta' xi vizzju fir-raġel li huma iżżewwġu, u li inbidel meta ġew it-tfal. Riċerka internazzjonali dwar ir-relazzjoni bejn il-logħob tal-azzard u abbuż finanzjarju turi li persuni vvizzjati bil-logħob tal-azzard ma jħallux lis-sieħeb jew lis-sieħba jaċċessaw il-flus komuni, informazzjoni dwar kif dawn qed jiġu mħaddma jew anke jiddeċiedu kif jintefqu l-flus. Skont ir-riċerka, irġiel b'imġieba vjolenti spiss iġiegħlu lis-sieħba jew lis- sieħeb jipprovdulhom il-flus biex jilgħabuhom. Nisa li għandhom il-vizzju tal-logħob qalu fir-riċerka li l-vjolenza domestika fid-dar żdiedet minħabba l-vizzju. Huma rrappurtaw li s-sieħeb abbużiv tagħhom jużaw l-iskuża tal-vizzju tagħhom biex ikompli jabbużahom fiżikament, sesswalment u emozzjonalment. Forma oħra ta' abbuż domestiku hija 'parental alienation' – meta xi ħadd mill-ġenituri jaljena - iċaħħad lill-parti l-oħra mill-ulied, jew jipprova jbiegħed l-ulied minnha permezz ta' manipulazzjoni, tixwix u kontroll. Din hija imġieba li sservi biex tagħmel ħsara kbira ħafna lit-tfal, speċjalment fuq livell emozzjonali u mentali, fit-tul ukoll. Adulti li kienu tfal vittmi ta' 'parental alienation' jirrakkunataw li konsegwenza ta' dan huma qatt ma jistgħu jibnu relazzjoni intima ma' xi ħadd minħabba li jsibuha diffiċli jafdaw. L-ulied għandhom bżonn kemm lill-omm kif ukoll lill-missier kemm jista' jkun, biex ikunu f 'saħħithom u kuntenti. Ġenituri li tassew iħobbu lil uliedhom għandhom iħalluhom barra mill- kunflitti ta' bejniethom kemm jista' jkun. Għandhom l-obbligu li jġibu l-ġid tat-tfal l-ewwel u qabel kollox. 'Parental alienation' hija meqjusa bħala forma ta' vjolenza domestika wkoll minħabba li ssarraf f 'abbuż fuq it-tfal, kif ukoll fuq il-ġenitur li jkun qed jiġi aljenat. Ebda relazzjoni mhi perfetta, la bejn il-ħbieb, la bejn kollegi, la bejn il-maħbubin u lanqas bejn il-miżżewwġin. Kulħadd jiġġieled, spiss ma nimux 'l xulxin, ninterpretaw dak li jiġri bejnietna kif jaqblilna jew kif jidhrilna, ma nikkomunikawx ma' xulxin, ngħaddu minn perjodi ta' birda jew inħossuna li rridu l-ispazju tagħna. Il-ħajja kollha kemm hi ma tista' tkun qatt ħielsa mill-kunflitt u mill- problemi, iżda hemm kwalitajiet jew għodda li jservu ta' kolla bejnietna, jew ta' duwa li tfejjaqna. Qed nirreferi għar-rispett. Din hija kelma li ormaj tant ġiet użata li forsi ma jkollhiex l-impatt li għandu jkollha fuqna. Ir-rispett huwa kunċett essenzjali bejnietna l-bnedmin u mingħajrha affarijiet ħżiena u perikolużi biss nistennew. It-tagħlim permezz tal-eżempju huwa kollox fit-trobbija tal-ulied, u dan jitkompla mid-dar għal ġewwa l-iskejjel, kif ukoll iktar tard fil-post tax-xogħol. L-edukazzjoni tar-ruħ mhix xi ħaġa li għandha x'taqsam biss mar-reliġjon jew ma' xi seklu ieħor fil-bogħod. Hemm bżonnha biex is-soċjeta' tagħna tkun inqas vjolenti, biex neqirdu l-preġudizzju, ir-razziżmu, il-miżoġenija, l-omofobija, u kull xorta ta' mibgħeda lejn ħutna, bnedmin bħalna u daqsna. Meta nitkellmu dwar l-edukazzjoni ta' uliedna bħala waħda li timmira li tħarriġhom għax-xogħol fid-dinja tal-futur, hemm bżonn nimu li biex uliedna xi darba jistgħu ikunu kuntenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom, l-ewwel u qabel kollhox iridu jkunu jafu, japprezzaw u jemmnu fihom infushom, kif ukoll jirrispettaw u japprezzaw lill-oħrajn. Jeħtieġ naħsbu iktar kif nistgħu insaħħu l-edukazzjoni ta' uliedna billi nemfasiżżaw iktar ir-rispett u l-apprezzament lejna nfusna, lejn il-ħajja nnifisha, lejn ir-realtajiet varji ta' bnedmin bħalna, lejn l-ambjent, lejn ir-relazzjonijiet ta' bejnietna u lejn il-kapaċità tagħna li nikkomunikaw bir-rispett u b'mod assertiv, niddjalogaw u niddibattu, nimu li n-nuqqas ta' qbil huwa mistenni u li huma ideat differenti li jagħmlu l-ħajja sabiħa u li jikkontribwixxu għall-innovazzjoni u l-kreativita'. L-edukazzjoni umanistika hija ċ-ċavetta biex niħu bieb ieħor fil-ħajja ta' uliedna, kif ukoll fil-ħajja soċjali tagħna – ħajja fejn il-bnedmin japprezzaw lil xulxin u jafu jsolvu l-problemi bil-kompassjoni, mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-oħrajn. Il- vjolenza domestika jeħtieġ tiġi indirizzata mill-lat ta' prevenzjoni u hawnhekk tidħol l-edukazzjoni, għax il-vjolenza spiss hija ġġenerata minn nuqqas ta' għarfien dwarna nfusna, dwar l-istejjer li sawwrulna ħajjitna, dwar it-tama u l-kapaċità tagħna li nibdlu lilna nfusna u d-dinja tagħna għall-aħjar. Jekk għandek bżonn l-għajnuna tkellem ma' xi ħadd li tafda, jew ċempel 179. 23 opinjoni illum • Il-ĦADD 22 TA' AWWISSU 2021 Meta l-imħabba ssir valenu Audrey Friggieri hija l-Kummissarju dwar vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika. Audrey Friggieri