Illum previous editions

ILLUM 26 September 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1414166

Contents of this Issue

Navigation

Page 27 of 27

IL-ĦADD 26 TA' SETTEMBRU 2021 • illum aħbarijiet 'Għandna nieklu żewġ porzjonijiet ta' ħut fil- ġimgħa iżda nvarjaw l-għażla tagħna' Sondaġġ ta' POLAR għall-ILLUM wera kif il-Maltin jieklu ħafna ħut. Imma dan sustanzjuż? Kemm għandna nieklu ħut? X'ħut għandna nagħżlu? YENDRICK CIOFFI Minn sondaġġ ta' POLAR għall-gazzetta ILLUM jirriżulta li madwar 67% tal-Maltin jikkonsmaw il-ħut regolarment, filwaqt li huma 27% li assolutament ma jikluhx. Imma l-ħut kemm hu importanti fid-dieta tagħna? Hemm xi ħut aktar sustanzjuż minn ieħor? Dwar dan il-gazzetta ILLUM tkellmet mad-dietitian Ilona Pulis. Pulis bdiet tispjega kif l-għaqdiet tas-saħħa, madwar id-dinja, jirrakkomandaw żewġ porzjonijiet ta' ħut fil-ġimgħa, b'porzjon ifisser 140 gramma meta l-ħut ikun misjur. Tajjeb ngħidu li s-sondaġġ sab ukoll li 47% tal- Maltin jieklu ħut frisk darba fil- ġimgħa, filwaqt li madwar 21% jikluh aktar ta' spiss. Kompliet tispjega li dan huwa bbażat minħabba nutrijent partikolari li wieħed isib fil- ħut, jiġifieri l-Omega 3, li huwa importanti ħafna għas-saħħa u li iżda l-ġisem ma jipproduċihx b'mod naturali. L-istess linji gwida jissuġġerixxu madwar 200 sa 500 miligramma ta' Omega 3 kuljum, li jiżdied għal 1,000 miligramma kuljum għal min għandu ċertu kundizzjonijiet tas-saħħa. Għal min ma jikolx ħut, wieħed jista' jieħu supplimenti, anke jekk iż-żejt naturali mill-ħut huwa ħafna aħjar għax ma jkunx ipproċessat. Apparti l-Omega 3, il-ħut huwa importanti wkoll għax jinkludi l-Vitamina D u minerali bħall- jodju, il-kalċju u l-manjesju li kollha għandhom irwol importanti fis-saħħa. Pulis fakkret ukoll li l-ħut huwa għoli fil-proteina u ċertu tip ta' ħut huwa għoli wkoll fl-amino acids, li meta jingħaqdu flimkien jiffurmaw il-proteina. Għaliex importanti l-Omega 3? Madanakollu min-nutrijenti kollha li semmejna, l-aktar sinomimu mal-ħut jibqgħu l-Omega 3 li minnhom hemm żewġ tipi partikolari li jissejħu EPA u DHA li jgħinu ħafna f 'diversi kundizzjonijiet tas- saħħa, partikolarment dawk tal- qalb. Huma importanti wkoll għall- iżvilupp fis-sistema tan-nervituri u l-moħħ, tant li huma kruċjali ħafna għas-saħħa mentali. Fil-fatt, kompliet tispjega Pulis, l-Omega 3 jgħinu ħafna lis-serotonin li hija kimika naturali fil-bniedem li tgħin fil-bilanċ tal-burdata. Peress li l-Omega 3 jgħinu ħafna biex tonqos l-inamazzjoni, għandhom effett pożittiv fuq in- nervituri, li fl-aħħar mill-aħħar ifisser inqas riskju ta' dipressjoni. Pulis kompliet tgħid kif dawn iż-żewġ tipi ta' Omega 3 huma importanti wkoll għall-għadam u l-muskoli, fost oħrajn. "Għal ċertu kundizzjonijiet jew fażijiet tal-ħajja, ikun irrakkomandat li persuna tieħu aktar Omega 3, fosthom fit-tqala, minħabba l-iżvilupp tat-tarbija," insistiet. 'Varjaw il-ħut li tieklu' Mistoqsija jekk hemmx xi ħut partikolari li huwa aktar sustanzjuż minn ieħor, Pulis insistiet li l-ħut huwa kollu sustanzjuż. Madanakollu appellat biex nisa tqal jevitaw ħut kbir, bħat- tonn u l-pixxispad minħabba li jkollu ħafna merkurju. Pulis appellat ukoll biex wieħed ivarja l-ħut li jiekol, kemm dak żejtni bħalma huwa t-tonn u s-salamun u anke ħut li mhuwiex żejtni, jiġifieri ħut tax-xewk li jkollu inqas Omega 3 imma li xorta jinkludi nutrijenti oħra importanti. "Aktar ma nieħdu diversità tal- ħut, aktar aħjar għax inkunu qed invarjaw in-nutrijenti," saħqet. Mistoqsija dwar is-seafood, Pulis spjegat li dan ma jaqax eżatt taħt il- kategorija tal-ħut u għalhekk meta qed titkellem fuq żewġ porzjonijiet ta' ħut, mhijiex qed tinkludih. Spjegat kif anke jekk dan ġieli jkun assoċjat mal-kolesterol, insistiet li dan jiġi aktar minn ikel ipproċessat jew il-ġobon u għalhekk jekk persuna tiekol shellfish, pereżempju darba kull tliet ġimgħat, ma tkun qed tagħmel xejn ħażin. "Ovvjament dejjem jiddependi kif ikun imsajjar. Kemm jista' jkun ma naqlux," insistiet. 'Nagħżlu ħut żgħir lokali' U meta nixtru l-ħut lejn xiex għandna nħarsu? Pulis appellat biex wieħed jassigura li l-ġilda tal-ħuta tkun tleqq, li l-garġi jkunu jleqqu u jkunu roża jew ħomor u l-għajnejn ċari. "Dawn kollha juru li l-ħut ikun frisk. Anke r-riħa, importanti li tkun ta' baħar," spjegat. Apparti minn hekk saħqet li tajjeb ukoll li wieħed jagħżel ħut lokali, partikolarment ħut żgħir, bħall-vopi, il-burqax, il-gattarell, l-aringi u s-sardinell. Fi kliemha, ħafna drabi dan il-ħut ma tantx huwa popolari, forsi anke minħabba ċ-ċokon tiegħu. Madanakollu, fi kliemha, dan il-ħut huwa sustanzjuż ħafna, għandu inqas merkurju u huwa għoli ħafna fin-nutrijenti, il- vitamina D u l-minerali. Ġeneralment, dan il-ħut ma jinxtarax għax diffiċli jissajjar, madanakollu spjegat li dan huwa tajjeb ħafna għall-aljotta, l-istokku jew l-istuffat. Saħqet ukoll li minħabba nuqqas ta' domanda, għandu tendenza li jkun irħas, anke jekk xorta tajjeb ħafna. "Apparti minn hekk, ħut bħall-inċova, il-kaħli u s-sawrell jirriproduċu f 'numri kbar u għalhekk jiflaħ għall-pressjoni tas-sajf. Ħut ieħor, li qed jinqabad iżżejjed, jista' jiġi estint, bħaċ- ċerna u l-pixxispad. Jekk nagħżlu dan il-ħut żgħar, qed inkunu wkoll sostenibbli," insistiet. Temmet tgħid li peress li mhux dejjem possibbli li wieħed jixtri ħut frisk, anke minħabba raġunijiet finanzjarji, jekk se jinxtara ħut tal-friza importanti li jkun "Frozen on Board," għax hekk ikunu ippreservati n-nutrijenti, it-togħma u r-riħa. "Inqas ma nixtru ikel ipproċessat bħal fish fingers aħjar. Għal min idejqu l-ħut, jista' jibda ftit ftit billi jipprovdi pulpetti tal-ħut li jkunu magħmulha minn ħut frisk u ħwawar friski. Bħalissa wkoll żmien il-lampuki. Tajjeb li nixtruh," temmet tisħaq. Ilona Pulis X'sab aktar is-sondaġġ? Il-mistoqsija li l-ILLUM poġġi- et quddiem il-parteċipanti kienet: "Kemm-il darba tiekol ħut frisk fil-ġimgħa?" Kif wieħed jista' jimmaġina, fost l-aktar li jikkonsmaw ħut hemm ukoll dawk li jgħixu fix- Xlokk tal-pajjiż, liema reġjun jin- kludi r-raħal tas-sajjieda, jiġifieri Marsaxlokk. Minn fost il-parteċipanti resi- denti f'dawn il-lokalitajiet, aktar min-nofshom, 55%, jieklu l-ħut darba fil-ġimgħa filwaqt li kienu biss 25% li qalu li l-ħut ma jidħolx f'darhom. Il-bqija, jiġifieri mad- war 16% qalu li jieklu ħut frisk aktar minn darba fil-ġimgħa. Jikkonsmaw ħafna ħut ukoll dawk li jgħixu fit-tramuntana tal-pajjiż, liema reġjun jinkludi diversi lokalitajiet ħdejn il-baħar bħall-Mellieħa u San Pawl il- Baħar. L-Għawdxin ukoll jikkons- maw ħafna ħut. Fil-fatt, 69% tal-Għawdxin qalu li jieklu l-ħut b'mod regolari, filwaqt li 25% ma jikluhx. Madwar 39% qalu li jieklu l-ħut aktar minn darba fil- ġimgħa. Mill-banda l-oħra, l-inqas li jikkonsmaw ħut huma dawk li jgħixu fin-Nofsinhar tal-Port, liema reġjun jinkludi lokalitajiet bħall-Belt Valletta u l-Kottonera. Huma 58% tar-residenti f'dawn il-lokalitajiet li jikkonsmaw il- ħut regolarment, filwaqt li 38% qalu li ma jikluhx. Jekk inħarsu lejn l-etajiet, l-ak- tar li jikkonsmaw ħut huma l-anzjani li għandhom 65 sena jew aktar. Kienu 79% li qalu li jikkonsmaw ħut regolarment. Mill-banda l-oħra, l-inqas li jiek- lu ħut huma dawk li għandhom bejn is-36 u l-50 sena. 60% qalu li jieklu l-ħut b'mod regolari, filwaqt li 34% qalu li l-ħut ma jidħolx id-dar.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 26 September 2021