Illum previous editions

ILLUM 5 December 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1435350

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 27

09 illum • IL-ĦADD 5 TA' DIĊEMBRU 2021 analiżi issa? Milied ieħor imħarbat? L-ILLUM iddur dawra mal-Ewropa Attivijiet fuq ġewwa jistgħu jsiru għal udjenza bilqiegħda biss u laqgħat privati, ħlief għat-tiġijiet u l-funerali, ma jistgħux jsiru. Kemm hu inkwetanti l-varjant Omicron? Għax konna se noqogħdu kwieti, tfaċċa dan l-imbierek varjant Omicron li qajjem tħassib fost bosta u wassal biex pajjiżi jerġgħu jintroduċu ċertu restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar. L-Għaqda Dinjija għas-Saħħa ddeskrivietu bħala "varjant ta' tħassib," fost oħrajn għax kellu numru ta' mutazzjonijiet. Tant hu hekk li kien hemm xjentisti li ddeskrivewh bħala l-agħar varjant li qatt raw. It-tħassib kompla jiżdied hekk kif pajjiż wara l-ieħor fl-Ewropa bdew ukoll jidentifikaw każi ta' dan il-varjant. L-ewwel u qabel kollox irridu nżommu f 'moħħna li kwalunkwe virus jinbidel kontinwament b'dak il-proċess naturali li jissejjaħ mutazzjoni, fejn ikollok bidla fl- istruttura tal-ġene. Xi drabi, dawn il-varjanti jisparixxu waħedhom iżda oħrajn jippersistu u jsiru dominanti. Għalhekk ma kinitx sorpriża li anke l-Covid-19 jiżviluppa dawn il-varjanti. Ħafna minn dawn il- varjanti ma jbiddlu kważi xejn mill-virus iżda oħrajn jistgħu jkunu aktar b'saħħithom u jinxterdu aktar malajr. Qed isiru ħafna mistoqsijiet dwar dan il-varjant, fosthom jekk il-vaċċin jaħdimx kontrih. Ftit nafu fuqu u f 'dan l-artiklu, l-ILLUM se tipprova tispjega l-fatti. Minn fejn oriġina dan il-varjant? Kienu l-awtoritajiet fl-Afrika ta' Isfel li rrapportaw għall-ewwel darba l-varjant u dan wara li nnutaw żieda sostanzjali fil-każi fil-provinċja ta' Gauteng. Skont l-informazzjoni mogħtija lill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, il-varjant Omicron kien identifikat minn kampjun li ttieħed fid-9 ta' Novembru, iżda minn dakinhar, il- varjant kompla jinfirex. Immedjata kienet ir-risposta ta' Malta u wara ta' pajjiżi oħra Ewropej u anke tal-Istati Uniti li waqqfu l-ivjaġġar minn u lejn l-Afrika ta' Isfel u pajjiżi oħra ġirien. Għadda minn ħafna mutazzjonijiet Dan il-varjant għadda minn ħafna mutazzjonijiet u għalhekk huwa differenti ħafna mill- Covid-19 u l-varjanti tiegħu, inkluż il-varjant Delta li huwa l-aktar wieħed dominanti bħalissa. Propju għalhekk li qed iħasseb ħafna lill-Għaqda Dinjija għas- Saħħa u lix-xjentisti. "Dan il-varjant issorprendina. Hemm qabża kbira fl- evoluzzjoni tiegħu u ħafna aktar mutazzjonijiet milli stennejna," saħaq il-Professur Tulio de Oliviera, li huwa d-Direttur taċ-Ċentru għar-Rispons tal- Epidemiji u l-Evoluzzjoni fl- Afrika ta' Isfel. De Oliveira qal li l-varjant għadda minn 50 mutazzjoni u 30 minnhom huma mutazzjonijiet f 'dik li tissejjaħ bħala 'spike protein.' Fi kliem sempliċi, din hija dik ix- xewka li jkun hemm fil-virus u li 'taqbad' maċ-ċelloli umani. Fil-fatt il-mira tal-vaċċin huwa propju din ix-xewka. Allura dan ifisser li l-vaċċin ma jaħdimx kontra l-Omicron? Il-mistoqsija li qed jagħmlu ħafna hija jekk il-vaċċin jaħdimx kontra l-Omicron peress li fih ħafna mutazzjonijiet, iżda ta' min wieħed isemmi mill-ewwel li ħafna mutazzjonijiet, ma jfissrux awtomatikament li l-vaċċin mhux se jaħdem jew li l-varjant se joħloq problema. Madanakollu, fil-każ tal- Omicron, l-aktar li qed jinkwieta lix-xjentisti huwa l-għadd ta' mutazzjonijiet fl-ispike protein, li kif spjegajna qabel, hija dik iċ- ċavetta li l-virus u l-varjanti tiegħu jużaw biex jaqbdu maċ-ċelloli umani. Kemm il-vaċċin ta' Pfizer/ BioNTech, ta' Moderna, tal- AstraZeneca u ta' Johnson & Johnson jużaw biss parti żgħira mis-sekwenza ġenetika tal-virus (mhux il-virus kollu hemm hu) u kollha kemm huma jużaw ukoll biċċiet mill-ispike protein biex joħolqu l-immunità. Għalhekk, aktar ma jkun hemm bidla f 'din ix-xewka, aktar hemm ċans li s-sistema immunitarja, mibnija bis-saħħa tal-vaċċin, ma tagħrafx il-virus u għalhekk ma tiġġilidx kontrih biżżejjed. Propju għalhekk li esperti qed jgħidu li l-vaċċin jista' jkun inqas effettiv kontra l-Omicron għax ikun kapaċi jevadi l-protezzjoni. Kemm Pfizer u anke Moderna qalu li jeħtieġu aktar informazzjoni biex jiddeterminaw kemm hu effettiv il-vaċċin tagħhom kontra l-Omicron. Madanakollu, l-istess esperti jisħqu li l-kumpaniji li jipproduċu l-vaċċin jistgħu jieħdu biss it ġimgħat jew inkella xhur biex jimmodifikaw il-vaċċin b'tali mod li jkun jista' jilqa' aktar kontra dan il-varjant. L-Omicron jinxtered aktar malajr? Anke biex inwieġbu din il- mistoqsija it għad hemm fatti. Madanakollu, kollox qed jindika li dan jinxetered aktar malajr mill- varjanti l-oħra. Fost oħrajn, il-varjant jinkludi mutazzjoni li tissejjaħ N501Y, l-istess mutazzjoni li tat lill-varjanti Alpha u Gamma aktar saħħa biex jinxterdu. Bħad-Delta, l-Omicron għandu mutazzjoni li tissejjaħ D614G li tgħin lill-virus jaqbad aktar maċ- ċelloli li jinfetta. X'inhuma s-sintomi u dan il-virus jinxtered aktar malajr? Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid biċ-ċert jekk dan il-varjant jikkawżax sintomi aktar severi jew le. Madanakollu, tabiba li ħadmet ma' pazjenti fl-Afrika ta' Isfel li ġew infettati b'dan il-varjant, qalet ma' Reuters li s-sintomi kienu ħfief. L-aktar sintomu predominanti, skont din it-tabiba, hija għejja kbira li ddum madwar ġurnata jew tnejn u li tkun akkumpanjata minn uġigħ ta' ras u anke uġigħ fil-ġisem. It-tobba fl-Afrika ta' Isfel qed jaqblu li l-vaċċin, anke jekk jista' jkun inqas effettiv, xorta waħda jista' joffri livell tajjeb ta' protezzjoni u fil-fatt qed iħeġġu aktar nies biex jitlaqqmu. Fl-Afrika ta' Isfel, 24% biss tal- popolazzjoni adulta ħadet imqar tilqima waħda u 35% biss huma mlaqqma kompletament. Ta' min isemmi wkoll li fl-Afrika ta' Isfel hemm rata għolja ta' persuni li huma morda bl-HIV, liema kundizzjoni tbaxxi s-sistema immunitarja. Dawn kollha huma fatturi li setgħu waslu biex fl-Afrika ta' Isfel dan il-varjant jinxtered ħafna. Apparti minn hekk, ir-rata' ta' pazjenti li qed ikollhom bżonn kura fl-isptar fl-Afrika ta' Isfel qed jiżdied. Madanakollu, il-WHO qalet li dan mhux bilfors huwa assoċjat mal-Omicron imma jista' jkun riżultat ta' żieda ġenerali fil- każi. Ta' min ifakkar ukoll li madwar 6% tal-popolazzjoni fl-Afrika ta' Isfel għandhom aktar minn 65 sena u għalhekk lanqas ma huwa ċar jekk dan il-varjant jistax jikkawża sintomi aktar severi f 'dawk li huma l-aktar vulnerabbli. X'nafu b'ċertezza? Filwaqt li ħafna studji għadhom għaddejja, ħaġa waħda hija ċerta. L-aktar miżuri bażiċi ta' mitigazzjoni, fosthom l-iġjene tal-idejn, l-ilbies tal-maskri u d-distanza soċjali jiġġieldu wkoll lill-varjanti tal-Covid-19 u jibqgħu għodda importanti, flimkien mat- tilqima, biex wieħed jippreveni infezzjoni.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 5 December 2021