Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1435350
12 intervista IL-ĦADD 5 TA' DIĊEMBRU 2021 • illum 'Dan mhux aġir ta' Speaker iżda ta' kodard lil ħaddieħor' - Arnold Cassola ANTHEA CACHIA Nivvutaw lil persuna għax nafuha? X'inhi l-aħjar soluzzjoni għall- problemi ambjentali f 'pajjiżna? Għaliex qiegħed jiġi investigat l-Ispeaker Anġlu Farrugia? Il-politiċi għandhom etika? U l-oppożizzjoni, hi b'saħħitha biżżejjed? Dawn kienu wħud mill-mistoqsijiet li l-gazzetta ILLUM għamlet lill- kandidat indipendenti, attivist u lettur Arnold Cassola. Huwa stqarr ma' din il- gazzetta x'inhuma l-aktar affarjiet li qed jinkwetawh bħalissa fil-pajjiż, fosthom "it-theddida fuq id-demokrazija", kif ukoll x'jixtieq għall-Malta fis-snin li ġejjin. 'Din mhux demokrazija, dan hu ingann' Mistoqsi jekk jaqbilx mal-kwota tan-nisa fil-Parlament, mekkaniżmu li jgħin lin-nisa biex jipparteċipaw aktar fil-politika, huwa wieġeb; "naqbel perfettament." Madankollu Cassola rrimarka li, assolutament ma jaqbilx mal-mod ta' kif saret f 'Malta, "b'ingann kbir biex isaħħu l-pożizzjoni tal-PN u l-PL. Mhux veru li l-partiti jixtiequ l-ġid lill-mara Maltija," żied jgħid Cassola. Il-mekkaniżmu tal-kwota jidħol fis- seħħ biss meta wieħed mis-sessi jikseb inqas minn 40% tas-siġġijiet parlamentari. F'każ li jiġri hekk, dan il-mekkaniżmu jippermetti li jiżdiedu sa massimu ta' 12- il siġġu addizzjonali. F'dan ix-xenarju, is- siġġijiet imorru għan-nisa. Cassola spjega li b'dan il-mekkaniżmu, il-kandidati Laburisti u Nazzjonalisti biss jistgħu jidħlu fil-Parlament. Żied li b'din is-sistema minn dawk it-12-il kandidat li jitilgħu bil-kwota, kandidata indipendenti titneħħa, lil hinn minn kemm ġabet voti u minflok tidħol, it-13- il kandidata. Huwa saħaq li din mhux sistema demokratika u "dan hu mod kif ikomplu jsaħħu 25 sena ta' duwaliżmu politiku Nazzjonalista u Laburista. Qed jippruvaw iżommu lil ħaddieħor milli jidħol fil- Parlament u huwa għalhekk li jien għandi kawża kostituzzjonali għaddejja kontriha." L-ILLUM tistaqsi … Rosianne Cutajar għandha tibqa' fil-Parlament? "Kieku għandha daqsxejn dinjità u rispett lejha nnifisha … kieku jien kont nirriżenja," qal Arnold Cassola. Jgħid li l-agħar element għalih huwa l-fatt li baqgħet tiffrekwenta u tikkomunika ma' Yorgen Fenech u "dan wara li kienet taf li hu bniedem li jxaħħam lill-politiċi permezz ta' 17 Black." Minkejja dan huwa jgħid li din ma tgħoddx biss għal Rosianne Cutajar. "Din tgħodd għal nies oħra bħal Edward Zammit Lewis, Hermann Schiavone u Kristy Debono. Huwa immorali li tkompli tiffrekwenta lil min ixaħħam lill-politiċi." Min-naħa l-oħra jgħid li wieħed ma jistax jitfa' lill-politiċi f 'keffa waħda. Jgħid li hemm politiċi li għandhom sens ta' etika, li jżommu mar-regoli u għandhom valuri. Minkejja dan Cassola qal li hemm oħrajn li għalihom xejn mhu xejn u l-uniku valur għal ħafna hu dak tal-flus u materjaliżmu. "Joseph Muscat żied din il-mentalità bil-kbir. Rawwem ġenerazzjoni żagħżugħa, mhux biss ta' politiċi, li għalihom l-importanti li jidhru. Għalhekk għandna dik il-ġenerazzjoni ta' politiċi arroganti bħalma huma; Ian Borg, Rosianne Cutajar u Silvio Schembri. Dan jinkludi wkoll lil Justyne Caruana, li b'arroganza impjegat lill-ħabib tagħha," sostna Cassola. L-Oppożizzjoni, hija stabbli biżżejjed biex Malta jkollha demokrazija adegwata u b'saħħitha? "Assolutament le," wieġeb Cassola. Tant hu hekk li huwa ddeskriva l-Oppożizzjoni bħala l-akbar problema f 'pajjiżna, flimkien "mal-arroganza, l-ħmieġ u l-ingann ta' ċertu nies fil-Labour." Huwa stqarr ma' din il-gazzetta li l-problema tal-Oppożizzjoni hi li hija kważi ineżistenti għax hi dgħajfa u magħmula minn persuni li għandhom għanijiet differenti. Jgħid li l-biża' tiegħu hi li wara l-elezzjoni li jmiss jibqa' il-Partit Nazzjonalista biss fl-Oppożizzjoni. "Kważi mhu se jkollna oppożizzjoni xejn. Il-kwistjoni tal-elezzjoni li jmiss mhux min se jirbaħ l-elezzjoni. Sfortunatament il-Labour bil-ħmieġ, bl-inganni, bil- korruzzjoni u bl-abbuż ta' poter tiegħu se jirbaħ u se jirbaħ bil-kbir." Għalhekk jgħid li l-votant għandu jistaqsi; "irrid li fl-Oppożizzjoni jkun hemm biss il-PN? Aħna irridu din it-tip ta' Oppożizzjoni? Li Joseph Portelli jgħid li jagħti flus lit-tnejn u l-Oppożizzjoni ma tgħid xejn? PN li jgħid li se jibqa' jbigħ il-passaporti u ċ-ċittadinanza? PN li jgħidlek li l-kaċċa hi mħabba lejn in- natura? Allura din mhi oppożizzjoni xejn." Jemmen li fil-Parlament Malti għandu jkun hemm kandidati indipendenti u mit-tielet partit li jkunu onesti u jitkellmu għall-interess tal-poplu. 'L-ispinta kienet li niġġieldu l-korruzzjoni u l-vjolenza' Cassola rrakkonta li fl-1989, l-għan tat-twaqqif tal-partit Alternattiva Demokratika kien li jiġġieled il- korruzzjoni u l-vjolenza ta' dak iż-żmien. "Illum is-sitwazzjoni hi l-istess," qal Cassola. Spjega li minkejja li l-vjolenza fiżika fir-triq, mil-lat politiku spiċċat, "sfortunatament, l-vjolenza għadha teżisti." Kien hawn li huwa rrefera għall- assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Cassola jgħid li llum il-ġurnata l-ġurnalisti jiltaqgħu ma' ħafna theddid sottili li ta' spiss ikunu f 'forma ta' libell, "biex jgħalqulhom ħalqhom. Dan għadu jeżisti." Qal li huwa proprju għalhekk li hemm bżonn ta' aktar rappreżenanza indipendenti fil-Parlament. Għax skont hu, "kienet is-sistema taż-żewġ partit biss li ġabet dan kollu f 'Malta. Is-sistema taż-żewġ partiti twassal li min jirbaħ l-elezzjoni, mhux biss jirbaħ il-Gvern iżda jirbaħ kollox". Qal li, din għandna bżonn li niġġilduha, "għalhekk qed noffri lili nnifsi bħala kandidat indipendenti, minkejja s-sistema li hi kompletament kontrik," żied Cassola. Jikkritka lill-Gvern bl-aħrax imma lanqas iħalliha lixxa lill-Oppożizzjoni. Jisħaq li l-akbar problema tal-pajjiż huwa l-PN waħdu fl-Oppożizzjoni u 'l-arroganza, l-ħmieġ u l-ingann ta' ċertu nies fil-Labour' ... Il-gazzetta ILLUM tintervista lil Arnold Cassola.