Illum previous editions

ILLUM 19 December 2021

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1438068

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 31

18 Ewropej IL-ĦADD 19 TA' DIĊEMBRU 2021 • illum Rokna letterarja mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Il-pass li jmiss F'intervista, Ian McEwan jirrakkonta li fil-bidu tal- karriera tiegħu, huwa u jikteb The Cement Garden li bdieh fit-triq lejn iċ-ċelebrità, kien stieden lil Philip Roth, kittieb ġa stabbilit, biex jaqralu l-manuskritt. Roth kien ġie sal-appartment tiegħu, firixlu l-karti mal-art qisu ġeneral qed jippjana attakk minn fuq mappa topografika enormi, u qallu li f 'punt partikolari tar-rumanz "Here, all hell should break loose". Min qara lil Roth jaf xi tfisser din, fejn il-ħajja normali tinħall minn traġedja li twassal għal abbissi infernali bla qiegħ. Iridu jinfetħu bwieb is-sema. McEwan apprezza l-kumment imma ma segwihx, u ħareġ rumanz li kien xorta kapolavur ta' orrur kalm u kiebi mingħajr id-dagħbien li ssuġġerielu Roth. Hemm ħafna letteratura emerġenti ħierġa bħalissa f 'Malta li minkejja li kotrana, donnha tagħfas fuq suġġetti dojoq partikolari u forsi toqgħod attenta wisq milli tagħmel il-pass li jmiss lejn id- dagħbien ta' waqgħa waħxija. Xi mumenti ta' kuraġġ letterarju jafu jifirxu, speċjalment f 'kitbiet li jitbandlu bejn il-prodott deliberat għaż-żgħażagħ li xorta jkollu kunsiderazzjonijiet 'aktar adulti', bħall-aspett sesswali tabù ta' Perfettament Imperfetta ta' Kirsten Spiteri u s-sottiljezza effettiva li biha jitrattah l-awtur. Il-kittieb emerġenti ppremjat ftit ilu waqt il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Stephen Lughermo, huwa wkoll wieħed minn dan il-boton: għalkemm beda jterraq f 'letteratura għal demografija partikolari, ġa tixref ħila ta' kompożizzjoni u maturità fl- analiżi tat-temi li turi li ġej kittieb li qed jikkarga bil-mod il-mod għal prodott b'saħħtu. Ċelel bla Ħitan huwa l-ewwel ġabra ta' novelli ta' Lughermo li jippruvaw jinqalgħu mit- tikketta ta' kittieb ġa rebbieħ tal-Premju Terramaxka u l-Konkors ta' Kitba - Letteratura għaż-Żgħażagħ tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Dak li jkun m'għandux jitqarraq b'dan: Lughermo ġa wera li għandu n-nifs għal rumanz b'Jarmuk (Horizons, 2017), maħdum u mqassam tajjeb u li jżommok taqrah b'interess sal-aħħar, u li jittratta temi importanti u attwali minkejja li forsi ktieb maħsub għal udjenza dejqa jew partikolari. Imma dawn in- novelli l-ġodda jittrattaw dik li tidher hi ossessjoni ewlenija tal- awtur: iċ-ċelel bla ħitan, fis-sens tal-ħabsijiet psikoloġiċi u soċjali li ngħixu fihom, fejn il-ħitan li jagħlquna diffiċli ninfduhom għaliex inviżibbli u ma nafux minn fejn naqbdu nibdew. Dan il-kunċett ġa jissemma f 'Jarmuk, storja ta' tfajjel immigrant u seħibtu tal-klassi, li t-tnejn jgħixu żgħożija soċjalment iwiegħra, u jingħaqdu fir-realtà komuni tagħhom fuq proġett dwar żewġ ħabsin ċelebri, Mandela u Vassalli. It- tfajjel Sirjan, Marwan, jaħseb dwar Mandela u jgħir għalih, għaliex il-mexxej Sud Afrikan irnexxa fit-tir tiegħu minkejja li maħbus, waqt li d-dgħajsa tax- xorti lit-tifel iġġibu f 'ħabs ta' solitudni u iżolament, maqtugħ minn niesu u minn għeruqu u mbarri minn soċjetà li suppost qed tilqgħu. Fin-novelli, dawn iċ-ċelel bil-ħitan inviżibbli jsiru l-konkretizzazzjoni ta' mumenti fil-ħajja ta' kuljum, nies li ma jistgħux jaħarbu mill-kundizzjoni tagħhom fejn, bħalma tgħid il-qoxra ta' wara tal-ktieb "jesperjenzaw klawstrofobija tar-ruħ, ibatu għeluq li ma jidhirx, jitħarbtu ma' ħitan inviżibbli bil-ħolma ta' libertà f 'dinja...ħielsa." Dan il-ħelsien jibqa' fil- biċċa l-kbira ħolma, kimera, u l-karattri li jinnegozjaw dan l-għeluq sikwit iċedu u jibqgħu imsakkra fil-priġunerija ta' ruħhom. Hawn, għalhekk, Lughermo donnu jidħol f 'mogħdija mterrqa sew minn bosta kittieba ta' qablu, fejn iċ- ċediment quddiem il-miżerji tal- eżistenza jew is-sikkaturi soċjali spiss huwa l-unika soluzzjoni. Għażla passiva, li xorta żżomm li dak li jkun bejn dawn il- ħitan. Ir-realtajiet li jesplora Lughermo, mis-solitudni tax- xufier tat-trakk fuq l-awtostradi Taljani sal-mara li qed tissogra tibqa' fuq l-ixkaffa jew l-enneżima koppja qed tisfaxxa, ifakkru wkoll fix-xogħol bikri ta' Immanuel Mifsud, b'estetika aktar leġġera u inqas mudlama, iżda xorta waħda spiss mgħarrqa fir-rassenjazzjoni. Dan xogħol kruċjali għal kittieb li għadu kemm iggradwa għat-titlu ta' talent interessanti. Anki għaliex dawn in-novelli qed jaħdmu fuq l-ossessjoni msemmija qabel iżda qegħdin forsi wkoll jagħtu l-ewwel passi fid-dlam sakemm jinsab xaqq dawl li jista' jillumina aħjar l-intenzjonijiet organiċi tal- awtur. Jiġifieri, lil hinn mix-xebh, il-kontinwità u l-għarfien ta' min ġie qabel, hemm ukoll il-ħtieġa tal-għarfien ta' x'jistgħu jkunu il-passi li jmiss. Tkellimna dwar it-tradizzjoni u jekk nagħmlu punt dwar il-kontemporanjetà, jidher li hemm bosta awturi żgħażagħ li, madankollu, għalissa għadhom qed jitkellmu dwar l-istess ħaġa. L-ambjent tal-iskola, l-iskoperti u l-isfidi taż-żgħożija, il-preżenza ubiwka tad-diġitali f 'ħajjithom. L-iskola fil-letteratura dinjija spiss kienet il-metafora xierqa għall-ħajja, u sikwit it-tranżizzjoni miż- żgħożija għall-adultezza hija l-ħamrija ideali għal dak l-ewwel rumanz. Dan ir-rumanzar 'adolexxenzjali' jaf huwa wkoll iddettat minn suq u sistemi li qed jippruvaw iwessgħu l-għażla tal- Stephen Lughermo

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 19 December 2021