Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/1440000
17 kotba illum • IL-ĦADD 2 TA' JANNAR 2022 Mark Vella jispiċċa jqalleb b'għoġba f'Karattri u Rakkonti ta' Mario Thomas Vassallo, minkejja xettiċiżmu li jasal jammetti li xejn ma kien motivat. Mhux biss, imma l-pjaċir tal-qari jqajjem riflessjonijiet akbar dwar il-kunċett tal-kultura kif forsi missha tkun (b'tislima meħtieġa lil Antonio Gramsci) U allura sibt li Vassallo, nagħtu każ, tal-ġenerazzjoni tiegħi (tifridna sena) u li għalkemm trabba u ħadem f 'ambjent raħli, tradizzjonali u attivament Kattoliku, b'xi mod differenti minn tiegħi, xorta waħda jiftakar fi ħwejjeġ li anki jien nista' nidentifika bi sħiħ magħhom. Dan għaliex huma, jekk nibqgħu nsegwu t-tagħlima ta' Gramsci, reminixxenzi dwar wirt kulturali komuni u essenzjalment nazzjonali, fis-sens li fih elementi kruċjali għar-radd tal-identità. Li hemm differenti bejni qarrej u Vassallo awtur huwa l-intensità relattiva tal- esperjenzi, imma d-deskrizzjoni tal-festi tal-irħula, l-abbatini li jitilgħu l-Vatikan, in-nanniet jisolħu l-fniek – flimkien ma' mumenti storiċi għadhom friski mill-istorja riċenti, bħall-kwistjoni tal-iskejjel – jgħaqqduna flimkien sew bħala nies ġejjin minn poplu wiesa' li jaqsam karatteristiċi identitarji u nazzjonali. X'inhu nazzjonali-popolari, biex inkomplu niftiehmu? Għall-Amerikani, nagħtu każ, il-western, li jirrakkonta l-konfronti li wasslu għad- definizzjoni ta' nazzjon, minkejja s-suċċess universali eventwali minn fuq il-liżar kif ġabhulna Hollywood. Għat-Taljani, minn fejn ħareġ it-terminu, spiss isemmu huma stess il-wirjiet sportivi nazzjonali, speċjalment fil-futbol, u l-festival ta' Sanremo, mumenti fejn poplu li huwa pjuttost differenti mit- tramuntana san-nofsinhar, jingħaqad għalenija lejn idea nazzjonali waħda. U għall- Maltin? Nimmaġina l-Eurovision jaf ikun xi ħaġa hekk, minkejja li nkantaw bl-Ingliż, iżda huwa evidenti li jingħaqdu l-Maltin ta' kull kredu u saff bit-tama li għad nirbħu u bid-diżappunti u r-rekriminazzjonijiet varji li ġġib magħha kull disfatta. Ir-rakkonti ta' Vassallo jimxu wkoll mal-idea ġenerali tal- kultura ta' Gramsci għaliex miktubin minn ottika organika, fis-sens li l-ħassieb u l-kittieb jitlaq minn postu kif magħġun intimament mal-poplu u l-interazzjoni miegħu. L-awtur jaf dak li qed jirrakkontalna għax għexu u ħa sehem fih, anki kif naraw mill-impenn Kattoliku attiv tiegħu li jlewwen il-viżjoni kumplessiva tal-ktieb mingħajr ma jeskludi jew idarras bl- imperattivi moralistiċi. Preċiżament għaliex il-viżjoni tibda minn ġewwa (jew minn ħdan) u minn taħt, u għalhekk tista' tiġbor anki lili magħha, fost bosta oħrajn. Vassallo l-Malti jiġih naturali daqs il-ħeffa li biha jirrakkonta. Malti idjomatiku bla sforz li jimxi id f 'id ma' rakkont ġenwin li lanqas m'għandu bżonn il- kutrumbajsi jew l-arroganza stilistika biex jasal fejn irid. Huwa rakkont ta 'xi ħadd li tkun lest tisimgħu, kważi sieħeb dik li jgħidu dwar meta awtur tkun trid issir ħabib tiegħu tant tkun qed tieħu gost taqrah. Ħabib, jew almenu konoxxenti, li tista' tidħol minnufih f 'kunfidenza miegħu, mingħajr ma jkollok tħejji ruħek għal xi taqbida bejn l-imħuħ ma jafdawx lil xulxin. Tista', fil-fatt, tistrieħ, tinża' għal ftit mill-armatura, u taqra xi ħaġa li hija, wara kollox, int. Li tagħrafha, anki meta mhijiex tiegħek għalkollox, u li tapprezzaha, għaliex b'xi mod missejtha jew tmissha. Mhijiex ħarsa nostalġika dik ta' Vassallo: xejn affattu. Huma memorji ta' individwu, validi daqs kull memorja oħra, imma li dak li jkun jieħu l-intrigu li jagħtihom sura u jxerridhom mal-oħrajn. Forsi anki biex jagħmel sens mill-memorja, mill-ħajja, u minn biċċa mill-vjaġġ li ntemm u li għandu bżonn jingħata ċertu ordni, sens, tifsira. Il-pubblikazzjoni ntbagħtet lir-reċensur mill-Kite Group.